Konferenza Ġenerali
Fi Sħubija mal-Mulej
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Fi Sħubija mal-Mulej

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jipproklama l-prinċipju ta’ sħubija sħiħa bejn mara u raġel, kemm fil-ħajja mortali u anki fl-eternitajiet.

Ftit xhur biss wara ż-żwieġ tagħna, l-għażiża marti esprimiet xewqitha li tistudja l-mużika. Bil-ħsieb li nikkuntentaha, jien iddeċidejt li norkestra sorpriża kbira, sorpriża mill-qalb, għall-maħbuba tiegħi. Mort f’ħanut tal-mużika u xtrajtilha pjanu bħala rigal. Kollni eċitament, jien poġġejt l-irċevuta tax-xiri f’kaxxa magħluqa b’ċoff sabiħ u tajthielha, bi stennija fuqi ta’ reazzjoni grandjuża ta’ gratitudni min-naħa tagħha għal żewġha li tant iħobbha u li jagħtiha daqstant attenzjoni.

Meta fetħet il-kaxxa żgħira u rat x’kien fiha, ħarset lejja b’imħabba u qaltli, “Għażiż tiegħi, m’hawnx bħalek! Iżda ħa nagħmillek mistoqsija: dan hu rigal jew inkella biċċa dejn?” Meta tkellimna bejnietna dwar is-sorpriża, iddeċidejna li nikkanċellaw ix-xirja. Konna qed ngħixu fuq introjtu ta’ studenti, kif jiġri fil-każ ta’ bosta miżżewġin friski. Din l-esperjenza għenitni nagħraf l-importanza tal-prinċipju ta’ sħubija sħiħa f’relazzjoni ta’ żwieġ u kif l-applikazzjoni tiegħu setgħet tgħin lil marti u lili li nkunu ta’ qalb waħda u fehma waħda.1

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jipproklama l-prinċipju ta’ sħubija sħiħa bejn mara u raġel, kemm fil-ħajja mortali u anki fl-eternitajiet. Għalkemm it-tnejn jippossedu attributi u responsabbilitajiet speċifiċi, il-mara u r-raġel jimlew bl-istess mod irwoli relevanti u essenzjali fil-pjan ta’ Alla għall-kuntentizza ta’ wliedu.2 Dan kien evidenti mill-bidu nett meta l-Mulej iddikjara li “mhux sewwa li r-raġel ikun waħdu, għalhekk aħna niffurmaw sieħba biex tgħinu.”3

Fil-pjan tal-Mulej, “sieħba biex tgħinu” kienet sieħba li kellha timxi spalla ma’ spalla ma’ Adam fi sħubija sħiħa. 4 Fil-fatt, Eva kienet barka mis-smewwiet f’ħajjet Adam. Permezz tan-natura divina u l-attributi divini tagħha, hija ispirat lil Adam biex jaħdem fi sħubija magħha sabiex jikseb il-pjan ta’ Alla għall-kuntentizza tal-bnedmin kollha.5

Ejjew nikkonsidraw żewġ prinċipji fundamentali li jsaħħu l-isħubija bejn raġel u mara. L-ewwel prinċipju hu li aħna lkoll l-istess għal Alla.6 Skont id-duttrina tal-evanġelju, id-differenza bejn mara u raġel ma tissuperax il-wegħdiet eterni li Alla għandu għal uliedu rġiel u nisa. Wieħed m’għandux possibbiltajiet ikbar għall-glorja ċelestjali mill-oħra fl-eternitajiet.7 Is-Salvatur stess jistedinna lkoll, lilna wlied Alla, “li mmorru għandu, biex nitrejqu mit-tjubija tiegħu, u ma jiċħad lil ħadd li jmur għandu.”8 Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, aħna meqjusin ilkoll indaqs quddiemu.

Meta l-miżżewġin jifhmu dan il-prinċipju u jinkorporawh, ma jqegħdux lilhom infushom bħala mexxej jew viċi mexxej tal-familja. M’hemm l-ebda superjorità jew inferjortità fir-relazzjoni taż-żwieġ, u ħadd mit-tnejn ma jimxi quddiem jew wara l-ieħor. Huma jimxu ħdejn xulxin, bħala tnejn indaqs, ulied divini ta’ Alla. Huma jsiru ħaġa waħda fil-ħsieb, fix-xewqa, u fl-għan mal-Missier tagħna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, 9 filwaqt li jmexxu u jiggwidaw lill-familja flimkien.

