Mtella’ Fuq Salib
Biex wieħed ikun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu xi kultant jeħtieġ li jġorr xi tagħbija u jmur fejn is-sagrifiċċju hu meħtieġ u t-tbatija hija inevitabbli.
Snin ilu, wara diskussjoni għal studenti ggradwati fl-istorja reliġjuża Amerikana, wieħed mill-istudenti sħabi staqsieni, “Għalfejn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma adottawx is-salib li jużaw Kristjani oħra bħala simbolu tal-fidi tagħhom?”
Peress li mistoqsijiet bħal dawn dwar is-salib ħafna drabi huma mistoqsijiet dwar l-impenn tagħna lejn Kristu, jien għidtlu minnufih li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tikkonsidra s-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu bħala l-fatt ċentrali, is-sisien kruċjali, id-duttrina ewlenija, u l-akbar turija ta’ mħabba divina fil-pjan grandjuż ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ wliedu.1 Jien spjegajt li l-grazzja tas-salvazzjoni inerenti f’dak l-att kienet essenzjali għall-, u universalment mogħtija lill-, familja umana kollha minn Adam u Eva sal-aħħar tad-dinja.2 Jien ikkwotajt lill-Profeta Joseph Smith, li qal, “Kull … ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żieda” mal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.3
Imbagħad qrajtlu dak li kiteb Nefi 600 sena qabel it-twelid ta’ Ġesù: “U … l-anġlu qalli, … : Ħares! U jiena ħarist u rajt lill-Ħaruf ta’ Alla, … [li] ġie mtella’ fuq salib u li ġie maqtul għad-dnubiet tad-dinja.”4
Bil-ħeġġa kbira tiegħi ta’ “ħobb, aqsam, u stieden,” li issa bdiet tinħass sew fija, jiena komplejt naqra! Lin-Nefiti fid-Dinja l-Ġdida Kristu mqajjem mill-imwiet qalilhom:, “Missieri bagħatni sabiex inkun nista’ nittella’ fuq is-salib; … ħalli nkun nista’ nressaq il-bnedmin kollha lejja, … u għal dan l-għan ġejt imtella’.”5
Kont sejjer nikkwota lill-Appostlu Pawlu meta nnotajt li għajnejn dan il-ħabib tiegħi bdew iħarsu ’l hemm u ’l hawn. Ħarsa malajr lejn l-arloġġ li kellu madwar il-polz fakkritu li kellu bżonn ikun xi mkien ieħor—kien fejn kien il-post—u hu telaq jiġri għall-appuntament fittizju tiegħu. B’hekk intemmet il-konverżazzjoni tagħna.
Dalgħodu, xi 50 sena wara, jien determinat li ntemm dik l-ispjegazzjoni—anke jekk kollha kemm intom tibdew tħarsu lejn l-arloġġ li għandkom mal-polz. Hekk kif se nipprova nispjega għalfejn aħna ġeneralment ma nużawx l-ikonografija tas-salib, nixtieq nagħmilha mill-aktar ċara li aħna għandna rispett kbir u ammirazzjoni profonda lejn il-mottivi mimlijin fidi u l-ħajjiet devoti ta’ dawk li jużawh.
Raġuni waħda għalfejn ma nenfasizzawx is-salib bħala simbolu ġejja mill-għeruq bibliċi tagħna. Peress li l-kruċifissjoni kienet waħda mill-aktar forom agonizzanti ta’ qtil li kien juża l-Imperu Ruman, ħafna mill-ewwel dixxipli ta’ Ġesù għażlu li ma jenfasizzawx dak l-istrument ta’ tbatija mill-aktar brutali. It-tifsira tal-mewt ta’ Kristu kienet bla dubju mill-aktar importanti għall-fidi tagħhom, iżda għal madwar 300 sena huma tipikament fittxew li juru l-identità tagħhom tal-evanġelju permezz ta’ mezzi oħra.6
Mar-raba’ u l-ħames seklu, is-salib beda jiġi introdott bħala simbolu tal-Kristjanità inġenerali, iżda t-twemmin tagħna mhuwiex “Kristjanità inġenerali.” Bħala knisja li la hija Kattolika u lanqas Protestanta, aħna, sewwasew, knisja rrestawrata, il-Knisja rrestawrata tat-Testment il-Ġdid. Għalhekk, l-oriġni tagħna u l-awtorità tagħna jmorru lura għal qabel żmien il-kunsilli, il-kredijiet, u l-ikonografija.7 F’dan is-sens, in-nuqqas ta’ simbolu li beda jintuża ferm aktar tard huma sewwasew evidenza oħra li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija restawrazzjoni tal-veru bidu Kristjan.
