Konferenza Ġenerali
Iffoka fuq it-Tempju
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Iffoka fuq it-Tempju

Jiena nwegħidkom li tgħaddu aktar żmien fit-tempju jbierek ħajjitkom b’modi li xejn aktar ma jista’.

Għeżież ħuti, waqt dawn il-ħames sessjonijiet manjifiċi tal-konferenza ġenerali, aħna għal darb’oħra esperjenzajna li s-smewwiet huma miftuħin! Nitlob li intom irreġistrajtu s-suġġerimenti tagħkom u timxu magħhom. Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, jinsabu lesti biex jgħinukom. Jiena nħeġġiġkom biex tkabbru l-isforzi tagħkom li tfittxu l-għajnuna tagħhom.

M’ilux, jiena u Sister Nelson kellna l-opportunità li nagħtu ħarsa lejn l-istaġun il-ġdid, in-numru 4, tas-serje tal-Vidjos tal-Ktieb ta’ Mormon .1 Aħna ġejna ispirati minnhom! Nixtieq nurikom silta qasira mix-xena li turi d-dehra tas-Salvatur lin-Nefiti.

Huwa sinifikanti li s-Salvatur għażel li jidher lin-nies fit-tempju. Hija d-dar tiegħu. Hija mimlija bil-qawwa tiegħu. Ejjew qatt ma nieqfu niffokaw fuq dak li l-Mulej qed jagħmel għalina bħalissa. Huwa qed jagħmel it-tempji tiegħu aktar aċċessibbli. Huwa qed iħaffef il-pass li bih qed nibnu t-tempji. Huwa qed iżid l-abbiltà tagħna li ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael. Huwa wkoll qed jagħmilha aktar faċli għal kull wieħed u waħda minna li nsiru spiritwalment raffinati. Jiena nwegħidkom li tgħaddu aktar żmien fit-tempju jbierek ħajjitkom b’modi li xejn aktar ma jista’.

Bħalissa għandna 168 tempju li qed jopera u 53 tempju ġdid qed jinbena, u 54 tempju ieħor fil-fażi tad-disinn tal-prekostruzzjoni!2 Għandi l-pjaċir inħabbar il-pjanijiet tagħna biex nibnu tempju ġdid f’kull wieħed minn dawn il-postijiet: Busan, il-Korea; Naga, il-Filippini; Santiago, il-Filippini; Eket, in-Nigerja; Chiclayo, il-Peru; Ċentru tal-Belt ta’ Buenos Aires, l-Arġentina; Londrina, il-Brażil; Ribeirão Prêto, il-Brażil; Huehuetenango, il-Gwatemala; Jacksonville, fi Florida; Grand Rapids, f’Michigan; Prosper, f’Texas; Lone Mountain, f’Nevada; u Tacoma, f’Washington.

Qed nippjanaw ukoll li nibnu diversi tempji f’inħawi metropolitani kbar magħżula fejn il-ħin tal-ivvjaġġar lejn tempju eżistenti huwa sfida ewlenija. Għalhekk, bi pjaċir nħabbar erba’ postijiet oħra ħdejn il-Belt tal- Messiku fejn se jinbnew tempji ġodda fi Cuernavaca, Pachuca, Toluca, u Tula.

Għeżież ħuti, jalla intom tiffokaw fuq it-tempju b’modi li qatt ma għamiltu qabel. Jiena nberikkom biex kull jum tikbru u tersqu aktar qrib ta’ Alla u Ġesù Kristu. Inħobbkom. Jalla Alla dejjem ikun magħkom sakemm nerġgħu niltaqgħu, jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Dawn il-vidjos ġodda se jkunu disponibbli f’bosta lingwi fuq il-Librerija tal-Evanġelju u fuq kanali oħra. L-episodji se jiġu ppubblikati fuq bażi ta’ kull ġimgħa mil-lum wara l-konferenza.

  2. Mill-1 ta’ Ottubru, 2022, erba’ temji oħra ħa jkunu rinovati (St. George Utah, Manti Utah, Salt Lake, u Columbus Ohio), u tlieta qed jistennew id-dedikazzjoni (Hamilton New Zealand, Quito Ekwador, u Belém Brażil).