Fi sħubija ndaqs, “l-imħabba mhix pussess imma parteċipazzjoni … parti minn dik il-ko-kreazzjoni li hija s-sejħa umana tagħna.”10 “B’parteċipazzjoni vera, raġel u mara miżżewġin jingħaqdu fl-unità sinerġistika ta’ ‘dominju dejjiemi’ li ‘bla mezzi obbligatorji’ se timla b’ħajja spiritwali lilhom u lill-posterità tagħhom ‘għal dejjem ta’ dejjem.’” 11

It-tieni prinċipju relevanti huwa r-Regola tad-Deheb, li s-Salvatur għallem fid-Diskors tal-Muntanja: “Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.”12 Dan il-prinċipju jindika attitudni ta’ mutwalità, reċiproċità, unità, u interdipendenza u huwa bbażat fuq it-tieni l-ikbar kmandament, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”13 Dan jisfuma f’attributi oħra Kristjani bħas-sabar, il-ġentilezza, il-manswetudini, u t-tjubija.

Biex nifhmu aħjar l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, aħna nistgħu nħarsu lejn r-rabta sagra u eterna stabbilità minn Alla bejn l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva. Huma jsiru ġisem wieħed,14 hekk kif joħolqu dimensjoni ta’ unità li ppermettitilhom li jimxu flimkien b’rispett, gratitudni, u mħabba, filwaqt li jinsew lilhom infushom u jfittxu l-benesseri ta’ xulxin fil-vjaġġ tagħhom lejn l-eternità.

Dawk l-istess karatteristiċi huma dawk li nistinkaw għalihom fi żwieġ unit illum il-ġurnata. Permezz tas-siġill fit-tempju, mara u raġel jidħlu fl-ordni mqaddsa taż-żwieġ fil-patt ġdid u etern. Permezz ta’ din l-ordni tas-saċerdozju, huma jingħataw barkiet eterni u qawwa divina biex jidderieġu l-affarjiet familajri tagħhom hekk kif jgħixu skont il-patt li jkunu għamlu. Minn dak il-punt ’il quddiem, huma jimxu ’l quddiem f’interdipendenza u fi sħubija sħiħa mal-Mulej, speċjalment fir-rigward ta’ kull waħda mir-responsabbiltajiet, maħtura m’mod divin, tal-trawwim u t-tmexxija fil-familja tagħhom. 15 It-trawwim u t-tmexxija huma responsabbiltajiet interrelatati u li jikkoinċidu, li jfisser li l-ommijiet u l-missierijiet għandhom l-obbligu li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs”16 u jaqsmu ma’ xulxin tmexxija bbilanċjata tad-dar tagħhom.

“Li trawwem ifisser li tgħajjex, tgħallem, u tissapportja” membri tal-familja, li jsir billi tgħinhom li “jitgħallmu l-veritajiet tal-evanġelju u jiżviluppaw il-fidi fil-Missier fis-Smewwiet u f’Ġesù Kristu” f’ambjent ta’ mħabba. Li tmexxi jfisser li “tgħin biex tmexxi lil membri tal-familja lura biex jgħixu fil-preżenza ta’ Alla. Dan isir billi sservi u tgħallem b’ġentilezza, manswetudini, u mħabba safja.” Jinkludi wkoll “li tmexxi lil membri tal-familja f’talb regolari, studju tal-evanġelju, u aspetti oħra ta’ qima. Il-ġenituri jaħdmu f’unità, “hekk kif jimxu wara eżempji ta’ Ġesù Kristu, “biex iwettqu dawn [iż-żewġ] responsabbiltajiet [kbar].”17

Huwa importanti li wieħed josserva li l-governanza fil-familja timxi wara l-mudell patrijarkali, u hekk tiddifferixxi f’ċerti aspetti mit-tmexxija tas-saċerdozju fil-Knisja.18 Il-mudell patrijarkali jitlob li nisa u rġiel miżżewġin huma direttament responsabbli lejn Alla għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja. Dan jitlob sħubija sħiħa—konformità lesta ma’ kull prinċipju tas-sewwa u responsabbiltà—u jipprovdi opportunitajiet ta’ żvilupp fi ħdan ta’ ambjent ta’ mħabba u għajnuna sħiħa lil xulxin. 19 Dawn ir-responsabbiltajiet speċjali ma jimplikawx ġerarkija u assolutament jeskludu kwalunkwe tip ta’ abbuż jew perċezzjoni ta’ awtorità użata ħażin.

