Struttura għar-Rivelazzjoni Personali
Jeħtieġ li nifhmu l-istruttura li madwarha jiffunzjona l-Ispirtu s-Santu. Meta aħna noperaw skont dik l-istruttura, l-Ispirtu s-Santu jista’ jagħtina għarfien tal-għaġeb.
Bħal ħafna minnkom tul is-snin jien ġejt influwenzat bil-kbir mill-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf. Dan jispjega, b’xi mod, dak li jien se nitkellem dwaru.1 Għalhekk, niskuża ruħi miegħi …
Piloti mħarrġin tajjeb itajru l-ajruplan skont il-kapaċità tiegħhom u jsegwu d-direzzjoni mogħtija lilhom mill-uffiċjali tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru dwar l-użu tar-ranwej u r-rotta li jridu jieħdu. Fi kliem ieħor, il-piloti joperaw billi jsegwu ċerta struttura. Irrispettivament kemm huma brillanti jew kapaċi, huwa biss meta l-piloti jsegwu din l-istruttura li huma jkunu jistgħu juru mingħajr periklu l-potenzjal enormi ta’ ajruplan biex iwettqu l-oġġettivi mirakolużi tiegħu.
Bl-istess mod, aħna nirċievu r-rivelazzjoni personali jekk insegwu ċerta struttura. Wara l-magħmudija, aħna niġu mogħtija don majestuż u fl-istess ħin prattiku, id-don tal-Ispirtu s-Santu.2 Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu fit-triq tal-patt,3 huwa “l-Ispirtu s-Santu … [li] jurina dak kollu [li għandna] nagħmlu.”4 Meta nkunu inċerti jew anzjużi, nistgħu nitolbu lil Alla biex jgħinna.5 Il-wegħda tas-Salvatur ma tistax tkun aktar ċara: “Itolbu, u jingħatalkom; … għax kull min jitlob, jaqla’.”6 Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu nistgħu nittrasformaw in-natura divina tagħna fid-destin etern tagħna.7
Il-wegħda tar-rivelazzjoni personali permezz tal-Ispirtu s-Santu timmeraviljana u tispirana, l-istess bħal ajruplan waqt titjira. U bħall-piloti tal-ajruplan, jeħtieġ li nifhmu l-istruttura li madwarha jiffunzjona l-Ispirtu s-Santu biex jipprovdilna r-rivelazzjoni personali. Meta aħna noperaw skont dik l-istruttura, l-Ispirtu s-Santu jista’ jagħtina għarfien, direzzjoni, u faraġ tal-għaġeb. Jekk ma nsegwux dik l-istruttura, irrispettivament kemm aħna brillanti jew kapaċi, aħna nistgħu niġu mqarrqin, u nitkissru u ninħarqu.
L-iskrittura tifforma l-ewwel element ta’ din l-istruttura għar-rivelazzjoni personali.8 Li mmantnu ruħna permezz ta’ kliem Kristu, kif insibuh fl-iskrittura, jistimula fina r-rivelazzjoni personali. Il-Presbiteru Robert D. Hales qal: “Meta rridu nitkellmu ma’ Alla, nitolbu. U meta rridu li Hu jkellimna, inqallbu l-iskrittura.”9
L-iskrittura tgħallimna wkoll kif nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni personali.10 U aħna nitolbu għal dak li hu sewwa u tajjeb11 u mhux għal dak li jmur kontra r-rieda ta’ Alla.12 M’għandniex “nitolbu ħażin,” b’mottivi mhux xieraqa biex nippromwovu l-aġenda personali tagħna jew biex nissodisfaw lilna nfusna.13 Fuq kollox, għandna nitolbu lil Missier fis-Smewwiet f’isem Ġesù Kristu,14 u nemmnu li sejrin nirċievu.15
It-tieni element tal-istruttura hu li aħna nirċievu r-rivelazzjoni personali biss skont ħwejjeġ relatati mal-kompetenza tagħna, u mhux skont il-prerogattiva ta’ ħaddieħor. Fi kliem ieħor, aħna nagħmlu t-tlugħ u l-inżul tagħna fir-ranwej li ġiet magħżula għalina. L-importanza ta’ ranwejs li faċli tikkonoxxihom kienet ta’ ispirazzjoni fiż-żmien bikri fl-istorja tar-Restawrazzjoni. Hiram Page, wieħed mit-Tmien Xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon, iddikjara li kien qed jirċievi rivelazzjonijiet għall-Knisja kollha. Bosta membri ġew imqarrqin u influwenzati b’mod ħażin.
Bi tweġiba għal dan, il-Mulej żvela li “ħadd m’għandu jinħatar biex jirċievi kmandamenti u rivelazzjonijiet f’din il-Knisja ħlief il-qaddej tiegħi Joseph Smith, … sakemm jiena naħtar … ieħor minfloku.”16 Id-duttrina, il-kmandamenti, u r-rivelazzjonijiet għall-Knisja huma l-prerogattiva tal-profeta ħaj, li jirċevihom mingħand il-Mulej Ġesù Kristu.17 Din hija r-ranwej tal-profeta.
