Nersqu Eqreb lejn is-Salvatur
Hekk kif infittxu biex nagħrfu u nħobbu lis-Salvatur, aħna nisseparaw lilna nfusna mid-dinja permezz tal-patti ma’ Alla, inkunu distinti, mhux komuni, u speċjali, bla ma neżolaw irwieħna minn oħrajn li jemmnu b’mod differenti.
Għeżież ħuti, din il-lejla jien qed inkellem lid-dixxipli umli u devoti ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif nara t-tjubija ta’ ħajjitkom u l-fidi tagħkom fis-Salvatur tagħna hawnhekk f’dan il-pajjiż u fin-nazzjonijiet madwar id-dinja, jien inħobbkom iżjed u iżjed.
Lejn l-aħħar tal-ministeru tiegħu, id-dixxipli ta’ Ġesù staqsewh biex jgħidilhom dwar “is-sinjal tal-[Tieni] Miġja [tiegħu] u ta’ tmiem id-dinja.”1
Ġesù qalilhom dwar il-kundizzjonijiet li se jiġru qabel ir-ritorn tiegħu u temm billi ddikjara li “Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li [ż-żmien] fil-qrib.”2
Fl-aħħar konferenza ġenerali, smajt bir-reqqa kollha l-kliem tal-President Henry B. Eyring: “Ilkoll kemm aħna,” qal, “ninsabu fejn ninsabu, nafu li qed ngħixu fi żminijiet dejjem iktar perikolużi. … Kull min għandu għajnejn biex jara s-sinjali taż-żminijiet u widnejn biex jisma’ kliem il-profeti jaf li dan hu minnu.”3
Ġesù faħħar lid-dixxipli qalbiena tiegħu: “Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.”4 Jalla din il-barka tkun tagħna hekk kif nisimgħu bir-reqqa kollha l-kliem tal-Mulej permezz tal-profeti tiegħu u oħrajn f’din il-konferenza.
Qamħ u Sikrana
Il-Mulej spjega li f’dan l-aħħar żmien qabel ir-ritorn tiegħu, il-“qamħ,” li huwa ddeskriva bħala “l-ulied tas-saltna,”5 se jikber spalla ma’ spalla mas-“sikrana”, jew dawk li ma jħobbux lil Alla u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħu. Huma ħa “jikbru t-tnejn flimkien”6 maġenb xulxin.
Din se tkun id-dinja tagħna sakemm is-Salvatur jirritorna, b’ħafna li huwa tajjeb u ħafna li huwa ħażin fuq kull naħa.7
Xi drabi aktarx li ma tħossukomx bħal fergħa tal-qamħ, matura u b’saħħitha. Stabru bikom infuskom! Il-Mulej qal li l-qamħ se jkollu wkoll xfafar torja li qed jixirfu.8 Aħna l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tiegħu, u għalkemm għadna m’aħniex dak kollu li rridu nkunu, aħna serji fix-xewqa tagħna li nkunu l-veri dixxipli tiegħu.
Inqawwu l-Fidi Tagħna f’Ġesù Kristu
Aħna nirrealizzaw li hekk kif il-ħażen joktor fid-dinja, is-sopravivenza spiritwali tagħna, u s-sopravivenza spiritwali ta’ dawk li nħobbu, se teħtieġ li aħna, b’mod iktar sħiħ, nikkultivaw, niffortfikaw, u nqawwu l-għeruq tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. L-Appostlu Pawlu wissiena biex inrabbu l-għeruq,9nissodaw, u nżommu sħaħ10 fl-imħabba tagħna għas-Salvatur u d-determinazzjoni tagħna li nimxu warajh. Il-ġurnata tal-lum u l-ġranet li jinsabu quddiemna jenħtieġu sforz iktar iffukat u kkonċentrat, li jgħasses kontra l-aljenazzjoni u d-devjazzjoni.11
Bl-influwenzi tad-dinja dejjem joktru, m’għandniex għalfejn nibżgħu. Il-Mulej qatt mhu se jabbanduna l-poplu tal-patt tiegħu. Hemm qawwa kumpensatorja ta’ doni spiritwali u direzzjoni divina għall-ġusti.12 Din il-barka miżjuda ta’ qawwa spiritwali, madanakollu, ma tinżilx fuqna għas-sempliċi raġuni biss li aħna parti minn din il-ġenerazzjoni. Hija tasal hekk kif aħna nqawwu l-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu, hekk kif nsiru nafuh u nħobbuh. “Din hi l-ħajja ta’ dejjem,” talab Ġesù, “li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”13
Kif nafu tajjeb ħafna, li jkollok il-fidi f’Ġesù Kristu u li tkun dixxiplu veru hija iktar minn deċiżjoni ta’ darba—iktar minn avveniment ta’ darba. Huwa proċess sagru li jikber u jespandi matul l-istaġuni ta’ ħajjitna, li jibqa’ sejjer sakemm immilu quddiem riġlejh.
