Konferenza Ġenerali
“Imbagħad Jiena Nsaħħilhom Dak Kollu li Hu Dgħajjef”
konferenza ġenerali April 2022


“Imbagħad Jiena Nsaħħilhom Dak Kollu li Hu Dgħajjef”

Hekk kif niċċekknu u neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu, il-grazzja ta’ Kristu u s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni infinita tiegħu jagħmluha possibbli li ninbidlu.

Il-President Thomas S. Monson darba rrakkonta l-istorja ta’ Clinton Duffy, gwardjan tal-ħabs. “Tul is-snin 40 u 50, [il-Gwardjan Duffy] kien magħruf sew għall-isforzi tiegħu fir-riabilitazzjoni tal-irġiel ġewwa l-ħabs tiegħu. Wieħed kritiku qallu, “Tajjeb tkun taf li l-leopardi ma jibdlux it-tikek tagħhom!”

“Il-Gwardjan Duffy wieġeb, ‘Tajjeb tkun taf li jien ma naħdimx mal-leopardi. Jien naħdem mal-irġiel, u l-irġiel jinbidlu kuljum.’”1

“Waħda mill-akbar gidbiet ta’ Satana hi li l-irġiel u n-nisa ma jistgħux jinbidlu. Din il-gidba tismagħha u terġa’ tismagħha b’diversi modi differenti hekk kif id-dinja tgħidilna li aħna sempliċiment ma nistgħux ninbidlu—jew agħar minn hekk, li m’għandniex ninbidlu. Aħna mgħallmin li ċ-ċirkustanzi tagħna jiddefinixxuna. Għandna “nħaddnu dak li verament aħna,” tgħidilna d-dinja, “u nkunu awtentiċi għal dak li veru aħna.”

Aħna Nistgħu Ninbidlu

Filwaqt li tajjeb li nkunu awtentiċi, għandna nkunu awtentiċi għal dak li vera aħna sewwasew, bħala wlied Alla b’natura divina u destin divin biex insiru bħalu.2 Jekk l-għan tagħna hu li nkunu awtentiċi għal din in-natura divina u d-destin divin, mela lkoll jeħtieġ ninbidlu. Il-kelma skritturali għall-bidla hi indiema. “Ħafna huma n-nies,” jgħallem il-President Russell M. Nelson, “li jikkunsidraw l-indiema bħala xi kastig—xi ħaġa li għandna nevitaw ħlief fl-aktar ċirkustanzi serji. … Meta Ġesù jitlob lilkom u lili biex ‘nindmu,’ Hu jkun qed jistedinna biex ninbidlu.”3

Il-Kundizzjonijiet ta’ Alla

L-iżviluppaturi tas-software tal-kompjuter jużaw dikjarazzjonijiet kundizzjonali biex jordnaw lil kompjuters x’għandhom jagħmlu. Dawn xi kultant nirreferu għalihom bħala dikjarazzjonijiet ta’ jekk-imbagħad. Bħal meta, jekk x hu veru, imbagħad agħmel y.

Il-Mulej jopera wkoll permezz ta’ ċerti kundizzjonijiet: kundizzjonijiet ta’ fidi, kundizzjonijiet ta’ tjieba, kundizzjonijiet ta’ ndiema. Dawn li ġejjin huma bosta eżempji ta’ dikjarazzjonijiet kundizzjonali minn Alla bħal:

Jekk tobdu l-kmandamenti tiegħi u tibqgħu sodi sat-tmiem [imbagħad] intom ikollkom il-ħajja eterna, liema rigal hu l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”4

Jew “jekk titolbu b’qalb sinċiera, b’intenzjoni reali, b’fidi fi Kristu, [imbagħad] hu jurikom il-verità kollha tagħha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”5

Anke l-imħabba ta’ Alla, minkejja li hi infinita u perfetta, hi wkoll suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.6 Per eżempju:

Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, [imbagħad] intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”7

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson kompla jispjega din il-verità tal-evanġelju meta għallem: “Xi wħud spiss jgħidu, ‘is-Salvatur iħobbni kif jien,’ u m’hemmx dubju minn dan. Iżda Hu ma jista’ jieħu lil ħadd minna fis-saltna tiegħu, fl-istat li ninsabu fih, għax ‘l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar hemmhekk, jew tgħammar fil-preżenza tiegħu’ [Moses 6:57]. Jeħtieġ li l-ewwel nirrisolvu dnubietna.”8

Jista’ Jisaħħaħ Dak Kollu li Hu Dgħajjef

Il-barka li nirċievu l-qawwa ta’ Alla biex tgħinna ninbidlu hija wkoll kundizzjonali. Is-Salvatur, meta kien qed jitkellem permezz tal-profeta Moroni fil-Ktieb ta’ Mormon, għallem: “Jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. Jiena nagħti d-dgħjufija lill-bnedmin sabiex huma jkunu umli; u l-grazzja tiegħi hi suffiċjenti għall-bnedmin kollha li jiċċekknu quddiemi; għaliex jekk huma jiċċekknu quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nsaħħilhom dak kollu li hu dgħajjef.”9

