Ferħanin u Għal Dejjem
Minnu, l-hena u l-eternità dejjiema ma’ dawk li nħobbu huma l-essenza propja tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla.
Ħbieb, għeżież ħuti, tiftakru meta kontu temmnu, jew meta kontu tixtiequ li temmnu, fl-idea li ngħixu għal dejjem ferħana?
Imbagħad tibda l-vera ħajja. Aħna “nikbru.” Ir-relazzjonijiet isiru kkumplikati. Din dinja storbjuża, imballata, iffullata, bi pretenzjoni u pożi. Madanakollu, fil-“fond tal-fond ta’ qalbna,”1 aħna nemmnu, jew irridu li nemmnu, li x’imkien, b’xi mod, ferħanin u għal dejjem huma reali u possibbli.
“Ferħanin u għal dejjem” mhumiex affarjiet immaġinarji tal-istejjer tas-sħarijiet. Minnu, l-hena u l-eternità dejjiema ma’ dawk li nħobbu huma l-essenza propja tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla. It-triq tiegħu, ippreparata b’tant imħabba, tista’ tagħmel il-vjaġġ etern tagħna ferħan u għal dejjem.
Għandna ħafna għal xiex niċċelebraw u li nkunu grati għalih. Madanakollu, ħadd minna mhu perfett, u l-ebda familja mhi. Ir-relazzjonijiet tagħna jinkludu l-imħabba, is-soċjalità, u l-personalità iżda ta’ spiss anki t-tilwim, il-weġgħat, u xi drabi uġigħ profond.
“Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”2 Li tkun ħaj f’Ġesù Kristu jinkludi l-immortalità—ir-rigal tiegħu għalina tal-qawmien fiżiku mill-imwiet. Hekk kif ngħixu bil-fidi u l-ubbidjenza, li nkunu ħajjin fi Kristu jinkludi wkoll ħajja eterna ta’ hena abbundanti ma’ Alla u ma’ dawk li nħobbu.
B’mod rimarkabbli, il-profeta tal-Mulej qed iressaqna eqreb lejn is-Salvatur tagħna, li jinkludi permezz tal-ordinanzi u l-patti sagri tat-tempju li qed joqorbu iktar lejna f’iktar postijiet. Għandna opportunità profonda u don li niskopru dehen spiritwali ġdid, imħabba, indiema, u maħfra ma’ xulxin u mal-familja tagħna, fi żmien u fl-eternità.
Bil-permess, se naqsam magħkom żewġ esperjenzi sagri, spiritwalment diretti b’mod mhux tas-soltu, irrakkontati minn ħbieb dwar kif Ġesù Kristu jgħaqqad il-familji billi jfejjaq saħansitra kunflitt interġenerazzjonali.3 “Infinit u etern,”4 “iktar qawwi mill-kordi tal-mewt,”5 l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tista’ tgħinna nġibu l-paċi lill-passat tagħna u t-tama għall-futur tagħna.
Meta ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, il-ħabiba tiegħi u żewġha b’ferħ kbir saru jafu li r-relazzjonijiet tal-familja m’għandhomx ikunu “sa ma l-mewt tifridna.” Fid-dar tal-Mulej, il-familji jistgħu jingħaqdu għall-eternità (issiġillati).
Iżda l-ħabiba tiegħi ma riditx li tkun issiġillata ma’ missierha. “Bħala raġel miżżewweġ, xejn ma mexa tajjeb ma’ ommi. Ma mexiex tajjeb bħala missier ma’ wliedu,” hi qalet. “Missieri ħa jkollu jistenna. M’għandi l-ebda xewqa li nagħmel ix-xogħol tat-tempju għalih u nkun issiġillata miegħu għall-eternità.”
Għal sena sħiħa, hija samet, talbet, tkellmet ħafna mal-Mulej dwar missierha. Fl-aħħar, kienet lesta. Il-ħidma tat-tempju għal missierha kienet twettqet. Wara, hija qalet, “Meta kont rieqda missieri deherli f’ħolma, liebes kollu abjad. Huwa kien inbidel. Qalli, “Ħares lejja. Jien nadif. Grazzi talli għamilt il-ħidma fit-tempju għalija.” Missierha żied, “Qum u erġa’ lura t-tempju; ħuk qed jistenna biex jitgħammed.”
Il-ħabiba tiegħi qalet, “L-antenati tiegħi u dawk li ħallewna huma ħerqanin jistennew li l-ħidma tagħhom titwettaq.”
“Min-naħa tiegħi,” qalet, “it-tempju huwa post ta’ fejqan, tagħlim, u fejn nirrikonoxxi l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”
It-tieni esperjenza. Ħabib ieħor irriċerka b’mod diliġenti l-istorja tal-familja tiegħu. Hu ried jidentifika lill-bużnannu tiegħu.
