Konferenza Ġenerali
Il-Prinċipju Etern tal-Imħabba
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Il-Prinċipju Etern tal-Imħabba

L-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal kull wieħed u waħda minn uliedu hija reali. Hu jinsab hemm għalihom kollha.

Il-prinċipju etern tal-imħabba jiġi manifestat billi ngħixu ż-żewġ kmandamenti l-kbar: ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha u lil għajrek bħalek innifsek.1

Niftakar l-ewwel xitwa li ġejt ngħix hawn f’Utah—silġ ma’ kullimkien. Peress li kont għadni ġej mid-Deżert Sonoran, l-ewwel ftit jiem ħadt gost b’dan, iżda wara ftit jiem, irrealizzajt li kien se jkolli nibda nqum aktar kmieni biex inneħħi s-silġ mid-daħla tad-dar.

Għodwa waħda, f’nofs tempesta bis-silġ, sirt għarqan xraba, nimpala s-silġ, u rajt lil ġar tiegħi faċċata jiftaħ il-garaxx tiegħu. Huwa akbar minni, għalhekk għidt li jekk inlesti malajr stajt immur ngħinu. Għalhekk b’leħen ftit għoli staqsejtu, “Brother, għandek bżonn l-għajnuna?”

Huwa tbissem u qal, “Grazzi, Presbiteru Montoya.” Imbagħad ħareġ blower tas-silġ mill-garaxx tiegħu, startja l-magna, u fi ftit minuti neħħa s-silġ kollu li kien hemm quddiem id-dar tiegħu. Imbagħad qasam it-triq bil-magna tiegħu u staqsieni, “Presbiteru, għandek bżonn l-għajnuna?”

Bi tbissima għidt, “Iva, nirringrazzjak.”

Aħna lesti ngħinu lil xulxin għaliex inħobbu lil xulxin, u l-bżonnijiet ta’ ħija jsiru l-bżonnijiet tiegħi u tiegħi jsiru tiegħu. Irrispettivament x’lingwa jitkellem ħija jew mil-liema pajjiż ġej, aħna nħobbu lil xulxin għaliex aħna aħwa, ulied l-istess Missier.

Meta ġie mħabbar il-ministeru, il-President Russell M. Nelson qal: “Aħna se nimplimentaw atteġġjament aktar ġdid u qaddis biex nieħdu ħsieb u nimministraw lil ħaddieħor.”2 Għalija, aktar qaddis ifisser aktar personali u profond, aktar bħall-mod tas-Salvatur: “Araw li jkollkom l-imħabba bejnietkom,”3 wieħed, wieħed.

Mhux biżżejjed li tevitaw li tkunu ta’ ostaklu għal oħrajn; mhux biżżejjed li tinnotaw lil min hu fil-bżonn tul it-triq u tibqgħu għaddejjin. Ejjew nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex ngħinu lil għajrna, anke jekk hija l-ewwel u l-unika darba li niltaqgħu miegħu jew magħha f’din il-ħajja.

Għalfejn l-imħabba lejn Alla hija l-ewwel kmandament kbir?

Naħseb għal dak li Hu jfisser għalina. Aħna wliedu, Hu jieħu ħsieb il-benesseri tagħna, aħna niddependu minnu, u mħabbtu tipproteġina. Il-pjan tiegħu jinkludi l-volontà; għalhekk, hemm ċans li nagħmlu xi żbalji.

Hu jagħtina ċ-ċans ukoll li niġu ppruvati u mġarrbin. Iżda kemm jekk qed inwettqu xi żbalji jew naqgħu fit-tiġrib, il-pjan jipprovdilna Salvatur ħalli nkunu nistgħu niġu mifdija u nerġgħu lura għall-preżenza ta’ Alla.

L-avversità f’ħajjitna tista’ tikkawża d-dubju dwar it-twettiq tal-wegħdiet li sarulna. Jekk jogħġobkom afdaw f’Missierna. Hu dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu, u nistgħu nitgħallmu dak li Hu jrid jgħallimna.

Anke meta nagħmlu dak li hu tajjeb, iċ-ċirkustanzi f’ħajjitna jistgħu jinbidlu mit-tajjeb għall-ħażin, mill-ferħ għan-niket. Alla jwieġeb talbna skont il-ħniena u l-imħabba infinita tiegħu, u fil-ħin li jagħżel Hu.

  • Ix-xmajra li Elija xorob l-ilma minnha nixfet.4

  • Il-qaws ta’ Nefi magħmul minn azzar fin inqasam.5

  • Tfajjel żgħir safa diskriminat u ġie mkeċċi mill-iskola.

  • Tarbija li kienet ilha mistennija mietet wara ftit jiem li twieldet.

Iċ-ċirkustanzi jinbidlu.

Meta ċ-ċirkustanzi jinbidlu mit-tajjeb u l-pożittiv għall-ħażin u n-negattiv, xorta waħda nistgħu nibqgħu ferħanin għaliex il-kuntentizza ma tiddependix miċ-ċirkustanzi iżda mill-attitudni tagħna lejn iċ-ċirkustanzi. Il-President Nelson qal: “Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.”6

Nistgħu noqogħdu bilqiegħda u nistennew iċ-ċirkustanzi jinbidlu weħidhom, jew nistgħu nfittxu jew nagħmlu ċirkustanzi ġodda.