L-esperjenza ta’ Adam u Eva, wara li telqu mill-Ġnien tal-Għeden, turi b’mod mill-aqwa l-kunċett ta’ interdependenza bejn l-omm u l-missier fit-trawwim u t-tmexxija fuq il-familja tagħhom. Kif inhu mgħallem fil-ktieb ta’ Mosè, huma ħadmu flimkien biex jaħdmu l-art bl-għaraq ta’ ġbinhom sabiex jipprovdu għall-benesseri fiżiku tal-familja tagħhom;20 ġabu t-tfal fid-dinja;21 huma sejħu l-isem tal-Mulej flimkien u semgħu l-leħen tiegħu “min-naħa li tagħti lejn il-Ġnien tal-Għeden”; 22huma aċċettaw il-kmandamenti li l-Mulej tahom u stinkaw flimkien biex jobduhom.23 Imbagħad huma “għarrfu [dawn] il-ħwejjeġ lil uliedhom subien u bniet”24 u “ma waqfux isejħu lil Alla” flimkien skont il-ħtiġijiet tagħhom.25

Għeżież ħuti, it-trawwim u t-tmexxija huma opportunitajiet, mhux limitazzjonijiet esklussivi. Persuna waħda jaf ikollha responsabbiltà għal xi ħaġa iżda jaf ma tkunx l-unika persuna li qed tagħmilha. Meta ġenituri li jħobbu jagħrfu tajjeb dawn iż-żewġ responsabbiltajiet ewlenin, huma jistinkaw flimkien biex jipproteġu u jieħdu ħsieb il-benesseri fiżiku u emozzjonali ta’ wliedhom. Huma wkoll jgħinuhom jiffaċċjaw il-perikli spiritwali ta’ żmienna billi jrawmuhom bil-kelma t-tajba tal-Mulej kif svelata mill-profeti tiegħu.

Għalkemm raġel u mara miżżewġin jissapportjaw lil xulxin fir-responsabbiltajiet tagħhom maħtura b’mod divin, “id-diżabilità, il-mewt, u ċirkostanzi oħrajn jistgħu jenħtieġu adattament individwali.”26 Xi drabi, f’każ ta’ tnejn miżżewġin, xi ħadd minnhom se jkollu r-responsabbiltà jaġixxi fiż-żewġ rwoli fl-istess ħin, sew jekk temporanjament, sew jekk b’mod permanenti.

Riċentiment iltqajt ma’ sister u brother li t-tnejn jgħixu f’din il-kondizzjoni. Bħala ġenituri single, it-tnejn li huma, fi ħdan l-isfera tal-familja tagħhom u fi sħubija mal-Mulej, iddeċidew li jiddedikaw kompletament ħajjithom għall-kura spiritwali u temporali ta’ wliedhom. Huma ma nsewx il-patti tat-tempju li huma għamlu mal-Mulej u l-wegħdiet eterni tiegħu minkejja d-divorzji diffiċli tagħhom. It-tnejn li huma fittxew l-għajnuna tal-Mulej fl-affarjiet kollha hekk kif jistinkaw bla heda biex jilqgħu għall-isfidi tagħhom u jimxu fit-triq tal-patt. Huma jafdaw li l-Mulej se jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tagħhom, mhux biss f’din il-ħajja, imma għall-eternità kollha. It-tnejn rawmu lil uliedhom billi għallmuhom b’ġentilezza, manswetudini, u mħabba safja anki meta kienu qed jesperjenzaw ċirkostanzi diffiċli f’ħajjithom. Minn dak li naf jien, dawn iż-żewġ ġenituri waħedhom ma jwaħħlux f’Alla għall-isfortuni tagħhom. Minflok, huma jħarsu ’il quddiem b’dija perfetta ta’ tama u kunfidenza għall-barkiet li l-Mulej għandu maħżunin għalihom. 27

Ħuti, is-Salvatur ta l-eżempju perfett tal-għaqda u l-armonija tal-għan u d-duttrina ma’ Missierna tas-Smewwiet. Huwa talab f’isem id-dixxipli tiegħu, u qal, “Biex huma lkoll ikunu ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina: … biex huma jkunu ħaġa waħda, sewwasew kif inkunu ħaġa waħda.”28

Ħuti, jien nixhed magħkom li hekk kif aħna—nisa u rġiel—naħdmu flimkien fi sħubija vera u ndaqs, aħna se ngawdu l-unità mgħallma mis-Salvatur hekk kif aħna nwettqu r-responsabbiltajiet divini fir-relazzjoniji taż-żwieġ tagħna. Inwegħidkom, f’isem Kristu, li l-qlub se “jintisġu flimkien f’għaqda u f’imħabba lejn xulxin,”29 se nsibu iktar ferħ fil-vjaġġ tagħna għall-ħajja eterna, u l-kapaċità li nservu lil xulxin u flimkien se timmultiplika b’mod sinifikattiv.30 Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar dawn il-veritajiet fl-isem imqaddes tas-Salvatur Ġesù Kristu, ammen.