Kuraġġ biex Inxandru l-Verità
Ladarba nitgħallmu l-verità, il-Mulej jagħtina l-opportunità li nagħmlu dak li Huwa jagħmel li kieku jinsab hawn illum.
Fl-1982, jien kont qed intemm il-lawrja tiegħi fit-topografija f’kulleġġ tekniku.
Lejn l-aħħar tas-sena, kollega tiegħi stedinni biex nitkellmu flimkien. Niftakar illargajna minn mal-membri l-oħra tal-klassi u morna fi spazju viċin il-grawnd. Meta wasalna hemm, huwa kellimni dwar il-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu, u mhux biss urieni ktieb, talli tahuli dak il-ktieb. Onestament, ma niftakarx il-kliem kollu li qalli, iżda niftakar dak il-mument tajjeb ħafna u l-mod kif ħassejtni meta qal, “Jien irrid naqsam it-testimonjanza tiegħi miegħek li dan il-ktieb huwa veru, u li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat.”
Wara t-taħdita ta’ bejnietna, mort id-dar, ħarist lejn ftit paġni mill-ktieb, u qegħidtu fuq xkaffa. Peress li konna wasalna fl-aħħar tas-sena, u dik kienet l-aħħar sena tal-kors tiegħi fit-topografija, ma tantx tajt tant każ tal-ktieb, u lanqas lejn l-istudent kollega tiegħi li kien qasmu miegħi. Tisgħtu diġà tobsru l-isem tal-ktieb. Iva, kien il-Ktieb ta’ Mormon.
Ħames xhur wara, il-missjunarji ġew id-dar tiegħi; kienu appena ħerġin hekk kif jien wasalt lura mix-xogħol. Stedinthom biex jerġgħu jidħlu ġewwa. Poġġejna bilqiegħda fil-parapett ċkejken li għandna quddiem id-dar, u huma għallmuni.
Fit-tfittxija għall-verità, staqsejthom liema knisja kienet vera u kif stajt insibha. Il-missjunarji għallmuni li jien stajt nikseb it-tweġiba għalija nnifsi. Bi stennija u xewqa kbira, jien aċċettajt l-isfida tagħhom li naqra bosta kapitli mill-Ktieb ta’ Mormon. Jien talbt b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina (ara Moroni 10:4–5). It-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi kienet ċara, u bosta ġranet wara, preċiżament fl-1 ta’ Mejju, 1983, jien ġejt mgħammed u kkonfermat bħala membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Illum il-ġurnata, meta naħseb fis-sekwenza ta’ avvenimenti li seħħew, jien nara b’mod ċar kemm importanti kien il-kuraġġ tal-kollega student meta hu qasam it-testimonjanza tiegħu dwar il-verità rrestawrata u ppreżentali prova tanġibbli tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, sewwasew il-Ktieb ta’ Mormon. L-att sempliċi, iżda ta’ sinifikat profond għalija, ħoloq konnessjoni bejni u bejn il-missjunarji meta jien iltqajt magħhom.
Il-verità kienet ġiet ippreżentata lili, u wara l-magħmudija tiegħi, jien sirt dixxiplu ta’ Ġesù Kristu. Matul is-snin ta’ wara, u bl-għajnuna ta’ nies speċjali ħafna bħal mexxejja, għalliema, ħbieb, u anki permezz tal-istudju personali tiegħi, jien tgħallimt li meta ddeċidejt li nsir dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, jien kont aċċettajt il-ħidma li mhux biss niddefendi l-verità, iżda wkoll li nxandarha.
Meta aħna naċċettaw li nemmnu fil-verità u li nimxu warajha, u meta aħna nagħmlu sforz li nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu, aħna ma nirċevux ċertifikat b’garanzija li mhux se nagħmlu żbalji, li mhux se nkunu kkritikati, li mhux se nkunu mħajrin li nimxu ’il bogħod mill-verità, u anki li mhux se nesperjenzaw tbatija. Iżda l-għarfien tal-verità jgħallimna li meta aħna nidħlu fil-mogħdija stretta u dejqa li sejra teħodna lura għall-preżenza tal-Missier fis-Smewwiet, dejjem se jkun hemm mod kif naħarbu dawn il-problemi (are1 Korintin 10:13); dejjem se jkun hemm il-possibiltà li niddubitaw id-dubji tagħna qabel ma niddubitaw l-fidi tagħna (ara Dieter F. Uchtdorf, “Come, Join with Us,” Liahona, Nov. 2013, 21); u finalment, aħna għandna garanzija li qatt m’aħna se nkunu waħedna meta ngħaddu mit-tbatija, għaliex Alla jżur il-poplu tiegħu f’nofs it-tbatija tagħhom (ara Mosija 24:14).
