Nibnu Ħajja Reżistenti għall-Avversarju
Jien nitlob li aħna nkunu nistgħu nibqgħu nibnu ħajjitna fuq il-pjanijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-pjan divin imfassal minn Missierna fis-Smewwiet.
Aħna, matul is-snin minn fuq dan il-pulptu sabiħ fiċ-Ċentru għall-Konferenza, irċevejna parir, ispirazzjoni, struzzjoni, u rivelazzjoni manjifiċi. Xi drabi, kelliema użaw paraguni assoċjati mal-isferi ta’ għerf u esperjenza tagħhom biex juru biċ-ċar u b’mod qawwi xi prinċipju tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
B’dan il-mod, per eżempju, aħna tgħallimna dwar ajruplani u titjiriet fejn daqsxejn ta’ devjazzjoni fil-bidu tista’ twassalna f’post ħafna ’l bogħod mid-destinazzjoni oriġinali tagħna. 1 Ukoll b’dan il-mod, aħna tgħallimna minn paragun tal-funzjoni tal-qalb fiżika tagħna mal-kambjament qawwi li hu meħtieġ fil-qalb biex inwieġbu għas-sejħa tal-Mulej biex nimxu warajh.2
Din id-darba, nixtieq bl-umiltà kollha nżid paragun ispirat minn sezzjoni fl-isfera tal-preparazzjoni professjonali tiegħi. Qed nirreferi għad-dinja tal-inġinerija ċivili. Mill-bidu tal-istudji tiegħi l-università, kont noħlom b’dik il-ġurnata meta kelli ntemm ir-rikjesti biex nikkwalifika u nsegwi l-kors li kellu jgħallimni kif niddisinja bini u strutturi oħra li setgħu jitqisu bħala “anti-sismiċi”.
Fl-aħħar wasal il-jum tal-ewwel lezzjoni ta’ dan is-suġġett. L-ewwel kliem tal-professur kien kif ġej: “Intom bla dubju anzjużi biex tibdew dan il-kors u titgħallmu kif tiddisinnjaw strutturi anti-sismiċi,” u għal dan il-kliem ħafna minna għamilna sinjal b’rasna biex nuru l-entużjażmu tagħna. Imbagħad il-professur qal, “Jiddispjaċini ngħidilkom li dan mhuwiex possibbli, għax jien ma nistax ngħallimkom kif tiddisinjaw bini li huwa kontra, li huwa ‘anti-,’ jew li huwa oppost għal terrimot. Dan ma jagħmilx sens,” qal, “għax it-terrimoti se jseħħu xorta waħda, irridu jew ma rridux.”
Imbagħad kompla jgħid, “Li nista’ ngħallimkom huwa kif tiddisinjaw strutturi li huma reżistenti għat-terrimoti, strutturi li jistgħu jirreżistu l-forzi ġejjin minn terrimot, sabiex l-istruttura tibqa’ wieqfa bla ma ssofri l-ebda ħsara serja u li tista’ mbagħad tibqa’ toffri s-servizz li għalih inħolqot.”
L-inġinier jagħmel il-kalkulazzjonijiet li jindika d-dimensjonijiet, il-kwalitajiet, u karatteristiċi tal-pedamenti, kolonni, travi, ċangaturi tal-konkrit, u elementi strutturali oħra li jkunu qed jiġu ddisinjati. Dawn ir-riżultati huma tradotti fi pjanijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi, li jridu jiġu segwiti bir-reqqa kollha mill-bennej sabiex il-ħidma timmaterjalizza u hekk twettaq l-għan li għaliha ġiet iddisinjata u qed tinbena.
Minkejja li għaddew iktar minn 40 sena mill-ewwel lezzjoni dwar l-inġinerija reżistenti għat-terrimoti, jien niftakar perfettament il-mument meta bdejt nikseb għarfien iktar profond u komplet tal-importanza vitali li dan il-kunċett ikun preżenti fl-istrutturi li jien kelli niddisinja fil-ħajja professjonali futura tiegħi. Mhux hekk biss, imma iktar importanti minn hekk—li kien se jkun permanentament preżenti fl-edifikazzjoni ta’ ħajti stess u fil-ħajja ta’ dawk li fuqhom stajt inħalli influwenza pożittiva.
