Konferenza Ġenerali
Legat ta’ Inkuraġġiment
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Legat ta’ Inkuraġġiment

Inħeġġiġkom biex tkomplu tagħmlu l-almu tagħkom biex tikkwalifikaw ħalli terġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab miġbur magħkom f’din il-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Aħna ħassejna l-fidi tagħkom u l-imħabba tagħkom, tinsabu fejn tinsabu. Aħna ġejna edifikati permezz tat-tagħlim ispirat, it-testimonjanzi qawwija, u l-mużika meraviljuża.

Inħeġġiġkom biex tkomplu tagħmlu l-almu tagħkom biex tikkwalifikaw ħalli terġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Tinsabu fejn tinsabu fit-triq tal-patt, intom se tħabbtu wiċċkom ma’ taqbida kontra l-isfidi fiżiċi tal-mortalità u l-oppożizzjoni ta’ Satana.

Bħalma ommi qaltli meta jiena ilmentajt dwar kemm kienet diffiċli xi ħaġa partikolari, “O, Hal, bla dubju li hija diffiċli. Hekk suppost tkun. Il-ħajja hija test.”

Hija setgħet tgħid dan bil-kalma, anke bi tbissima, għaliex hija kienet taf żewġ affarijiet. Hi x’inhi t-taqbida, dak li huwa l-aktar importanti huwa li tasal id-dar biex tkun ma’ Missierha fis-Smewwiet. U hija kienet taf li setgħet tagħmel dan permezz tal-fidi fis-Salvatur tagħha.

Hija ħasset li Huwa kien viċin tagħha. Fil-ġranet meta hija kienet taf li kienet waslet biex tmut, hija tkellmet miegħi dwar is-Salvatur, mimduda kif kienet fil-kamra tas-sodda tagħha. Kien hemm bieb għal kamra oħra ħdejn is-sodda tagħha. Hija tbissmet u ħarset lejn il-bieb meta tkellmet bil-kalma li dalwaqt kienet se tarah. Għadni niftakar inħares lejn il-bieb u nimmaġina l-kamra li kien hemm warajh.

Hija issa tinsab fid-dinja tal-ispirti. Hija kienet kapaċi żżomm għajnejha fuq il-premju li hija riedet minkejja s-snin ta’ prova fiżika u personali.

Il-legat ta’ inkuraġġiment li ħallitilna huwa deskritt l-aħjar f’ Moroni 7, fejn Mormon iħeġġeġ lil ibnu Moroni u l-poplu tiegħu. Huwa legat ta’ inkuraġġiment għal posterità kif kien ta’ ommi għall-familja tagħha. Mormon għadda dak il-legat ta’ inkuraġġiment lil dawk kollha li għandhom determinazzjoni li jikkwalifikaw, permezz tat-testijiet morali tagħhom kollha, għall-ħajja eterna.

Mormon jibda fl-ewwel versi ta’ Moroni 7 b’testimonjanza dwar Ġesù Kristu, dwar l-anġli u l-Ispirtu ta’ Kristu, li jagħtina ċ-ċans li nkunu nafu t-tajjeb mill-ħażin u hekk inkunu kapaċi nagħżlu t-tajjeb.

Huwa jpoġġi l-ewwel lil Ġesù Kristu, kif jagħmlu dawk kollha li jirnexxielhom jinkuraġġixxu lil dawk li qed jitqabdu fit-triq lejn id-dar tagħhom fis-smewwiet:

“Għax ħadd ma jista’ jsalva, skont il-kliem ta’ Kristu, ħlief jekk huma jkollhom il-fidi f’ismu; għalhekk, jekk dawn il-ħwejjeġ ikunu waqfu, il-fidi waqfet ukoll; u l-istat tal-bniedem hu wieħed tal-biża’, għax huma bħallikieku l-ebda fidwa ma ġiet fis-seħħ.

“Iżda araw, għeżież ħuti, jiena niġġudika ħwejjeġ aħjar dwarkom, għaliex jiena nagħmel ħaqq minnkom li intom għandkom il-fidi fi Kristu minħabba l-qalb ħelwa tagħkom; għax jekk intom m’għandkomx fidi fih, intom m’intomx tajbin biex tkunu magħduda fost il-poplu tal-knisja tiegħu.”1

Mormon ra l-qalb ħelwa bħala evidenza tal-qawwa tal-fidi tagħhom. Huwa ra li huma ħassewhom dipendenti fuq is-Salvatur. Huwa ħeġġiġhom billi nnota dik il-fidi. Mormon kompla jagħtihom l-inkuraġġiment billi għenhom jaraw li l-fidi u l-qalb ħelwa tagħhom kellhom jibnu l-assigurazzjoni tagħhom u l-kunfidenza tagħhom ta’ suċċess fit-taqbida tagħhom:

“U għal darb’oħra, għeżież ħuti, ħalli nkellimkom dwar it-tama. Kif tistgħu tiksbu l-fidi, jekk ma jkollkomx it-tama?

“U għalxiex għandkom tittamaw? Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it-tama permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, biex ilkoll tiksbu l-qawmien għall-ħajja eterna, u dan minħabba l-fidi tagħkom fih skont il-wegħda.

“Għalhekk, jekk bniedem għandu l-fidi jeħtieġ li jkollu t-tama; għaliex mingħajr fidi ma jista’ jkun hemm l-ebda tama.