Bil-qamħ jikber fost is-sikrana, kif nistgħu napprofondixxu u nsaħħu l-impenn tagħna lejn is-Salvatur fil-jiem liż-żmien li ġej?
Ħa nagħmel tliet ħsibijiet:
Nintefgħu b’Ruħna u Ġisimna fil-Ħajja ta’ Ġesù
L-ewwel nett, nistgħu nidħlu iktar fil-fond fil-ħajja ta’ Ġesù, it-tagħlim tiegħu, il-majestà tiegħu, il-qawwa tiegħu, u s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. Is-Salvatur qal, “Ħarsu lejja f’kull ħsieb.”14 L-Appostlu Ġwanni jfakkarma, “Aħna nħobbuh, għax hu ħabbna l-ewwel.”15 Hekk kif nesperjenzaw imħabbtu aħjar, aħna nħobbuh iktar u, b’mod naturali ħafna, nimxu b’mod aħjar fuq l-eżempju tiegħu li nħobbu lil, u nagħtu kas ta’, dawk ta’ madwarna. Ma’ kull moviment ġust biex nersqu lejh, aħna narawh b’mod iktar ċar.16 Aħna nqimuh, u nippruvaw biex bil-mod tagħna nimitawh.17
Nagħmlu l-Patti mal-Mulej
Imbagħad, hekk kif insiru nafu lis-Salvatur aħjar u nħobbuh iktar, aħna nixtiequ iktar u iktar li nwegħduh il-lealtà u l-fiduċja tagħna. Aħna nagħmlu patti miegħu. Nibdew bil-wegħdiet tagħna fil-magħmudija, u nikkonfermaw dawn il-wegħdiet u oħrajn hekk kif ta’ kuljum nindmu, nitolbu għall-maħfra, u bil-ħerqa nantiċipaw li nirċievu s-sagrament kull ġimgħa. Nagħtu l-kelma li “dejjem niftakru fih u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.”18
Meta nkunu lesti, aħna nħaddnu l-ordinanzi u l-patti tat-tempju. Hekk kif inħossu l-influwenza tal-eternità fil-mumenti sagri u siekta tagħna f’dar il-Mulej, aħna bi-ferħ nagħmlu patti ma’ Alla u nqawwu d-d-determinazzjoni tagħna li nżommuhom.
Li nagħmlu u nżommu l-patti jippermetti l-imħabba tas-Salvatur li tippenetra lil qalbna iktar fil-fond. Fil- Liahona, ta’ dan ix-xahar, il-President Nelson jgħid: “Il-patt[i] [tagħna] jressquna eqreb u eqreb lejh. … Alla mhux se jabbanduna r-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li jkunu sawru relazzjoni bħal din miegħu.”19 Kif qal il-President Nelson b’mod tant sabiħ dalgħodu, “Ma’ kull dedikazzjoni ta’ kull tempju, tasal aktar qawwa divina fil-dinja biex tqawwina u tikkontrobatti l-isforzi li dejjem jintensifikaw ruħhom tal-avversarju.”20
Nistgħu naraw għalfejn il-Mulej jidderieġi l-profeta tiegħu li jġib id-djar qaddisa eqreb lejna u jippermettilna nkunu f’daru iktar ta’ spiss?