Snin ilu, jiena rċevejt telefonata mingħand individwu li kien ġie arrestat għax invada proprjetà privata. Hu qalli li kien ġie żvelat lilu li kien hemm skrittura oħra moħbija taħt is-sular t’isfel tal-bini li pprova jidħol fih. Hu ddikjara li ladarba jirnexxielu jikseb din l-iskrittura l-oħra, kien jaf li kien se jirċievi d-don tat-traduzzjoni, iġib għad-dawl skrittura ġdida, u jfassal id-duttrina u d-direzzjoni tal-Knisja. Jien għidtlu li hu kien żbaljat, u talabni biex nitlob dwar dan. Għidtlu li ma kontx se nagħmel dan. Hu beda jgħidli kliem abbużiv u qatagħli t-telefon.18
Ma kellix għalfejn nitlob dwar dak li talabni għal raġuni sempliċi iżda profonda: huwa biss il-profeta li jirċievi rivelazzjoni għall-Knisja. Imur “kontra l-ekonomija ta’ Alla”19 jekk ħaddieħor jirċievi din it-tip ta’ rivelazzjoni, li postha hu fuq ir-ranwej tal-profeta.
Ir-rivelazzjonipersonali b’mod xieraq hija d-dritt tal-individwi. Intom tistgħu tirċievu r-rivelazzjoni, per eżempju, dwar fejn għandkom tmorru toqogħdu, x’karrieri għandkom taqbdu, jew lil min għandkom tiżżewġu.20 Il-mexxejja tal-Knisja jistgħu jgħallmu d-duttrina u jaqsmu magħkom ċertu tagħlim ispirat, iżda r-responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet hija tagħkom. Din hi rivelazzjoni li tirċevuha intom; postha fir-ranwej tagħkom.
It-tielet element tal-istruttura hi li r-rivelazzjoni personali tkun f’armonija mal-kmandamenti ta’ Alla u l-patti li għamilna miegħu. Ikkunsidraw talba li tmur xi ħaġa hekk: “Missierna fis-Smewwiet, is-servizzi tal-Knisja vera tedjanti. Nista’ f’Jum il-Mulej inqimek fil-muntanja jew f’xatt il-baħar? Tippermettili li ma nattendix il-knisja u ma niħux sehem fis-sagrament iżda xorta waħda jkolli l-barkiet imwiegħda daqslikieku qed inqaddes Jum il-Mulej?”21 Bi tweġiba għal talba bħal din, nistgħu nantiċipaw t-tweġiba ta’ Alla: “Ibni, jien diġà żvelajt ir-rieda tiegħi dwar Jum il-Mulej.”
Meta nistaqsu għal rivelazzjoni għal xi ħaġa li Alla diġà ta direzzjoni ċara dwarha, aħna nesponu lilna nfusna b’tali mod li nispiċċaw ninterpretaw ħażin is-sentimenti tagħna u nisimgħu dak li nixtiequ nisimgħu. Wieħed raġel darba kellimni dwar id-diffikultajiet tiegħu biex jistabbilizza s-sitwazzjoni finanzjarja fil-familja tiegħu. Hu ġietu idea li juża fondi allokati għal xi ħaġa oħra bħala soluzzjoni, talab dwarha, u ħass li kien rċieva rivelazzjoni li seta’ jagħmel dan. Jiena naf li hu kien ġie mqarraq għaliex hu fittex li jikseb rivelazzjoni li tmur kontra kmandament ta’ Alla. Il-Profeta Joseph Smith widdeb, “Xejn ma jagħmel ħsara lil ulied il-bnedmin aktar minn meta huma jkunu taħt l-influwenza ta’ xi spirtu falz, meta jaħsbu li għandhom l-Ispirtu ta’ Alla.”22
Xi wħud jafu jirrimarkaw li Nefi kiser kmandament meta qatel lil Laban. Madankollu, din l-eċċezzjoni m’għandhiex tikser in-norma tar-regola—ir-regola li r-rivelazzjoni personali tkun f’armonija mal-kmandamenti ta’ Alla. L-ebda spjegazzjoni sempliċi ta’ dan l-episodju mhi kompletament sodisfaċenti, iżda ippermettuli nenfasizza ċerti aspetti. Dan l-episodju ma bediex b’Nefi jistaqsi jekk setax joqtol lil Laban. Ma kenitx xi ħaġa li ried jagħmel. Il-qtil ta’ Laban ma kienx biex Nefi jibbenifika xi ħaġa personali iżda biex l-iskrittura tkun disponibbli għal ġens futur u għall-poplu tal-patt. U Nefi kien ċert li din kienet rivelazzjoni—fil-fatt, f’dan il-każ, kien kmandament mingħand Alla.23
Ir-raba’ element tal-istruttura hu li tagħrfu dak li Alla diġà żvelalkom personalment, filwaqt li tkunu lesti li tiksbu aktar rivelazzjoni mingħandu. Jekk Alla wieġeb mistoqsija u ċ-ċirkustanzi ma nbidlux, għalfejn għandna nistennew li t-tweġiba tkun differenti? Joseph Smith sab ma’ wiċċu dan ix-xenarju problematiku fl-1828. L-ewwel porzjon tal-Ktieb ta’ Mormon kien diġà tradott meta Martin Harris, benefattur u wieħed mill-ewwel skribi, talab lil Joseph biex jagħtih permess biex jieħu l-paġni tradotti u jurihom lil martu. Inċert x’kellu jagħmel, Joseph talab għall-gwida. Il-Mulej qallu biex ma jħallix lil Martin jieħu l-paġni.
