Konferenza Ġenerali
X’Inhu Veru?
konferenza ġenerali Ottubru 2022


X’Inhu Veru?

Alla huwa s-sors ta’ kull verità. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tħaddan kull verità li Alla jgħaddi lil uliedu.

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom ilkoll għal din is-sessjoni li tispirak! Mill-aħħar konferenza tagħna ta’ April, stajna naraw diversi avvenimenti jseħħu fid-dinja, uħud ta’ qsim il-qalb u oħrajn sublimi.

Aħna verament kuntenti bir-rapporti ta’ konferenzi kbar taż-żgħażagħ li qed isiru madwar id-dinja.1 Waqt dawn il-konferenzi, iż-żgħażagħ nobbli tagħna qed jitgħallmu li jiġri x’jiġri f’ħajjithom, l-akbar qawwa tagħhom tiġi mill-Mulej.2

Aħna nithennew li aktar tempji qed jinbnew madwar id-dinja. Ma’ kull dedikazzjoni ta’ kull tempju, tasal aktar qawwa divina fil-dinja biex tqawwina u tikkontrobatti l-isforzi li dejjem jintensifikaw ruħhom tal-avversarju.

L-abbuż jikkonstitwixxi l-influwenza tal-avversarju. Huwa dnub mill-aktar serju.3 Bħala l-President tal-Knisja, jiena nafferma t-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu fuq din il-ħaġa. Ippermettuli nkun ċar dwar dan: kwalunkwe tip ta’ abbuż fuq nisa, tfal, jew xi ħadd ieħor il-Mulej jistmerrih. Huwa jitnikket u jien nitnikket kull meta xi ħadd jiġi inġurjat. Huwa jibki, u aħna lkoll nibku għal kull persuna li waqgħet vittma ta’ xi tip ta’ abbuż. Dawk li jwettqu dawn l-atti mill-aktar koroh mhux biss huma kontabbli lejn il-liġijiet tal-bniedem iżda sejrin ukoll jiffaċċjaw il-korla ta’ Alla li Jista’ Kollox.

Issa l-Knisja ilha għexieren ta’ snin tieħu miżuri estensivi biex tipproteġi—b’mod partikolari—lit-tfal mill-abbuż. Fuq il-websajt tal-knisja hemm diversi għajnuniet. Nistedinkom biex tistudjawhom.4 Dawn il-linji gwida huma mfassla biex jipproteġu lill-innoċenti. Inħeġġeġ lill-kull wieħed u waħda minna biex inżommu għajnejna miftuħin għal xi ħadd li jaf ikun fil-periklu li jiġi abbużat u biex naġixxu fil-pront biex nipproteġuh. Is-Salvatur ma jittollera l-ebda abbuż, u bħala dixxipli tiegħu, lanqas nistgħu nittolleraw aħna.

L-avversarju għandu tattiċi aktar disturbanti. Fosthom hemm l-isforzi tiegħu li jċajpar il-linja bejn dak li hu veru u dak li mhuwiex. Id-dilluvju ta’ informazzjoni disponibbli għalina, ironikament, tagħmilha aktar diffiċli biex niddeterminaw x’inhu veru.

Dan ifakkarni dwar esperjenza li jien u Sister Nelson kellna meta ltqajna ma’ dinjitarju f’pajjiż fejn relattivament ftit huma n-nies li semgħu b’Ġesù Kristu. Dan il-ħabib għażiż li dieħel sew fl-età m’ilux kien marid sew. Hu qalilna li fiż-żmien twil li għadda fis-sodda, spiss kien jispiċċa jiċċassa lejn is-saqaf u jistaqsi, “X’inhu veru?”

Ħafna nies fid-dinja llum “jinżammu ’l bogħod mill-verità għax ma jafux fejn għandhom isibuha.”5 Xi wħud iriduna nemmnu li l-verità hija relattiva—li kull persuna għandha tiddetermina hi x’inhu veru. Dan it-tip ta’ twemmin mhuwa xejn ħlief xewqa li għandhom dawk li b’mod żbaljat jaħsbu li mhumiex se jkunu wkoll kontabbli lejn Alla.

Għeżież ħuti, Alla huwa s-sors ta’ kull verità. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tħaddan kull verità li Alla jgħaddi lil uliedu, kemm jekk tiġi mgħallma f’xi laboratorju xjentifiku kif ukoll jew tingħata permezz ta’ rivelazzjoni diretta mingħandu.

Minn wara dan il-pulptu llum u għada intom se tkomplu tisimgħu l-verità. Jekk jogħġobkom ħudu noti ta’ xi ħsibijiet li jiġukom u dawk li jfeġġu f’moħħkom u jibqgħu f’qalbkom. Itolbu lill-Mulej jikkonferma li dak li smajtu huwa veru.

Inħobbkom, għeżież ħuti. Nitlob li din il-konferenza tipprovdilkom il-festa spiritwali li qegħdin tfittxu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.