Hekk kif nidħlu fit-tempju, għal ċertu ħin aħna ninħelsu mill-influwenza tad-dinja li joħonquna, aħna u nitgħallmu dwar l-għan tagħna fil-ħajja u d-doni eterni offruti lilna permezz tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
Nissalvagwardjaw id-Don tal-Ispirtu s-Santu.
Finalment, it-tielet ħsieb tiegħi: f’din it-tfittxija qaddisa, aħna ngħożżu, nipproteġu, niddefendu, u nissalvagwardjaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. Kemm il-President M. Russell Ballard faktar kmieni u l-Presbiteru Kevin W. Pearson ftit tal-ħin ilu tkellmu dwar it-twissija profetika tal-President Nelson li anki jien se nirrepeti: “Mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”21 Huwa don li m’għandux prezz. Nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nipproteġu l-esperjenza kotidjana tagħna, sabiex l-influwenza tal-ispirtu s-Santu tibqa’ magħna. Aħna dawl għad-dinja, u fejn hu meħtieġ, aħna minn rajna nagħżlu li nkunu differenti minn oħrajn. Il-President Dallin H. Oaks riċentament staqsa lill-adulti żgħażagħ: “[Intom] tażżardaw li tkunu differenti? … [Speċjalment] importanti … huma l-għażliet li intom qed tagħmlu fil-ħajja personali tagħkom. … Qegħdin timxu ’l quddiem kontra l-oppożizzjoni tad-dinja?”22
Agħżlu li Tkunu Differenti mid-Dinja
F’post riċenti fuq il-midja soċjali, jien tlabt lill-dixxipli sħabi biex jixxerjaw għażliet li kienu għamlu li ħtiġuhom ikunu differenti mid-dinja. Irċevejt mijiet ta’ tweġibiet.23 Sa nsemmi ftit minnhom:
Amanda: Jiena infermiera li naħdem fil-ħabs tal-lokal. Nipprova ndur bin-nies t’hemm ġew kif kieku kien jagħmel Kristu.
Rachel: Jiena kantanta tal-opri, u ta’ spiss jaħsbu li jien se nilbes kwalunkwe kostum li jagħtuni, irrispettivament ta’ pudur. [Għaliex jien iddotata,] jien għidt [lill-produtturi] li l-kostum irid ikun [modest]. Ma kenux kuntenti … iżda kontra qalbhom għamlu l-alterazzjonijiet. Mhux se npartat il-paċi li jkollok meta tieqaf bħala xhud ta’ Kristu f’kull ħin.
Chriss: Jien alkoħoliku (fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni), membru tal-Knisja, u denju tat-tempju. Ma nistħix ngħid dwar l-esperjenzi tiegħi fil-vizzju u kif ksibt testimonjanza tal-Espjazzjoni [ta’ Ġesù Kristu].
Lauren: Kont qed naħdem ma’ sħabi tal-klassi biex niktbu plej komika għall-kulleġġ. Huma riedu li l-karattru tiegħi ta’ wieħed riservat u kwiet ikollu mument fejn jisbel b’mod profan. Baqgħu jippressawni, iżda rrifjutajt u żammejt sod.
Adam: Ħafna nies ma jemmnunix meta ngħid li jien nħares il-liġi tal-kastità u nagħżel li nastjeni ruħi mill-pornografija. Ma jifhmux il-vantaġġ tal-ferħ u l-paċi mentali li dan jagħtini.
Ella: Missieri huwa membru tal-komunità LGBTQ. Jien dejjem nipprova nżomm is-sentimenti ta’ nies oħra in konsiderazzjoni meta nieqaf bħala xhud ta’ Kristu u nuri li jiena soda għal dak li nemmen.
Andrade: Jien iddeċidejt li nkompli mmur il-knisja meta tal-familja tiegħi ddeċidew li ma jmorrux iżjed.