“U wkoll, araw jiena ngħidilkom li hu ma jistax ikollu l-fidi u t-tama, jekk l-ewwel huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.”2

Mormon imbagħad iħeġġiġhom billi jixhed li huma jinsabu fit-triq biex jirċievu d-don ta’ qlubhom qed timtela bl-imħabba safja ta’ Kristu. Għalihom, huwa jinseġ flimkien l-interazzjonijiet tal-fidi f’Ġesù Kristu, il-qalb ħelwa, l-umiltà, l-Ispirtu s-Santu, u t-tama soda li jiksbu l-ħajja eterna. Huwa jħeġġiġhom b’dan il-mod:

“Għaliex ħadd ma jiġi aċċettat quddiem Alla, ħlief dawk ta’ qalb ħelwa u umli; u jekk il-bniedem ikun ta’ qalb ħelwa u umli, u jistqarr bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu l-Kristu, huwa għandu jkollu fih il-karità; għax jekk m’għandux il-karità huwa mhu xejn; għalhekk jeħtieġ li l-ewwel ikollu fih il-karità.”3

Meta nħares lura, issa qed nara kif dak id-don tal-karità—l-imħabba pura ta’ Kristu—qawwiet, iggwidat, sostniet u biddlet lil ommi waqt it-taqbida fi triqitha lejn darha.

“Il-karità taf tistabar u tħenn, u mhijiex għajjura, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha d-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

“Għalhekk, għeżież ħuti, jekk ma tippossedux il-karità, intom m’intom xejn, għaliex il-karità ma tintemm qatt. Għalhekk, uru dejjem il-karità, li hija l-akbar ħaġa, għaliex kollox għad jgħaddi—

“Iżda l-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u kull min fl-aħħar jum jinsab li jippossediha, ikun tajjeb għalih.

“Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex intom issiru wlied Alla; ħalli meta huwa jidher aħna nkunu bħalu, għaliex se narawh kif verament hu; sabiex ikollna din it-tama; ħalli nippurifikaw ruħna sewwasew kif inhu ppurifikat hu.”4

Jiena grat għall-inkuraġġiment tal-eżempju u t-tagħlim ta’ Mormon. Jiena ġejt imbierek ukoll permezz tal-legat ta’ ommi. Il-profeti minn Adam sa llum, permezz tat-tagħlim u l-eżempju, qawwuni.

B’rispett kbir għal dawk li jiena naf personalment u l-familji tagħhom, jiena għażilt li ma nfittixx li nwiddeb id-dettalji tat-taqbid tagħhom jew li nitkellem pubblikament dwar id-doni kbar tagħhom. Madankollu dak li rajt ħeġġiġni u biddilni għall-aħjar.

B’riskju li ninvadi l-privatezza tagħha, jiena se nżid rapport qasir dwar l-inkuraġġiment ta’ marti. Dan qed nagħmlu bir-reqqa. Hija persuna privata li la tfittex u lanqas tapprezza t-tifħir.

Issa ilna miżżewġin 60 sena. Huwa minħabba dik l-esperjenza li issa nifhem it-tifsira ta’ dan il-kliem mill-iskrittura: il-fidi, it-tama, il-qalb ħelwa, is-sodizza, li ma tfittixx l-interessi personali tiegħek, li tithenna fil-verità, li ma taħsibx dwar il-ħażen, u fuq kollox, il-karità.5 Abbażi ta’ dik l-esperjenza, jien nista’ naqsam it-testimonjanza li apparentament il-bnedmin jistgħu jieħdu dawk l-ideali meraviljużi kollha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum hekk kif huma jixirfu fuq il-mewġ tal-ħajja.

Intom il-miljuni li qed tisimgħu tafu nies bħal dawn. Ħafna minnkom intom nies bħal dawn. Ilkoll kemm aħna neħtieġu ċerti eżempji inkuraġġanti u ħbieb kollha mħabba.

Meta intom tqattgħu l-ħin ma’ xi ħadd bħala l-oħt li timministralhom jew bħala l-brother li jimministralhom; intom tirrappreżentaw lill-Mulej. Aħsbu ftit dwar x’kien jagħmel, jew jgħid Hu. Huwa kien jistedinhom biex jiġu lejh. Huwa kien iħeġġiġhom. Huwa kien jinnota u jfaħħar il-bidu tat-tibdil li jeħtieġ li huma jagħmlu. U Huwa jkun l-eżempju perfett għalihom biex jimitaw.

Ħadd ma jista’ jagħmel dan għal kollox, iżda billi tisimgħu din il-konferenza, intom tistgħu tkunu tafu li intom tinsabu fit-triq it-tajba. Is-Salvatur jaf it-taqbid tagħkom fid-dettall. Huwa jaf il-potenzjal kbir tagħkom li tikbru fil-fidi, fit-tama u fil-karità.

Il-kmandamenti u l-patti li huwa joffrilkom mhumiex testijiet biex jikkontrollakom. Huma rigal li jgħinkom tirċievu d-doni kollha ta’ Alla u biex terġgħu lura d-dar għand Missierkom fis-Smewwiet u l-Mulej, li jħobbukom.

Ġesù Kristu ħallas il-prezz għal dnubietna. Aħna nistgħu nitolbu għalina l-barka tal-ħajja eterna jekk aħna jkollna fidi fih biżżejjed li nindmu u nsiru bħat-tfal ċkejknin, safja u lesti biex nirċievu l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.

Nitlob li intom taċċettaw l-istedina tiegħu u li intom toffruha lil ħaddieħor fost ulied Missierna fis-Smewwiet.

Nitlob għall-missjunarji tagħna madwar id-dinja. Jalla huma jiġu ispirati biex iħeġġu lil kull persuna taċċetta u temmen li l-istedina hi ġejja mingħand Ġesù Kristu permezz tal-qaddejja tiegħu li ħadu ismu fuqhom.

Jiena nixhed li Huwa jgħix u jinsab jidderieġi l-Knisja tiegħu. Jiena x-xhud Tiegħu. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla għad-dinja kollha. Jien naf li dan hu minnu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.