Raġuni oħra għalfejn ma nużawx ikoni ta’ slaleb hija l-enfażi tagħna fuq il-miraklu komplut tal-missjoni ta’ Kristu—il-Qawmien mill-Imwiet glorjuż tiegħu kif ukoll is-sagrifiċċju tat-tbatija u l-mewt tiegħu. Biex nenfasizza din ir-rabta, se nirreferi għal biċċtejn xogħlijiet ta’ arti8 li jservu bħala sfond għall-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu fil-laqgħa sagra tagħhom tat-tempju ta’ kull ġimgħa li ssir kull nhar ta’ Ħamis fil-Belt ta’ Salt Lake. Dawn il-pitturi jinsabu hemm biex ifakkruna kontinwament dwar xi prezz tħallas u dwar il-vittorja li ġiet mirbuħa minn Dak li tiegħu aħna qaddejja.
Rappreżentazzjoni aktar pubblika tat-trijonf ta’ Kristu magħmul minn żewġ atti hija l-użu tagħna ta’ din l-immaġni żgħira ta’ Thorvaldsen ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet ħiereġ bi glorja mill-qabar bil-ġrieħi tal-kruċifissjoni tiegħu għadhom jidhru.9
Finalment, niftakru ftit f’dak li darba qal il-President Gordon B. Hinckley, “Il-ħajja tal-poplu tagħna għandha tkun is-simbolu tal-fidi tagħna.10 Dawn il-konsiderazzjonijiet—speċjalment l-aħħar waħda—iwassluni għal dik li probabbilment hi l-aktar referenza importanti għas-salib fost kull referenza fl-iskrittura. M’għandha x’taqsam xejn ma’ pendenti jew ġojjellerija, ma’ kampnari jew tabelli. Sewwasew għandha x’taqsam ma’ integrità b’saħħitha daqs il-blat u sinsla morali soda li l-Kristjani għandhom ikollhom għas-sejħa li Ġesù għamel lil kull wieħed mid-dixxipli tiegħu. F’kull art u f’kull żmien, Huwa qalilna lkoll: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.”11
Din titkellem dwar is-slaleb li nġorru aktar mis-slaleb li nilbsu. Biex wieħed ikun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu xi kultant jeħtieġ li jġorr xi tagħbija—tiegħu stess jew ta’ ħaddieħor—u jmur fejn is-sagrifiċċju hu meħtieġ u t-tbatija hija inevitabbli. Kristjan ta’ veru ma jistax jimxi biss wara l-Imgħallem fi ħwejjeġ li hu jaqbel magħhom. Le. Aħna nimxu warajh kullimkien, inkluż, jekk ikun hemm bżonn, f’sitwazzjonijiet ta’ dmugħ u ta’ nkwiet, fejn xi kultant nafu nkunu verament weħidna.