Ladarba nitgħallmu l-verità, il-Mulej jagħtina l-opportunità li nagħmlu dak li Huwa jagħmel li kieku jinsab hawn illum. Verament, Huwa wriena bit-tagħlim tiegħu x’għandna nagħmlu: “ U intom se tmorru bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħi, ixxandru l-evanġelju tiegħi, tnejn tnejn, f’ismi, hekk kif tgħollu leħenkom bħallikieku ħoss ta’ tromba, filwaqt li tiddikkjaraw il-kelma tiegħi bħallikieku anġli ta’ Alla” (Doctrine and Covenants 42:6). L-opportunità għal servizz missjunarju fost iż-żgħażagħ tagħna hija unika!
Nitlobkom, intom ġuvintur, tipposponux it-tħejjija tagħkom li sservu lill-Mulej bħala missjunarji. Hekk kif intom tiffaċċjaw sitwazzjonijiet li forsi jagħmlu d-deċiżjoni li sservu waħda diffiċli—bħall-interruzzjoni tal-istudji tagħkom għal xi żmien, il-firda mit-tfajla bla ebda garanzija li se terġa’ toħroġ magħha mill-ġdid, u anki l-ħtieġa ta’ tmiem ta’ impjieg tajjeb—ftakru fl-eżempju tas-Salvatur. Matul il-ministeru tiegħu, huwa ffaċċja diffikultà b’mod simili, inkluż il-kritika, il-persekuzzjoni, u fl-aħħar nett il-kalċi qares tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. Madanakollu, fiċ-ċirkostanzi kollha huwa fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru u li jagħtih glorja. (Ara Ġwanni 5:30; 6:38–39; 3 Nefi11:11; Doctrine and Covenants 19:18–19.)
Intom tfajliet, intom mistiedna bil-qalb kollha li taħdmu fl-għalqa tal-Mulej, u hekk kif tħejju lilkom infuskom biex isservu bħala missjunarji full-time, m’intomx se tkunu meħlusin mill-istess sfidi.
Lilkom kollha li tiddeċiedu li sservuh, inwegħidkom li 24 jew 18-il xahar ta’ servizz se jgħaddu fl-għalqa tal-missjoni daqs kemm jgħaddu li kieku bqajtu d-dar, iżda l-opportunitajiet li hemm jistennew liż-żagħżugħ denn u ż-żagħżugħa denja ta’ din il-Knisja fl-għalqa tal-missjoni huma uniċi. Il-privileġġ li tirrappreżentaw lis-Salvatur Ġesù Kristu, u lill-Knisja tiegħu ma jistgħux jiġu injorati. Li tipparteċipaw f’talb bla għadd, tiżviluppaw u turu t-testimonjanza tagħkom bostra drabi matul il-ġurnata, tqattgħu ħafna sigħat ta’ studju tal-iskrittura, u tiltaqgħu ma’ nies li qatt ma kontu se tiltaqgħu magħhom kieku bqajtu d-dar, huma esperjenzi indeskrivibbli. L-istess livell ta’ esperjenza huwa riservat għaż-żgħażagħ li l-Mulej isejjaħ għal missjonijiet ta’ servizz. Merħba bikom, u neħtiġukom. Nitlobkom biex ma ċċekknux l-importanza ta’ missjoni ta’ servizz, għaliex missjonijiet ta’ servizz ukoll jipprovdu esperjenzi indeskrivibbli. “Il-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir ħafna f’għajnejn Alla” (Doctrine and Covenants 18:10), inkluż il-valur ta’ ruħkom.
