Konferenza Ġenerali
Mudelli ta’ Dixxipulat
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Mudelli ta’ Dixxipulat

Li nitgħallmu dwar Kristu u l-modi Tiegħu jwassalna biex insiru nafuh u nħobbuh.

Mudelli ta’ Fidi

Dalgħodu ż-żewġ uliedna u t-tliet neputijiet tagħna fl-Amerka ta’ Fuq, u madwar nofs id-dinja, raw id-dija tax-xemx tixref b’mod majestuż fil-lvant. It-tliet ulied u s-seba’ neputijiet l-oħra fl-Afrika, u n-nofs l-ieħor tad-dinja, raw dalma gradwalment tinxtered fuqhom hekk kif ix-xemx niżlet taħt l-orizzont fil-punent.

Din il-kostanza bla żmien tal-bidu tal-lejl u n-nhar hija tifkira ta’ kuljum tar-realtajiet li jiggvernaw lil ħajjitna li aħna ma nistgħux nibdlu. Meta aħna nirrispettaw u nallinjaw dak li nagħmlu ma’ dawn ir-realtajiet eterni, aħna nesperjenzaw il-paċi interna u l-armonija. Meta ma nagħmlux dan, aħna ma nkunux f’postna, u l-affarijiet ma jmorrux kif nistennew.

Il-lejl u n-nhar huma eżempju wieħed ta’ mudelli li Alla ta lil kull min xi darba għex fid-dinja, mudelli ta’ ħwejjeġ kif verament huma. Hija verità assoluta tal-eżistenza umana tagħna li aħna ma nistgħux ninnegozjaw skont ix-xewqat tagħna u mbagħad qisu ma ġara xejn. Jiena niftakar dwar dan kull darba li naqbad titjira mill-Afrika biex niġi għall-konferenza ġenerali, u ndawwar lura l-arloġġ tal-ġisem b’10 sigħat f’jum wieħed.

Kull darba li nindenjaw nagħtu kas, aħna naraw li Missierna fis-Smewwiet tana biżżejjed xhieda tal-verità biex niggvernaw ħajjitna ħalli nsiru nafuh u jkollna l-barkiet tal-paċi u l-hena.

Permezz tal-Profeta Joseph Smith, l-Ispirtu tal-Mulej jafferma, “U għal darb’oħra, jiena nagħtikom mudell f’kollox, biex ma titqarrqux; għax ix-Xitan jinsab iħuf fuq l-art, u erħilu jqarraq bil-ġnus.”1

Koriħor l-anti-Krist waqa’ fin-nasba ta’ qerq bħal dan, fejn huwa ma emminx bl-eżistenza ta’ Alla u l-miġja ta’ Kristu. Lilu l-profeta Alma xehed, “Kollox juri li hemm Alla; iva, anke l-art, u kull ħaġa li hawn fuqha, iva, u l-moviment tagħha, iva, kif ukoll il-pjaneti kollha li jiċċaqalqu fil-forma regolari tagħhom jixhdu li hemm Ħallieq Suprem.”2

Meta Koriħor insista li jingħata sinjal qabel ma seta’ jemmen, Alma wasslu biex jitlef leħnu u jimmuta. Imċekken minħabba s-sofferenza tiegħu, Koriħor b’mod ħieles stqarr li kien ġie mqarraq mix-xitan.

M’hemmx għalfejn niġu mqarrqin. Il-miraklu tal-ħajja intelliġenti kontinwament jimmanifesta ruħu quddiemna. U ħarsa u riflessjoni qasira dwar l-għeġubijiet tas-smewwiet mifruxin f’numru bla għadd ta’ kwiekeb u galassji jwasslu biex ruħ il-qalb li temmen tiddikjara, “Alla tiegħi, kemm int kbir!”3.

Iva, Alla Missierna fis-Smewwiet jgħix, u Huwa juri lilu nnifsu lilna l-ħin kollu b’diversi modi.

Mudell ta’ Umiltà

Iżda biex nagħrfu, nemmnu, u nkomplu f’Alla, qalbna teħtieġ li tkun riċettiva għall-Ispirtu tal-verità. Alma għallem li l-fidi hija ppreċeduta mill-umiltà.4 Mormon kompla jgħid li huwa impossibbli għal kull min mhuwiex “ta’ qalb ħelwa u umli” li jkollu l-fidi u t-tama u jirċievi l-Ispirtu ta’ Alla.5 Is-Sultan Benjamin iddikjara li kull min jagħti prijorità lill-glorja tad-dinja huwa “għadu ta’ Alla.”6.

Billi ssottometta ruħu għall-magħmudija biex iwettaq is-sewwa kollu minkejja li Huwa kien ġust u qaddis, Ġesù Kristu wera li l-umiltà quddiem Alla hija kwalità fundamentali tad-dixxipli tiegħu.7

Id-dixxipli ġodda kollha huma mitlubin li juru umiltà quddiem Alla permezz tal-ordinanza tal-magħmudija. Għalhekk, “dawk kollha li jumiljaw ruħhom quddiem Alla, u juru x-xewqa li jigħammdu, u jersqu ’l quddiem b’qalb maqsuma u spirtu niedem … se jintlaqgħu permezz tal-magħmudija fil-knisja tiegħu.” 8

L-umiltà tinklina l-qalb tad-dixxiplu lejn l-indiema u l-ubbidjenza. L-Ispirtu ta’ Alla mbagħad ikun kapaċi jġib il-verità f’dik il-qalb, u jsib imod kif jidħol.9

Huwa n-nuqqas ta’ umiltà li jikkontribwixxi l-aktar għat-twettiq tal-profezija tal-Appostlu Pawlu f’dawn l-aħħar żminijiet:

“Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba,

“Bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb.”10

L-istedina tas-Salvatur biex nitgħallmu minnu hija stedina biex ninjoraw l-instigazzjonijiet tad-dinja u nsiru bħalu—ta’ qalb ħelwa u umli. Imbagħad aħna nkunu kapaċi li nieħdu l-madmad tiegħu u niskopru li huwa ħafif—li d-dixxiplupat mhuwiex piż iżda ferħ, kif għallimna l-President Russell M. Nelson b’mod daqshekk elokwenti u ripetutament.