Kemm aħna mberkin li nistgħu nistrieħu fuq għarfien tal-pjan tas-salvazzjoni maħluq minn Missierna fis-Smewwiet, li għandna l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, u li niddependu fuq d-direzzjoni ispirata ta’ profeti ħajjin. Dawn kollha li semmejt jikkonstitwixxu l-“pjanijiet” imfassla b’mod divin u l-“ispeċifikazzjonijiet tekniċi” li jgħallmuna b’mod ċar kif nibnu ħajjiet kuntenti—ħajjiet li huma reżistenti għad-dnub, reżistenti għat-tentazzjoni, reżistenti għall-attakki ta’ Satana, li b’disprament qed ifittex li jiffrustra d-destin etern tagħna li nkunu flimkien ma’ Missierna fis-Smewwiet u flimkien mal-għeżież familji tagħna.
Is-Salvatur stess, fil-bidu tal-ministeru tiegħu, ittieħed “fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu.”3 Iżda Ġesù ħareġ rebbieħ minn dik il-prova kbira. L-attitudni li kellu ta’ anti-Satana u anti-tentazzjoni kif għenitu? Dak li wassal biex Ġesù joħroġ rebbieħ f’dawn il-mumenti mill-iktar diffiċli kien it-tħejjija spiritwali tiegħu, li ppermettietlu li jkun f’kondizzjoni li jirreżisti t-tentazzjonijiet tal-avversarju.
X’kienu wħud mill-fatturi li għenu lis-Salvatur ikun mħejji għal dak il-mument kruċjali?
L-ewwel nett, Huwa kien sam għal 40 jum u 40 lejl, sawma li żgur kienet imsieħba minn talb bla heda. Għalhekk, għalkemm dgħajjef fiżikament, l-ispirtu tiegħu kien qawwi ħafna. Anki jekk, fortunatament, m’aħniex mitlubin li nsumu għal daqstant żmien—minflok, għal 24 siegħa darba fix-xahar—is-sawm iġibilna saħħa spiritwali u jħejjina biex inkunu reżistenti għall-provi tal-ħajja.
It-tieni nett, fir-rakkont tat-tentazzjonijiet li s-Salvatur ġie mġarrab bihom, naraw li Huwa dejjem wieġeb lil Satana bl-iskrittura f’moħħu, filwaqt li kkwotaha, u applikaha fil-mument propizju.
Meta Satana ġarrbu biex jibdel il-ġebel f’ħobż sabiex ikun jista’ jtaffi l-ġuħ tiegħu mis-sawma twila tiegħu, il-Mulej wieġbu, “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’”4 Imbagħad, meta l-Mulej kien fuq il-quċċata tat-Tempju, ix-xitan ttanta jħajru biex juri l-qawwa tiegħu, u għal dan il-Mulej wieġeb b’awtorità, “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek.”5 U għat-tielet attentat ta’ Satana, il-Mulej wieġeb, “Hemm miktub ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’”6
L-avveniment ta’ terrimot iħalli l-marka tiegħu anki fuq strutturi li kienu ddisinjati u mibnija b’mod korrett—konsegwenzi bħal forsi xi konsenturi, soqfa jew għamara mġarrfa, u ħġieġ imkisser. Iżda dan l-edifiċju ddisinjat tajjeb u mibni tajjeb se jwettaq l-għan tiegħu li jipproteġi l-okkupanti tiegħu, u bi ftit tiswijiet, se jirkupra l-kondizzjoni oriġinali tiegħu.