Meta tirritornaw mis-servizz tagħkom, forsi t-tfajla mhijiex tistenniekom, jew il-ġuvni mhux jistenniekom, iżda intom se tkunu tgħallimtu tajjeb ħafna kif tagħmlu kuntatti effettivi. L-istudji akkademiċi tagħkom se jagħmlu iktar sens permezz tal-ħjiel li tkunu ksibtu ta’ kif wieħed għandu jipprepara b’mod iktar adegwat għad-dinja tax-xogħol, u, finalment, intom se jkollkom iċ-ċertezza sħiħa li intom xandartu b’kuraġġ l-evanġelju tal-paċi, u tajtu xhieda tal-verità restawrata.
Għal dawk fostkom li huma miżżewġin u f’fażijiet differenti tal-ħajja, intom ta’ ħtieġa kbira fil-ħidma tal-Mulej. Ħejju lilkom infuskom. Għixu ħajja sana, hekk kif tfittxu awto-dipendenza temporali u spiritwali, għaliex l-opportunitajiet li tagħmlu dak li l-Mulej kieku jagħmel għal uliedu mhumiex limitati għal età speċifika. L-iktar esperjenzi pjaċevoli li marti u jien kellna fi snin riċenti waslu meta aħna konna qed inservu flimkien ma’ koppji speċjali, f’postijiet speċjali, u nservu nies verament speċjali.
L-esperjenza li jiena kelli fl-aħħar tal-lawrja tiegħi fit-topografija għallmitni li aħna dejjem niddefendu l-verità meta aħna nxandruha u li tiddefendi l-verità hija ħaġa proattiva. Id-difiża tal-verità qatt m’għandha ssir b’mod aggressiv iżda pjuttost b’interess ġenwin li wieħed iħobb, jixxerja, u jistieden lin-nies li qed nixhdu lilhom dwar il-verità, filwaqt li naħsbu biss dwar il-welfer temporali u spiritwali ta’ wlied il-Missier kollu mħabba fis-Smewwiet (ara Mosija 2:41).
Fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2021, il-President Russell M. Nelson, il-profeta għażiż tagħna, għallem li, bil-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu xi wħud, jeżisti tabilħaqq dak li aħna nsejħulu t-tajjeb u l-ħażin. Verament teżisti l-verità assoluta—verità eterna. (Ara “Verità Safja, Duttrina Safja, u Rivelazzjoni Safja,” Liahona, Nov. 2021, 6.)
L-iskrittura mqaddsa tgħallem li “il-verità hija l-għarfien tal-ħwejjeġ kif verament huma, kif kienu u kif se jkunu” (Doctrine and Covenants 93:24).
L-għarfien tal-verità ma jagħmilniex aħjar minn nies oħra, iżda jgħallimna x’irridu nagħmlu biex nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.
Hekk kif tipproċedu fermament fi Kristu u b’kuraġġ mhux biss biex ixxandru l-verità iżda wkoll biex tgħixu l-verità, intom se ssibu l-faraġ u l-paċi matul it-turbulenza li se sseffqu wiċċkom magħha f’dawn iż-żminijiet.
L-isfidi tal-ħajja jistgħu jkidduna, iżda kunu afu li meta neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu, “it-tiġrib [tagħna] mhux se jdum iktar minn mument ċkejken” (Doctrine and Covenants 121:7) fil-firxa grandjuża tal-eternità. Jekk jogħġobkom, toħolqux xi deadline għat-tmiem tad-diffikultajiet u l-isfidi tagħkom. Għaliex jekk aħna naqtgħu qalba, qatt mhu se nsiru nafu kif se jkun it-tmiem tal-vjaġġ tagħna fis-saltna ta’ Alla.
Ibqgħu sodi fil-verità, hekk kif titgħallmu mis-sorsi tal-verità:
-
L-iskrittura (ara 2 Nefi 32:3).
-
Kliem il-profeti (ara Amos 3:7).
-
L-Ispirtu s-Santu (ara Ġwanni 16:13).
Jien naqsam it-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu u li din hija l-Knisja tiegħu. Aħna għandna profeta ħaj, u aħna dejjem nħossuna ħielsa meta aħna nxandru l-verità b’kuraġġ. F’isem Ġesù Kristu, ammen.