Martin talab biex Joseph jerġa’ jistaqsi lil Alla. Joseph hekk għamel, u t-tweġiba, mhux sorprendenti, kienet l-istess. Iżda Martin talab bil-ħniena lil Joseph biex jistaqsi għat-tielet darba u Joseph hekk għamel. Din id-darba Alla ma qalx, “le.” Minflok, kien bħallikieku Alla qallu, “Joseph, inti taf jien kif inħossni dwar din il-ħaġa, iżda inti għandek il-volontà li tagħżel.” Hekk kif ħass bħal piż jitneħħa minn fuqu, Joseph iddeċieda li lil Martin iħallih jieħu l-116-il paġna tal-manuskritt u jurihom lil ftit membri tal-familja. Il-paġni tradotti spiċċaw intilfu u qatt ma ġew lura. Il-Mulej ċanfar bil-kbir lil Joseph.24
Joseph tgħallem, kif għallem Ġakobb il-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon: “Tippruvawx tagħtu parir lill-Mulej, iżda araw li tieħdu parir mingħandu. Għax … il-parir tiegħu jagħtih b’għerf.”25 Ġakobb wissa li meta aħna nistaqsu għal affarijiet li m’għandniex nistaqsu għalihom nesperjenzaw ħwejjeġ xejn sbieħ. Huwa ħabbar li n-nies f’Ġerusalemm sejrin ifittxu “għal ħwejjeġ li ma jistgħux jifhmu,” iħarsu “lil hinn mis-sinjal,” u kompletament ma jagħtux każ tas-Salvatur tad-dinja.26 Huma jaqgħu għaliex jistaqsu għal ħwejjeġ li ma jifhmux u li ma jistgħux jifhmu.
Jekk aħna rċevejna rivelazzjoni personali għas-sitwazzjoni tagħna u ċ-ċirkustanzi ma nbidlux, Alla diġà wieġeb il-mistoqsija tagħna.27 Per eżempju, xi kultant aħna nitolbu ripetutament għal riassigurazzjoni li aħna ġejna maħfura. Jekk aħna ndimna, ħassejna fina l-hena u l-paċi tal-kuntentizza, u ksibna maħfra ta’ dnubietna, m’hemmx għalfejn nerġgħu nitolbuh dwar l-istess ħaġa iżda jista’ jkollna fiduċja li t-tweġiba ta’ Alla diġà ngħatat.28
Anke jekk għandna fiduċja fit-tweġibiet li tana Alla qabel, jeħtieġ inkunu onesti biex inkabbru r-rivelazzjoni personali. Wara kollox, ftit mid-destinazzjonijiet tal-ħajja jintlaħqu permezz ta’ titjira li tibqa’ sejra u ma tieqaf imkien aktar. Jeħtieġ nagħrfu li r-rivelazzjoni personali nistgħu niksbuha “linja wara linja u preċett wara preċett,”29 li d-direzzjoni żvelata tista’ tkun u ħafna drabi hi inkrementali.30
L-elementi tal-istruttura għar-rivelazzjoni personali jikkoinċidu u waħda ssaħħaħ lil oħra. Iżda jekk insewgu dik l-istruttura, l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ u fil-fatt lest li jiżvela kull ħaġa li neħtieġu biex nibqgħu mexjin fit-triq tal-patt bl-istess spinta. B’hekk aħna nistgħu nitbierku mill-qawwa ta’ Ġesù Kristu ħalli nsiru dak li jridna nsiru Missierna fis-Smewwiet. Nistedinkom ħalli jkollkom il-kunfidenza li titolbu għar-rivelazzjoni personali tagħkom, tifhmu dak li żvela Alla, li hu konsistenti mal-iskrittura u mal-kmandamenti li Huwa ta permezz tal-profeti magħżula tiegħu, u relatati mal-kompetenza u l-volontà tagħkom. Jiena naf li l-Ispirtu s-Santu jista’ u sejjer jurikom kull ħaġa li għandkom tagħmlu f’isem Ġesù Kristu, amen.31 F’isem Ġesù Kristu, amen.