Aħna l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Il-Knisja hi aktar minn sempliċiment bini u struttura ekkleżjastika; il-Knisja hija aħna, il-membri, bi Kristu bħala l-mexxej u l-profeta bħala l-kelliem tiegħu.
Wara li rċevejt stedina biex “niġi u nara,”1 jien attendejt il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għall-ewwel darba fl-età ta’ 26 sena. Kont għadni kif isseparajt mill-ewwel raġel tiegħi. Kelli tifel ta’ tliet snin. U bil-biża’ ħassejtni verament vulnerabbli. Meta dħalt fil-bini, ħassejt fija sentiment ta’ mħabba hekk kif stajt nagħraf il-fidi u l-hena tan-nies ta’ madwari. Kien verament “refuġju mill-maltemp.”2 Tliet ġimgħat wara, jien għamilt il-patt tal-magħmudija ma’ Missierna fis-Smewwiet u bdejt il-vjaġġ tiegħi bħala dixxiplu ta’ Kristu, minkejja li ħajti ma kenitx xi waħda perfetta tul dak il-vjaġġ.
Għalija biex stajt nirċievi dawk il-barkiet eterni, kelli nwettaq ċertu tibdil fiżiku u spiritwali f’ħajti. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat u mxandar; dik il-dar tal-laqgħat ġie mibnija u indukrata; kien hemm struttura ekkleżjastika, mill-profeta sal-mexxejja lokali; u fergħa mimlija membri tal-patt kienet lesta tħaddan lili u lill-ibni ġewwa fiha hekk kif twassalna quddiem is-Salvatur, “sostnuti permezz tal-kelma t-tajba ta’ Alla,”3 u ġejna mogħtija opportunitajiet biex inservu.4
Mill-bidu nett, Alla ra li jiġbor u jorganizza lil uliedu5 “biex iġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”6 B’dak l-għan f’moħħu, Hu talabna nibnu postijiet ta’ qima,7 fejn nirċievu għarfien u l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni; fejn nagħmlu u nżommu patti li jorbtuna ma’ Ġesù Kristu;8 fejn niġu ddotati bil-“qawwa tad-divinità”;9 u ninġabru flimkien ta’ spiss biex niftakru f’Ġesù u nsaħħu lil xulxin fih.10 L-organizzazzjoni tal-Knisja u l-bini tagħha jeżistu għall-benefiċċju spiritwali tagħna. “Il-Knisja … hija l-armar li permezz tiegħu nibnu l-familji eterni.”11
Meta kont qed nitkellem ma’ ħabib li kien għaddej minn żmien diffiċli, staqsejtu kif kien qed ikampa finanzjarjament. Bid-dmugħ weġibni li l-isqof tiegħu kien qed jgħinu permezz tal-fondi tal-offerta tas-sawm. Hu kompla, “Ma nafx x’kien jiġri minni u mill-familja tiegħi kieku ma kienx għall-Knisja.” Jien weġibt, “Il-Knisja hija l-membri. Huma dawk li bil-qalb u bil-ferħ jagħtu l-offerti tas-sawm biex jgħinu lil dawn fil-bżonn. Inti qed tirċievi l-frott tal-fidi u d-determinazzjoni tagħhom li jimxu wara Ġesù Kristu.”
Għeżież dixxipli bħali ta’ Kristu, ejjew ma nissottovalutawx il-ħidma meraviljuża li l-Mulej qed iwettaq permezz tagħna, il-Knisja tiegħu, minkejja n-nuqqasijiet tagħna. Xi kultant aħna nkunu dawk li nagħtu u xi kultant dawk li nirċievu, iżda aħna lkoll familja waħda fi Kristu. Il-Knisja tiegħu hija l-istruttura li Hu ta biex jiggwidana u jberikna hekk kif inqimuh u naqdu lil xulxin.
Xi aħwa nisa skużaw ruħhom miegħi, għax ħasbu li huma mhumiex membri attivi tas-Soċjetà tal-Għajnuna għaliex qed iservu fil-Primarja jew fit-Tfajliet. Dawk l-aħwa huma fost l-aktar membri attivi tas-Soċjetà tal-Għajnuna għax jinsabu jgħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ prezzjużi tagħna jsaħħu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu.
Is-Soċjetà tal-Għajnuna mhijiex limitata għal xi kamra f’bini, xi lezzjoni tal-Ħadd, xi attività, jew xi presidenza f’livell lokali jew ġenerali. Is-Soċjetà tal-Għajnuna hija n-nisa tal-patt tal-Knisja; hija aħna—kull waħda minna u kollha kemm aħna. Hija “l-komunità globali ta’ kompassjoni u servizz tagħna.”12 Immorru fejn immorru, aħna dejjem parti mis-Soċjetà tal-Għajnuna hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inwettqu l-għan divin tagħha, li hu li n-nisa jwettqu l-ħidma ta’ Alla b’modi individwali kif ukoll fil-kollettiv13 billi jipprovdu s-solliev: “solliev mill-faqar; solliev mill-mard; solliev mid-dubju, solliev mill-injoranza—solliev minn dak kollu li jwaqqaf … l-hena u l-progress.”14
Appartenenza simili teżisti fil-kworums u l-organizzazzjonijiet tal-presbiteri tal-Knisja għall-etajiet kollha, inkluż it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Il-Knisja hi aktar mill-bini u l-istruttura ekkleżjastika; il-Knisja hija aħna, il-membri. Aħna l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, bi Kristu bħala l-mexxej u l-profeta bħala l-kelliem tiegħu. Il-Mulej qal:
“Araw, din hi d-duttrina tiegħi—kull min jindem u jiġi għandi, dan stess hu l-knisja tiegħi. …
“U … kull min hu mill-knisja tiegħi, u jibqa’ jżomm sħiħ mal-Knisja tiegħi sal-aħħar, lilu jiena nistabbilixxi fuq il-blata tiegħi”15
Ħuti, ejjew nirrealizzaw kemm aħna privileġġjati li nappartjenu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu, fejn nistgħu ngħaqqdu flimkien il-fidi, il-qalb, il-qawwa, il-moħħ, u l-idejn tagħna għalih biex inwettqu l-mirakli setgħana tiegħu. “Issa l-ġisem m’huwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri.”16
Wieħed adoloxxenti qal lil ommu, “Meta kont ċkejken, kull darba li tajt dollaru wieħed bħala dieċmi, kont naħseb li b’dak id-dollaru wieħed setgħet tinbena dar tal-laqgħat sħiħa . X’kull waħda hux?”