Għodwa fost l-oħrajn, il-ħabib tiegħi qal li ħass preżenza spiritwali ta’ raġel fil-kamra tiegħu. Ir-raġel ried li jkun misjub u magħruf fil-familja tiegħu. Ir-raġel ħass ir-rimors għal żball li għalih huwa kien issa nidem. Ir-raġel għen lill-ħabib tiegħi jirrealizza li l-ħabib tiegħi ma kellu l-ebda konnessjoni fid-DNA mal-persuna li l-ħabib tiegħi kien jaħseb li hu l-bużnannu tiegħu. “Fi kliem ieħor,” qal il-ħabib tiegħi, “jien kont skoprejt lill-bużnannu tiegħi u għaraft li hu ma kienx il-persuna li r-rekords tal-familja tagħna kienu jgħidu li hu l-bużnannu tagħna.”
La r-relazzjonijiet familjari ġew ikkjarifikati, il-ħabib tiegħi qal, “Inħossni liberu, fil-paċi. Tagħmel differenza enormi li nkun naf min hi l-familja tiegħi.” Il-ħabib tiegħi xtarr, “Zokk mgħawweġ ma jfissirx li s-siġra hija ħażina. Kif niġu f’din id-dinja huwa inqas importanti minn min aħna meta nħalluha.”
L-iskrittura mqaddsa u l-esperjenzi sagri ta’ fejqan u paċi personali, li jinkludu dawk li hum ħajjin fid-dinja tal-ispirti, jenfasizzaw ħames prinċipji duttrinali.
L-ewwel: Ċentrali fil-pjan ta’ Alla għall-fidwa u l-ferħ, Ġesù Kristu, permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, iwiegħed li jgħaqqad l-ispirtu u l-ġisem tagħna, “biex qatt iżjed ma jkunu mifrudin, ħalli aħna nirċievu l-milja ta’ hena.”6
It-tieni: l-Espjazzjoni—li tkun ħaġa waħda fi Kristu—tiġi hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi u nwasslu frott għall-maħfra.7 Kif jiġri fil-mortalità, l-istess fl-immortalità. L-ordinanzi tat-tempju waħdehom ma jbiddlu la lilna u lanqas lil dawk fid-dinja tal-ispirtu. Iżda dawn l-ordinanzi divini jippermettulna nagħmlu patti mal-Mulej li jqaddsuna, xi ħaġa li tista’ ġġib l-armonija miegħu u ma’ xulxin.
L-hena tagħna tilħaq il-mija tagħna hekk kif inħossu l-grazzja ta’ Ġesù Krtistu u l-maħfra tiegħu għalina. U, hekk kif noffru l-miraklu tal-grazzja u l-maħfra tiegħu lil xulxin, il-ħniena li nirċievu u l-ħniena li aħna noffru jistgħu jgħinu biex jagħmlu l-inġustizzji tal-ħajja ġusti.8
It-tielet: Alla jafna u jħobbna perfettament. “Alla ma jidħak bih ħadd,”9 lanqas ma jista’ jiġi mqarraq. Bi ħniena u ġustizzja perfetti, huwa jħaddan fid-dirgħajn siguri tiegħu lill-umli u l-dawk kollha li jindmu.
Fit-Tempju ta’ Kirtland, il-Profeta Joseph Smith ra f’dehra lil ħuh Alvin salvat fis-saltna ċelestjali. Il-Profeta Joseph stagħġeb, peress li Alvin kien leħaq miet qabel ma rċieva l-ordinaza li ssalva tal-magħmudija.10 Bil-ħsieb li jfarrġu, il-Mulej spjega r-raġuni: Il-Mulej “se jagħmel ħaqq minna skont l-għemejjel [tagħna], skont ix-xewqat ta’ qalb[na].”11 Ruħna tagħti xhieda tal-għemejjel u x-xewqat tagħna.
B’sens ta’ gratitudni, aħna nafu li l-ħajjin u “il-mejtin li jindmu se jkunu mifdija, permezz tal-ubbidjenza lejn l-ordinanzi tad-dar ta’ Alla”12 u l-Espjazzjoni ta’ Kristu. Fid-dinja tal-ispirti, anki dawk fid-dnub u t-trasgressjoni għandhom opportunità li jindmu.13
B’kuntrast, dawk li minn rajhom jagħżlu l-ħażen, li konxjament joqogħdu jittratienu biex jindmu, jew li b’xi mod premeditat jew konxjament jiksru l-kmandamenti bil-ħsieb f’moħħhom ta’ ndiema faċli, Alla għad jagħmel ħaqq minnhom u huma se “jiftakru ħtijiethom kollha b’ċarezza.”14 Ma nistgħux nindmu konxjament is-Sibt, u mbagħad nistennew maħfra awtomatika billi nieħdu sehem fis-sagrament il-Ħadd. Lill-missjunarji jew nies oħra li jgħidu li li timxi wara l-Ispirtu jfisser li m’għandekx tobdi l-istandards tal-missjoni jew il-kmandamenti, nitlobkom tiftakru li l-ubbidjenza lejn l-istandards tal-missjoni u l-kmandamenti tistieden lill-Ispirtu. Ħadd minna m’għandu jħalli l-indiema għal xi darb’oħra. Il-barkiet tal-indiema jibdew hekk kif aħna nibdew nindmu.