Jekk inħarsu aktar mill-viċin lejn dak li l-Mulej qed jgħallimna hawn, naraw li Hu l-ewwel jgħid li Hu jagħti dgħufija,lill-irġiel u n-nisa, fis-singular, li hi parti mill-esperjenza mortali tagħna bħala esseri mitlufa jew karnali. Aħna sirna rġiel u nisa naturali minħabba l-Waqgħa ta’ Adam. Iżda permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, nistgħu negħlbu d-dgħufija tagħna jew in-natura mitlufa tagħna.

Imbagħad Hu jgħid li l-grazzja tiegħu hi suffiċjenti u li jekk niċċekknu u jkollna l-fidi fih, imbagħad Hu “jsaħħaħ dak kollu [plural] li hu dgħajjef.” Fi kliem ieħor, hekk kif l-ewwel aħna nibdlu n-natura mitlufa tagħna, id-dgħufija tagħna, imbagħad nkunu nistgħu nibdlu l-imġiba tagħna, id-dgħufija tagħna.

Ħtiġijiet għall-Bidla

Ejjew nagħtu ħarsa lejn il-ħtiġijiet għall-bidla skont il-mudell tal-Mulej:

L-ewwel, jeħtieġ li niċċekknu. Il-kundizzjoni tal-Mulej għall-bidla hija l-umiltà. “Jekk huma jiċċekknu quddiemi,”10 Huwa qal. L-oppost tal-umiltà hija l-kburija. Il-kburija teżisti meta naħsbu li nafu aħjar—meta dak li aħna naħsbu jew inħossu npoġġuh qabel dak li Alla jaħseb jew iħoss.

Is-Sultan Benjamin għallem li “il-bniedem naturali hu għadu ta’ Alla … u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm … ma jinżax minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej, u jsir bħat-tfal, sottomess u umli.”11

Sabiex ninbidlu, jeħtieġ li ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nsiru umli u sottomessi. Jeħtieġ li nkunu umli biżżejjed biex nimxu wara profeta ħaj. Umli biżżejjed li nagħmlu u nħarsu l-patti tat-tempju. Umli biżżejjed biex nindmu kuljum. Jeħtieġ li nkunu umli biżżejjed li rridu ninbidlu, li “noffru qalbna lil Alla.”12

It-tieni, jeħtieġ li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu. Għal darb’oħra, kliem is-Salvatur: “Jekk jiċċekknu quddiemi, u jkollhom il-fidi fija,”13 Hu jagħtina l-qawwa biex negħlbu d-dgħufijiet tagħna. L-umiltà, flimkien mal-fidi f’Ġesù Kristu, tagħtina ċ-ċans li naċċessaw il-qawwa li ssaħħaħna tal-grazzja tiegħu u l-milja tal-barkiet li hemm lesti għalina permezz tal-Espjazzjoni tiegħu.

Il-President Nelson għallem: li “l-indiema vera tibda bil-fidi li Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jsaħħaħna. … Hija l-fidi tagħna li tgħinna naċċessaw il-qawwa ta’ Alla fil- ħajja tagħna.”14

It-tielet, permezz tal-grazzja tiegħu Hu jista’ jsaħħilna dak kollu li hu dgħajjef. Jekk aħna niċċekknu u jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu, mbagħad il-grazzja tiegħu tagħtina ċ-ċans li ninbidlu. Fi kliem ieħor, Hu jagħtina l-qawwa biex ninbidlu. Dan hu possibbli għaliex, kif jgħid Hu, “il-grazzja tiegħi hi biżżejjed għall-bnedmin kollha.”15 Il-grazzja li ssaħħaħna tiegħu tagħtina l-qawwa biex negħlbu l-ostakli kollha, l-isfidi kollha, u d-dgħufijiet kollha hekk kif nippruvaw ninbidlu.

L-akbar dgħufijiet tagħna jistgħu jsiru l-akbar qawwa tagħna. Nistgħu ninbidlu u “nsiru ħlejjaq ġodda.”16 Il-ħwejjeġ dgħajfin letteralment jistgħu jissaħħu.17

Is-Salvatur fassal l-Espjazzjoni infinita u eterna tiegħu ħalli aħna nkunu nistgħu fil-fatt ninbidlu, nindmu, u nsiru aħjar. Fil-fatt nkunu nistgħu nitwieldu mill-ġdid. Inkunu nistgħu negħlbu l-vizzji tagħna kif ukoll “id-dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen.”18 Bħala wlied Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna, għandna l-qawwa fina li ninbidlu.