  • Elija mexa lejn Sarefta, fejn waħda armla tagħtu jiekol u jixrob.7

  • Nefi għamel qaws tal-injam u mar jikkaċċja l-annimali għall-ikel.8

  • It-tfajjel żgħir qagħad bilqiegħda jieħu n-noti ħdjen it-tieqa, u llum huwa għalliem fi skola elementari.

  • Il-koppja kibru ferm fil-fidi tagħhom fis-Salvatur Ġesù Kristu u fdaw fil-pjan tas-salvazzjoni. L-imħabba tagħhom għat-tarbija li kienu ilhom jistennew u li mietet f’ħin qasir żmien hija akbar min-niket tagħhom.

Meta nisma’ l-mistoqsijiet “Missier fis-Smewwiet, inti veru tinsab hemm? U veru tisma’ u twieġeb kull talba ta’ kull tifel?,”9 Nixtieq inwieġeb: “Hu dejjem kien hemm, dejjem jinsab hemm, u dejjem se jkun hemm għalikom u għalija. Jiena ibnu, Hu missieri, u jien qed nitgħallem biex inkun missier tajjeb bħalma hu Hu.”

Jien u marti dejjem nippruvaw inkunu hemm għal uliedna f’kull ħin, f’kull kundizzjoni, u b’kull mezz. It-tfal kollha huma uniċi; il-valur tagħhom għal Alla hu kbir, u irrispettivament xi sfidi, dnubiet, u dgħufijiet għandhom, Alla jħobbhom, kif inhuma.

Meta jien irċevejt din is-sejħa bħala Awtorità Ġenerali, fl-aħħar jum qabel konna ġejjin Salt Lake, uliedi kollha u l-familji tagħhom kienu flimkien fid-dar tagħna għal lejla d-dar mal-familja, fejn aħna esprimejna l-imħabba u l-gratitudni tagħna. Wara l-lezzjoni, jiena tajt barka tas-saċerdozju lil uliedi kollha. Kulħadd kien bid-dmugħ f’għajnejh. Wara l-barkiet, ibni l-kbir esprima kliem ta’ gratitudni f’isem kulħadd għall-imħabba kbira li tajniehom sa mill-jum tat-twelid tagħhom.

Bierku lil uliedkom kemm jekk għandhom 5 snin, kemm jekk għandhom 50. Kunu magħhom; kunu hemm għalihom. Minkejja li li nipprovdulhom hija responsabbiltà mfassla permezz ta’ pjan divin, jeħtieġ ma ninsewx ngħaddu ħin ta’ ferħ ma’ wliedna.

L-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal kull wieħed u waħda minn uliedu hija reali. Hu jinsab hemm għalihom kollha. Ma nafx kif jagħmel dan, iżda hekk hu. Hu u l-Iben il-kbir tiegħu huma ħaġa waħda fit-twettieq tal-ħidma u l-glorja tal-Missier, “li jġibu fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”10 Huma bagħtulna l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, iwiddibna, u jfarraġna jekk ikun hemm bżonn.

Hu talab lil Ibnu l-Għażiż biex joħloq din l-art sabiħa. Hu ta struzzjonijiet lil Adam u Eva u tahom il-volontà. Hu ilu snin twal jibgħat messaġġiera ħalli nkunu nistgħu nirċievu l-imħabba tiegħu u l-kmandamenti tiegħu.

Hu kien fil-Masġar Sagru jwieġeb il-mistoqsija sinċiera tat-tfajjel Joseph u sejjaħlu b’ismu. Hu qal: “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”11

Nemmen li l-ogħla turija tal-imħabba ta’ Alla lejna seħħet fil-Ġetsemani, fejn Bin Alla l-ħaj talab, “O Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”12

Innotajt illi l-ftit li jien nista’ nifhem dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tkabbar imħabbti għall-Missier u l-Iben, tnaqqas ix-xewqa tiegħi li nidneb u li nkun diżubbidjenti, u tkabbar ir-rieda tiegħi li nkun aħjar u li nagħmel aħjar.

Ġesù mexa mingħajr biża’ u mingħajr dubju lejn il-Ġetsemani, fejn beda jafda f’Missieru, għax kien jaf li kien jeħtieġ jisħaq l-inbid fil-magħsra waħdu. Hu sofra kull tip ta’ uġigħ u umiljazzjoni. Hu ġie akkużat, iġġudikat, u msallab. Waqt l-agunija u t-tbatija tiegħu fuq is-salib, Ġesù beda jiffoka fuq il-bżonnijiet ta’ ommu u tad-dixxiplu l-maħbub tiegħu. Huwa offra ħajtu.

Fit-tielet jum Huwa qam minn bejn l-imwiet. Il-qabar vojt; Hu jinsab wieqaf fuq il-lemin ta’ Missieru. Huma jittamaw li aħna nagħżlu li nżommu l-patti tagħna u nerġgħu lura għall-preżenza tagħhom. Dan it-tieni stat mhuwiex l-istat finali tagħna; postna mhijiex darna f’din l-art, iżda pjuttost aħna esseri eterni li qed ngħixu esperjenzi temporanji.

Ġesù hu l-Kristu, Iben Alla l-ħaj. Huwa jgħix, u għaliex Huwa jgħix, l-ulied kollha ta’ Alla se jgħixu għal dejjem. Grazzi għas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, aħna nistgħu ngħixu lkoll flimkien magħhom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.