Kommossa, hija wieġbet, “Veru ħaġa sabiħa! Kont timmaġinahom f’moħħok?”
“IVA!” qalli b’ħerqa. “Kienu vera sbieħ, u kont nimmaġina miljuni minnhom!”17
Għeżież ħbieb tiegħi, ejjew nuru fidi bħal tat-tfal u nifirħu għax nafu li anke l-iċken sforzi tagħna qed jagħmlu differenza sinifikanti fis-saltna ta’ Alla.
L-għan tagħna fis-saltna tiegħu għandu jkun li nressqu lil xulxin għand Kristu. Kif naqraw fl-iskrittura, is-Salvatur estenda din l-istedina lin-Nefiti:
“Hemm xi nies morda fostkom? Ġibuhom hawn. Hemm xi nies li huma … mgħakksin b’xi mod? Ġibuhom hawn u jien infejjaqhom, għax jien għandi kompassjoni għalikom; jiena kollni ħniena.
“… Qed nara li l-fidi tagħkom hi biżżejjed biex infejjaqkom.”18
Mhux ilkoll għandna afflizzjonijiet li nistgħu neħduhom ħdejn riġlejn is-Salvatur? Filwaqt li xi wħud minna għandna sfidi fiżiċi, ħafna oħrajn qed jiffaċċjaw problemi emozzjonali, oħrajn isibuha diffiċli jitħalltu soċjalment ma’ ħaddieħor, u aħna lkoll infittxu s-serħan meta l-ispirti tagħna jkunu qed jitqabdu. Aħna lkoll mgħakksin b’xi mod jew ieħor.
Naqraw li “l-miġemgħa kollha, b’qalb waħda, marru għandu bil-morda tagħhom u … b’dawk kollha li kienu magħkusa b’xi mod; u hu sewwasew fejjaqhom ilkoll hekk kif inġiebu quddiemu.
“U lkoll kemm huma, kemm dawk li ġew imfejqin, u dawk li kienu b’saħħithom, inxteħtu quddiem riġlejh u bdew iqimuh.”19
Minn tifel ċkejken li b’fidi jħallas id-dieċmi għal mara single fil-bżonn tal-grazzja setgħana tal-Mulej għal missier li qed isibha diffiċli biex jipprovdi għall-familja tiegħu, għal antenati tagħna fi bżonn tal-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni, għal kull wieħed u waħda minna li kull ġimgħa nġeddu l-patti ma’ Alla, aħna lkoll neħtieġu lil xulxin, u nistgħu nwasslu lil xulxin għall-fejqan feddej tas-Salvatur.
Għeżież ħuti, ejjew nimxu wara l-istedina ta’ Ġesù Kristu li nieħdu lilna nfusna u l-afflizzjonijiet tagħna quddiemu. Meta nersqu għandu u nieħdu lil dawk li nħobbu għandu, Huwa jara l-fidi tagħna. Huwa jfejjaqhom, u Huwa jfejjaqna.
Bħala “d-dixxipli ta’ Kristu li nħobbu l-paċi,”20 aħna qed nagħmlu li nistgħu biex insiru “ta’ qalb waħda u moħħ wieħed”21 u li nkunu umli; sottomessi; ġentili; nikkuntentaw ruħna malajr; kollna sabar; moderati f’kollox; diliġenti fiż-żamma tal-kmandamenti ta’ Alla f’kull ħin; mimlijin fidi, tama, u karità; u nħabirku dejjem f’għemejjel tajbin.22 Aħna qed nagħmlu li nistgħu biex insiru bħal Ġesù Kristu.
Nixhed li bħala l-Knisja ta’ Kristu, aħna l-mezz li permezz tiegħu, kif għallem il-President Russell M. Nelson, “is-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, se jwettaq uħud mill-aktar ħidmiet setgħana tiegħu bejn issa u ż-żmien li fih Hu jerġa’ jiġi.”23
Il-Mulej qal:
“Ara, meta ż-żmien jasal, jiena se nħaffef il-ħidma tiegħi.
“U nagħtikom … kmandament li intom tinġabru flimkien, u torganizzaw lilkom infuskom, u tħejju lilkom infuskom, tqaddsu lilkom infuskom; sewwasew, issaffu qlubkom, u tnaddfu jdejkom u riġlejkom quddiemi, sabiex jien innaddafkom.”24
Jalla aħna nwieġbu għal din l-istedina divina u b’ferħ ninġabru, norganizzaw, inħejju, u nqaddsu lilna nfusna hija t-talba umli tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.