B’mod simili, it-tħabbit tal-avversarju jista’ wkoll jikkawża “konsenturi” jew xi ħsara parzjali f’ħajjitna, minkejja l-isforzi tagħna li nibnu ħajjitna skont id-disinn divin perfett. Dawn il-“konsenturi” jistgħu jimmanifestaw irwieħhom permezz ta’ sentimenti ta’ dwejjaq jew rimors li nkunu għamilna xi żbalji jew għax ma nkunux għamilna kollox perfettament, jew għal sentimenti li aħna m’aħniex tajbin daqs kemm nixtiequ.
Iżda li huwa tassew relevanti huwa li, għax mxejna wara l-pjanijiet u speċifikazzjonijiet iddisinjati b’mod divin, fi kliem ieħor, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, aħna għadna ninsabu weqfin. L-istruttura ta’ ħajjitna ma ġietx meqruda sforz l-isforzi tal-avversarju jew sforz sitwazzjonijiet diffiċli li kellna niffaċċjaw; minflok, aħna ninsabu lesti li nimxu ’l quddiem.
Il-ferħ imwiegħed fl-iskrittura bħala l-għan tal-eżistenza tagħna7 m’għandux jinftiehem li jfisser li aħna mhux se jkollna diffikultajiet jew niket, li aħna mhux se jkollna “konsenturi” bħala konsegwenzi tat-tentazzjonijiet, tal-avversità, jew mill-provi attwali tal-ħajja tagħna fuq din l-art.
Dan il-ferħ għandu x’jaqsam mal-perspettiva ta’ Nefi fuq il-ħajja meta hu qal, “Tul ħajti rajt daqstant tbatija, madankollu, verament kelli l-appoġġ tal-Mulej tul ħajti kollha.”8 Tul ħajtu kollha! Anki l-ġranet li Nefi sofra matul l-inkomprensjoni u t-tiċħid ta’ ħutu stess, anki meta rabtuh fuq il-ġifen, anki l-jum li fih missieru, Leħi, ħalla din il-ħajja, anki meta Laman u Lemwel saru għedewwa mortali tal-poplu tiegħu. Ukoll f’dawk il-ġranet diffiċli, Nefi ħass li kellu appoġġ kbir mingħand il-Mulej.
Aħna jista’ jkollna t-trankwilità li nafu li l-Mulej qatt mhu se jippermettilna li nkunu mġarrbin iktar minn kemm nifilħu nirreżistu. Alma jistedinna biex “tishru u titolbu kontinwament, sabiex intom ma tkunux imġarrbin aktar milli tifilħu, u b’hekk tiġu mmexxijin mill-Ispirtu s-Santu, u ssiru nies umli, qalbkom ħelwa, sottomessi, tolleranti, mimlija mħabba u sabar.”9
L-istess japplika għall-provi tal-ħajja. Ammon ifakkarna fi kliem il-Mulej: “Morru … u ġorru bis-sabar it-tbatijiet tagħkom, u jien nara li tirnexxu.”10
Il-Mulej dejjem jipprovdilna għajnuna meta niffaċċjaw l-avversità, it-tentazzjoni, l-inkomprensjoni, il-mard, u saħansitra l-mewt. Huwa qal, “u dak li ngħid lil wieħed inkun qed ngħidu lil kulħadd, agħmlu l-qalb, O tfal ċkejknin; għax jien ninsab f’nofskom, u mhux se nħallikom. 11 Huwa qatt mhu se jabbandunana!
Jien nitlob li aħna nkunu nistgħu nkomplu nibnu ħajjitna fuq il-pjanijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn divin imfassal minn Missierna u miksub permezz tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Għaldaqstant, minħabba l-grazzja li tasal fuqna permezz tal-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna, aħna se nirnexxu fil-bini ta’ ħajja reżistenti għad-dnub, u msaħħa biex tiflaħ iż-żminijiet imnikktin u diffiċli ta’ ħajjitna. U barra minn hekk, aħna nkunu f’kondizzjoni li naċċessaw il-barkiet kollha imwegħdin permezz tal-imħabba tal-Missier tagħna u s-Salvatur tagħna. F’isem Ġesù Kristu, ammen.