Ir-raba’: Il-Mulej jagħtina opportunità divina biex insiru iktar bħalu hekk kif aħna noffru bi prokura ordinanzi tat-tempju li oħrajn għandhom bżonn iżda li ma jistgħux jagħmlu minn rajhom. Aħna nsiru iktar sħaħ u perfetti15 hekk kif insiru “salvaturi … fuq il-muntanja Sijon.”16 Hekk kif inservu lil oħrajn, l-Ispirtu s-Santu tal-Wegħda jista’ jirratifika l-ordinanzi u jqaddes kemm lil min jagħtihom, kif ukoll li min jirċevihom. Kemm min jagħtihom u anki min jirċevihom jista’ jagħmel patti profondi u li jittrasformaw, u biż-żmien jirċievu l-barkiet imwegħdin lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb.
Finalment, il-ħames: Bħal ma tgħallem ir-Regola tad-Deheb17, simetrija li tqaddes fl-indiema u l-maħfra tistedinna li kull wieħed minna joffri lil oħrajn dak li aħna stess neħtieġu u nixtiequ.
Xi drabi r-rieda tagħna li naħfru lil xi ħadd ieħor tippermetti kemm lilhom u kemm lilna li nemmnu li nistgħu nindmu u ninħafru. Xi drabi r-rieda biex nindmu u l-abbiltà li naħfru jiġu fi żminijiet differenti. Is-Salvatur huwa l-Medjatur tagħna ma’ Allla, iżda hu jgħinna wkoll nsibu lilna nfusna u lil xulxin hekk kif noqorbu lejh. Speċjalment meta l-weġgħa u l-uġigħ huma profondi, li nsewwu r-relazzjonijiet tagħna u nfejqu lil qalbna huwa diffiċli, forsi impossibbli għalina li nagħmlu dan waħedna. Iżda s-smewwiet jista’ jagħtina l-qawwa u l-għerf lil hinn minn dawk li aħna nippossedu biex inkunu nafu meta għadna nissaportu, u kif għandna nintreħew.
Aħna inqas waħedna meta nirrealizzaw li m’aħniex waħedna. Is-Salvatur tagħna dejjem jifhem.18 Bl-għajnuna tas-Salvatur, aħna nistgħu nirrinunzjaw il-kburija tagħna, il-weġgħat tagħna, id-dnubiet tagħna lil Alla. Inħossuna kif inħossuna hekk kif nibdew, aħna nsiru iktar sħaħ hekk kif nafdaw fih li sejjer jagħmlilna r-relazzjonijiet tagħna sħaħ.
Il-Mulej, li jara u jifhem b’mod perfett, jaħfer lil min irid; jeħteġ li aħna (għax aħna imperfetti) għandna naħfru lil kulħadd. Hekk kif niġu għand is-Salvatur tagħna, aħna niffukaw inqas fuqna nfusna. Aħna niġġudikaw inqas u naħfru aktar. Li nafdaw fil-merti, fil-maħfra, u fil-grazzja tiegħu19 jista’ jeħlisna mit-tilwim, ir-rabja, l-abbuż, l-abbandun, l-inġustizzja, u l-isfidi fiżiċi u mentali li kultant jaslu mal-ġisem fiżiku f’dinja mortali. Ferħana u għal dejjem ma jfissirx li kull relazzjoni se tkun ferħana u għal dejjem. Iżda elf sena millenjali meta Satana huwa marbut20 jistgħu jagħtuna ż-żmien meħtieġ u modi sorprendenti kif inħobbu, nifhmu, u nsibu tarf tal-affarjiet, hekk kif nippreparaw għall-eternità.
Insibu s-soċjalità tas-smewwiet f’xulxin.21 Il-ħidma u l-glorja ta’ Alla jġibu fis-seħħ li nkunu kuntenti u għal dejjem.22 Il-ħajja eterna u l-eżaltazzjoni huma li nkunu nafu lil Alla u lil Ġesù Kristu b’dan il-mod, permezz tal-qawwa divina, fejn huma Huma aħna se nkunu wkoll.23
Għeżież ħuti, Alla Missierna tas-Smewwiet u l-Iben il-Maħbub tiegħu jgħixu. Huma joffru l-paċi, l-hena, u l-fejqan lil kull razza u lil kull ilsien, lil kull wieħed u waħda minna. Il-profeta tal-Mulej qiegħed jurina t-triq. Ir-rivelazzjoni tal-aħħar żmien tkompli. Jalla nersqu eqreb lejn is-Salvatur tagħna fid-dar qaddisa tal-Mulej, u jalla li Hu jressaqna eqreb lejn Alla u lejn xulxin, hekk kif ninsġu qalbna flimkien b’kompassjoni, verità, u ħniena bħal ta’ Kristu fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħna—fiż-żmien u fl-eternità, ferħanin u għal dejjem. F’Ġesù Kristu, dan huwa possibbli; f’Ġesù Kristu, dan hu veru. Jiena nixhed dan fl-isem imqaddes tiegħu, l-istess Ġesù Kristu, ammen.