Jien naf nies, fil-Knisja u barra l-Knisja, li qed jimxu wara Kristu b’dik il-fedeltà kollha. Naf tfal b’diżabbiltajiet mill-aktar severi, u naf lill-ġenituri li jieħdu ħsiebhom. Kultant narahom kollha jaħdmu sakemm jinħakmu minn għejja kbira, fejn hemm huma jfittxu l-qawwa, is-sigurtà, u ftit mumenti ta’ ferħ li ma jsibuhom imkien aktar. Naf bosta adulti single li jixtiequ li jkollhom, u jistħoqqilhom, xi sieħeb jew sieħba li jħobbuhom, żwieġ meraviljuż, u dar mimlija tfal tagħhom. L-ebda xewqa mhi aktar ġusta minn hekk, iżda sena wara sena jibqgħu ma jaqtgħux xewqthom. Naf oħrajn li qed jitqabdu mal-mard mentali ta’ kull tip, li jitolbu għall-għajnuna fit-talb tagħhom u jitkarrbu li jiksbu l-art imwiegħda tal-istabilità emozzjonali. Naf oħrajn li jgħixu ġo faqar debilitanti iżda, hekk kif jisfidaw id-disprament, jitolbu biss li l-maħbubin tagħhom u oħrajn madwarhom ikollhom iċ-ċans li jgħixu ħajja aħjar. Naf ħafna li qed jitqabdu bi problemi diffiċli ta’ identità, ġeneru tas-sess, u sesswalità. Nibki għalihom, u nibki magħhom, għax naf kemm jistgħu jkunu sinifikanti l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom.
Dawn huma biss ftit mill-ħafna ċirkustanzi diffiċli li nistgħu niffaċċjaw fil-ħajja, li solenniment ifakkruna li hemm prezz xi nħallsu bħala dixxipli. Kif is-Sultan David qal lil Arawna, li pprova jagħti lis-sultan gniedes b’xejn u njam b’xejn għas-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħu, “Le! Irrid nixtri minn għandek bil-flus: … [għax jien] mhux [se] noffri … lill-Mulej, Alla tiegħi … sagrifiċċji bla ħlas.”12 Għalhekk, aħna lkoll ngħidu l-istess.
Hekk kif inġorru s-slaleb tagħna u nimxu warajh, tkun ħaġa verament traġika jekk it-toqol tal-isfidi tagħna ma jagħmluniex aktar empatetiċi u aktar konxji għat-tagħbija li qed iġorr ħaddieħor. Hija waħda mill-aktar paradossi qawwija tal-Kruċifissjoni li dirgħajn is-Salvatur fetħuhom kemm setgħu u mbagħad sallbuh hemmhekk, fejn mingħajr ma jafu kienu qed juruna li kull raġel, mara u kull tifel u tifla fil-familja umana kollha mhux biss huma milqugħin iżda mistiedna fit-tgħannieqa feddejja u eżaltanti tiegħu.13
Hekk kif wara l-Kruċifissjoni agonizzanti ġiet fis-seħħ il-Qawmien mill-imwiet glorjuża, bl-istess mod barkiet ta’ kull għamla jissawbu fuq dawk li huma lesti, kif jgħid il-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon Ġakobb, li “jemmnu fi Kristu, u jħarsu lejn il-mewt tiegħu, u jġorru s-salib tiegħu.” Xi kultant dawn il-barkiet jaslu malajr u xi kultant jaslu aktar tard, iżda l-konklużjoni meraviljuża għal via dolorosa personali tagħna14 hija l-wegħda mill-Imgħallem innifsu li huma se jaslu. Biex niksbu daqstant barkiet, jeħtieġ li nimxu warajh—kontinwament, bla qatt ma naqtgħu qalbna jew naħarbu minn dak li jeħtieġ nagħmlu, meta s-slaleb tagħna jkunu tqal u meta, għal xi żmien, it-triq tagħna taf tidher imdallma. Għall-qawwa tagħkom u l-lealtà tagħkom, u l-imħabba tagħkom, jien noffri r-radd il-ħajr personali tiegħi. Illum jien naqsam ix-xhieda appostolika tiegħi dwar Dak li ġie “merfugħ ’il fuq”15 u dwar il-barkiet eterni li Huwa jsawwab fuq dawk li huma “merfugħin ’il fuq” miegħu, sewwasew il-Mulej Ġesù Kristu, ammen.