Mudell ta’ Mħabba

Li nitgħallmu dwar Kristu u l-modi Ttegħu jwassalna biex insiru nafuh u nħobbuh.

Huwa wera b’eżempju li b’attitudni ta’ umiltà huwa verament possibbli li nkunu nafu u nħobbu lil Alla l-Missier b’qalba u ruħna kollha u nħobbu lil ħaddieħor hekk kif inħobbu lilna nfusna, bla ma nżommu xejn lura. Il-ministeru tiegħu fid-dinja, li matulu huwa qiegħed kemm ir-rieda tiegħu kif ukoll il-ġisem tiegħu fuq l-artal, kien mudell għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li fuqhom l-evanġelju tiegħu twaqqaf. Iż-żewġ prinċipji jħarsu ’l barra u huma dwar kif aħna għandna nirrelataw ma’ ħaddieħor, mhux dwar kif infittxu l-gratifikazzjoni jew il-glorja personali.

L-ironija mirakoluża ta’ dan hi li meta aħna niffokaw l-aqwa sforzi tagħna fuq li nħobbu lil Alla u lil ħaddieħor, aħna nkunu nistgħu niskopru l-valur divin veru tagħna, bħala wlied Alla, bil-milja ta’ paċi u ferħ li din l-esperjenza ġġib.

Aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Alla u ma’ xulxin permezz tal-imħabba u s-servizz. B’hekk aħna nistgħu nirċievu x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu ta’ dik l-imħabba safja, il-frott li Leħi jitkellem dwaru bħala “l-aktar ħelu, iktar minn dak kollu li qatt doqt qabel.” 11

Il-kuruna li Kristu rċieva talli ta u għamel dak kollu li kien fl-abbiltà tiegħu biex ifassal il-mudell li jħobb lill-Missier u jħobb lilna kienet li jirċievi l-qawwa kollha, anke kull ma għandu l-Missier, li hi l-eżaltazzjoni.12

L-opportunità tagħna li nrawmu f’ruħna mħabba dejjiema lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna tibda mid-dar bid-drawwiet qaddisa li kuljum nikkonnettjaw mal-Missier fit-talb personali u tal-familja f’isem l-Iben Waħdieni tiegħu, u hekk nitgħallmu minnhom permezz tal-istudju tal-iskrittura, individwali u fil-familja, billi nosservaw Jum il-Mulej flimkien, u individwalment inħaddnu rakkomandazzjoni kurrenti tat-tempju, u nużawha flimkien kemm-il darba nkunu nistgħu.

Hekk kif aħna lkoll individwalment nikbru fl-għarfien u fl-imħabba tagħna lejn il-Missier u l-Iben, aħna nikbru fl-apprezzament u fl-imħabba tagħna lejn xulxin. L-abbiltà tagħna li nħobbu u nservu lil ħaddieħor barra d-dar tissaħħaħ ħafna.

Dak li nagħmlu fid-dar huwa l-vera prova ta’ dixxiplulat dejjiem u ferrieħi. L-aktar barkiet ħelwin tal-evanġelju rrestawrat li jien u marti, Gladys, gawdejna fid-dar tagħna waslu minn meta tgħallimna nsiru nafu u nonoraw lil Alla fid-dar u naqsmu l-imħabba tiegħu mal-posterità tagħna.

Mudell ta’ Servizz

L-imħabba lejn Alla u s-servizz lejn xulxin imrawmin fid-dar u s-servizz lejn ħaddieħor barra d-dar biż-żmien jikbru fil-kwalità tal-karità.

Dan jirresona mal-mod ta’ servizz ikkonsagrat fis-saltna ta’ Alla li qed jippreżentawlna l-profeti u l-appostli ħajjin tal-Mulej. Aħna nsiru ħaġa waħda magħhom.

Imbagħad aħna nkunu nistgħu nħarsu, permezz tagħhom, lejn il-Mulej “f’kull ħsieb,” ħalli aħna “ma niddubitawx” u “ma nibżgħux.”13

Bħall-profeti u l-appostli ħajjin tal-Mulej, aħna nistgħu nimxu bil- “ġewwieni … mimli karità lejn il-bnedmin kollha, u … lid-dar tal-fidi, bil-virtù żżejjen ħsibijietna bla qjies; … u l-kunfidenza [tagħna] dejjem tikber fil-preżenza ta’ Alla; u d-duttrina tas-saċerdozju … [tiddistilla fuq ruħna] bħan-nida mis-sema.”

Flimkien mal-profeti u l-appostli ħajjin tal-Mulej, aħna wkoll nistgħu ningħaqdu ma’ ċirku virtuż ta fidi msaħħaħ permezz ta’ servizz ikkonsagrat li fih “l-Ispirtu s-Santu huwa s-sieħeb kostanti [tagħna], ix-xettru [tagħna huwa] xettru ma jinbidilx ta’ sewwa u verità; u d-dominju [tagħna] huwa dominju ta’ dejjem, u mingħajr ebda mezz obbligatorju jibqa’ [jnixxi fina] għal dejjem ta’ dejjem.”14 Din hi l-wegħda tal-pjan tal-Missier. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Ipprintja