Eżempji ta’ Bidla

L-iskrittura mimlija eżempji ta’ rġiel u nisa li nbidlu.

Sawl, raġel Fariżew u persekutur attiv tal-knisja Kristjana tal-ewwel żmien,19 sar Pawlu, Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu.

Alma kien qassis mas-Sultan ħażin Noè. Hu sema’ l-kliem ta’ Abinadi, nidem verament, u sar wieħed mill-akbar missjunarji tal-Ktieb ta’ Mormon.

Ibnu Alma għadda żogħżitu jipprova jeqred il-Knisja. Hu kien fost “l-agħar midinbin ”20 sakemm seħħet bidla f’qalbu u sar missjunarju mill-aqwa huwa wkoll.

Mosè ġie adottat mill-familja tal-Fargħun u trabba fil-lussu bħala prinċep Eġizzjan. Iżda meta sar jaf min kien verament u tgħallem dwar id-destin divin tiegħu, hu nbidel u sar il-profeta l-kbir tat-Testment il-Qadim li lilu ngħatat il-liġi.21

In-nannu ta’ marti, James B. Keysor, minn dejjem ħalla impressjoni kbir fuqi minħabba l-bidla setgħana li seħħet f’qalbu.22 Imwieled minn antenati pijunieri Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili ġol-Wied ta’ Salt Lake fl-1906, hu tilef lil ommu meta kien żgħir u kellu żogħżija diffiċli. Is-snin meta kien adoloxxenti u adult żagħżugħ qattagħhom ’il bogħod mill-Knisja, u f’dan iż-żmien qabad numru ta’ vizzji ħżiena. Madankollu, hu ltaqa’ ma’ mara fidila, iżżewwiġha u flimkien rabbew ħamest itfal.

Fl-1943, wara s-snin diffiċli tad-Dipressjoni l-Kbira u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, Bud, kif kienu jsejħulu sħabu u l-familja tiegħu, ħalla Utah u mar jgħix Los Angeles, California, biex ifittex impjieg. F’dan iż-żmien ’il bogħod mid-dar, hu kien joqgħod ma’ oħtu u żewġha, li kien qed iservi bħala l-isqof tal-qasam tagħhom.

Bl-imħabba u l-influwenza ta’ oħtu u ta’ ħatnu, hu beda jqajjem fih l-interess fil-Knisja u beda jaqra l-Ktieb ta’ Mormon kull filgħaxija qabel jorqod.

Lejla waħda, meta kien qed jaqra Alma kapitlu 34, ħass sentiment speċjali f’qalbu hekk kif qara l-kliem li ġej:

“Iva, nitlobkom sabiex tersqu lejh u ma twebbsux qalbkom aktar. …

“Għax araw, din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin jitħejjew biex jiltaqgħu ma’ Alla; iva, araw iż-żmien ta’ din il-ħajja huwa ż-żmien li fih il-bnedmin għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom.”23

Waqt li kien qed jaqra dawn il-versi, inħakem minn sentiment mill-aktar qawwi u kien jaf li kellu jinbidel, jindem, u hu kien jaf x’kellu jagħmel. Hu qam minn fuq is-sodda u niżel għarkupptejh u beda jitlob lill-Mulej sabiex jaħfirlu u jagħtih il-qawwa li kellu bżonn biex iwettaq ċertu tibdil f’ħajtu. It-talba tiegħu nstegħmet, u minn dak iż-żmien ’il quddiem, qatt ma ħares lura. Bud kompla biex serva fil-Knisja u baqa’ Qaddis tal-Aħħar Żmien fidil u leali sal-aħħar ta’ ħajtu. Hu kien inbidel b’kull mod. Moħħu, qalbu, għemilu, u l-istess natura tiegħu kienu nbidlu.

Ħuti, id-destin u l-għan divin tagħna hu biex ultimament insiru bħal Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur Ġesù Kristu. Aħna nagħmlu dan hekk kif ninbidlu jew nindmu. Aħna nirċievu “ix-xbieha [tas-Salvatur] fuq ħaddejna.”24 Aħna nsiru ġodda, ndaf, differenti, u sempliċiment għandna nkomplu naħdmu biex nitjiebu kuljum. Xi kultant nafu nħossuna li qed nagħmlu żewġ passi ’l quddiem u wieħed lura, iżda għandna nkomplu mexjin ’il quddiem b’umiltà fil-fidi.

U hekk kif niċċekknu u neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu, il-grazzja ta’ Kristu u s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni infinita tiegħu jagħmluha possibbli li ninbidlu.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa fil-verità is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Il-grazzja tiegħu hi fil-fatt suffiċjenti. Niddikjara li Hu “it-triq, il-verità u l-ħajja.”25 F’isem Ġesù Kristu, amen.