Sherry: Konna qed nattendu avveniment fid-dar tal-gvernatur. Bdew iqassmu x-xampanja biex nixorbu f’“ġieħ” il-gvernatur. Jien insistejt li nixrob l-ilma, għalkemm l-istaff bdew jgħidu li tkun ħaġa offensiva. Xrobna għall-gvernatur, u erfajt fil-għoli t-tazza tiegħi bl-ilma! Il-gvernatur ma kienx offiż.
Il-President Nelson qal, “Iva, intom qed tgħixu fid-dinja, imma għandkom standards differenti mid-dinja li jgħinukom tevitaw it-tebgħa tad-dinja.”24
Anastasia, omm żagħżugħa mill-Ukraina, kienet l-isptar wara li għadha kemm welldet tifel waqt li beda l-bumbardament ta’ Kyiv fi Frar li għadda. Waħda infermiera fetħet il-bieb tal-kamra tal-isptar u qalet b’leħen ħerqan, “Aqbad it-tarbija tiegħek, geżwirha f’kutra, u ibqa’ sejra fis-sala—issa!”
Iktar tard, Anastasia kkummentat hekk:
“Qatt ma mmaġinajt li l-ewwel jiem tiegħi bħala omm kienu se jkunu daqshekk diffiċli, … iżda … qed niffoka fuq …il-barkiet u l-mirakli li rajt. …
“Bħalissa, … forsi jista’ jidher li se jkun impossibbli li xi darba naħfer lil dawk li ġabu tant qerda u ħsara … , iżda bħala dixxiplu ta’ Kristu, għandi l-fidi li ħa nkun nista’ [naħfer]. …
“Ma nafx dak kollu li se jiġri fil-futur, iżda naf li ż-żamma tal-patti tagħna se tippermetti lill-Ispirtu li jkun magħna kontinwament, … u dan jippermettilna nħossu l-hena u t-tama, anki matul żminijiet diffiċli.”25
Il-Wegħda ta’ Ħajja Eterna u Glorja Ċelestjali
Ħuti, jien ġet imbierek li nirċievi b’ammont abbundanti l-imħabba tal-maħbub Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena naf li Hu jgħix u li jiggwida l-ħidma qaddisa tiegħu. M’għandix il-kliem xieraq biex nesprimi l-imħabba tiegħi lejh.
Aħna lkoll “ulied il-patt” mferrxin madwar id-dinja f’nazzjonijiet u kulturi f’kull kontinent, u ngħoddu l-miljuni, filwaqt li nistennew ir-ritorn glorjuż tal-Mulej u s-Salvatur tagħna. Niddu bħal dawl għal dawk kollha ta’ madwarna, aħna b’mod konxju nfasslu x-xewqat, il-ħsibijiet, u l-għemejjel tagħna. Hekk kif infittxu b’qalbna kollha biex nagħrfu u nħobbu lis-Salvatur, aħna nisseparaw lilna nfusna mid-dinja permezz tal-patti ma’ Alla, billi nkunu distinti, mhux komuni, u speċjali hekk kif nonoraw lilu u lit-tagħlim tiegħu, bla ma neżolaw irwieħna minn oħrajn fid-dinja li jemmnu b’mod differenti.
Huwa vjaġġ mill-isbaħ li nkunu qamħ fost is-sikrana, kultant mimli uġigħ iżda dejjem imfarraġ permezz tal-maturità u kostanza assiguranti tal-fidi tagħna. Hekk kif tippermettu l-imħabba tagħkom għas-Salvatur u l-imħabba tiegħu għalikom tinfed fil-fond ta’ qalbkom, jien inwegħidkom aktar kunfidenza, paċi, u hena meta tiltaqgħu mal-isfidi f’ħajjitkom. U s-Salvatur iwegħidna: “Jien [se] niġbor flimkien il-poplu tiegħi, skont il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, ħalli l-qamħ ikun sigur fil-fosos biex ikollu ħajja eterna, u jkun ikkurunat bi glorja ċelestjali.”26 F’isem Ġesù Kristu, ammen.