Konferenza Ġenerali
Aħna Nistgħu Nagħmlu Ħwejjeġ Diffiċli permezz Tiegħu
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Aħna Nistgħu Nagħmlu Ħwejjeġ Diffiċli permezz Tiegħu

Aħna nikbru fid-dixxipulat tagħna meta aħna neżerċitaw il-fidi fil-Mulej fi żminijiet diffiċli.

Waqt il-ministeru tas-Salvatur fid-dinja, Huwa lemaħ raġel li kien agħma. Id-dixxipli ta’ Ġesù staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”

It-tweġiba ċara, ta’ mħabba, u sinċiera tas-Salvatur tassigurana li Huwa konxju mit-taqbid tagħna: “Dan ir-raġel ma dinibx u lanqas il-ġenituri tiegħu, iżda li l-għemejjel ta’ Alla għandhom jiġu mfakkra fih.”1

Filwaqt li ċerti sfidi jafu jiġu minħabba diżubbidjenza tagħna li nkunu konxji minna, aħna nafu li ħafna mill-isfidi tal-ħajja jiġu minħabba raġunijiet oħra. Hu x’inhu s-sors tal-isfidi tagħna, huma jistgħu jkunu opportunità tad-deheb biex nikbru.

Il-familja tagħna ma ħelsithiex mill-avversità tal-ħajja. Jien u nikber, kont nammira familji kbar. Familji bħal dawn kont narahom attraenti għalija, speċjalment meta sibt il-Knisja fiż-żgħożija tiegħi permezz taz-ziju matern tiegħi, Sarfo, u martu ġewwa Takoradi, il-Gana.

Meta jiena u Hannah iżżewwiġna, aħna xtaqna li jitwettqu l-barkiet patrijarkali tagħna, li kienu jindikaw li aħna se nkunu mberkin b’ħafna wlied. Madankollu, qabel it-twelid tat-tielet tifel tagħna, sar medikament ċar li Hannah ma kienx se jkun jista’ jkollha tarbija oħra. Bi gratitudni, għalkemm Kenneth twieled f’sitwazzjoni ta’ periklu għall-ħajja kemm tiegħu, kif ukoll ta’ ommu, huwa wasal bla periklu, u ommu irkuprat. Huwa kien kapaċi jibda jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja tagħna—inkluż l-attendenza tal-Knisja, it-talb tal-familja ta’ kuljum, l-istudju tal-iskrittura, il-lejla d-dar, u l-attivitajiet rikreattivi xierqa.

Minkejja li kellna naġġustaw l-aspettattivi tagħna ta’ familja kbira, kienet xi ħaġa ta’ ferħ kbir li nipprattikaw it-tagħlim minn “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” mat-tliet ulied għeżież tagħna. Li nimxi wara dak it-tagħlim ta’ tifsira ferm akbar lill-fidi dejjem tikber tiegħi.

Bħalma tiddikkjara l-proklamazzjoni: “Iż-żwieġ bejn raġel u mara huwa essenzjali għall-pjan etern tiegħu. It-tfal huma intitolati li jitwieldu fir-rabta taż-żwieġ, u li jitrabbew minn missier u omm li jonoraw il-wegħdiet taż-żwieġ b’fedeltà sħiħa.”2 Hekk kif aħna poġġejna dawn il-prinċipji fil-prattika, aħna ġejna mberkin.

Madankollu, darba minnhom, fi tmiem il-ġimgħa waqt is-servizz tiegħi bħala president tal-wited, aħna esperjenzajna dik li aktarx hija l-agħar prova li ġenituri qatt jistgħu jiffaċċjaw. Il-familja tagħna reġgħet lura minn attività tal-Knisja u nġabret għall-ikel. Imbagħad it-tliet subien tagħna ħarġu biex jilagħbu fil-ġnien.

Marti ħasset fiha suġġeriment wara l-ieħor li xi ħaġa tista’ tkun ħażina. Hija talbitni niċċekkja t-tfal waqt li konna qed naħslu l-platti. Ħassejt li huma kienu siguri peress li stajna nisimgħu leħinhom ta’ eċċitament waqt il-logħob tagħhom.

Meta finalment it-tnejn li aħna morna niċċekkjaw lil uliedna, b’xokk kbir fuqna, aħna sibna lil Kenneth, li kien għad kellu 18-il xahar, mitluf minn sessih f’barmil ilma, fejn ħutu ma setgħux jarawh. Tlaqna sfrenati lejn l-isptar, iżda kull attentat biex jerġgħu jqajmuh kien kollu għal xejn.

Aħna ħassejna ruħna devastati li ma kienx se jkollna l-opportunità li nrabbu lit-tifel prezzjuż tagħna tul din il-ħajja mortali. Għalkemm aħna konna nafu li Kenneth kien se jkun parti mill-familja tagħna eternament, jiena sibt ruħi niddubita għalfejn Alla kien se jħalli li din it-traġedja sseħħ miegħi meta kont qed nagħmel dak kollu li stajt biex inkabbar is-sejħa tiegħi. Kont għadni kif ġejt lura d-dar mit-twettiq ta’ wieħed mid-dmirijiet tiegħi li nimministra lill-Qaddisin. Għaliex Alla ma setax iħares lejn is-servizz tiegħi u jsalva lil ibni u lill-familja tagħna minn din it-traġedja? Aktar ma kont naħseb dwarha, aktar bdejt ninfena bl-imrar.

Il-mara tiegħi qatt ma waħħlet fija talli ma kontx weġibt għas-suġġerimenti tagħha, iżda tgħallimt lezzjoni li biddilt ħajti u għamilt żewġ regoli, li qatt ma kellhom jinkisru:

Regola 1: Isimgħu u agħtu kas tas-suġġerimenti ta’ martkom.

Regola 2: Jekk għal xi raġuni m’intix ċert, irreferi għar-regola numru 1.

Għalkemm l-esperjenza kienet waħda li regħiditna, u għadna sal-lum imnikktin, it-tagħbija kbira tagħna eventwalment tħaffet.3 Jiena u marti tgħallimna lezzjonijiet speċifiċi mit-telfa tagħna. Aħna sirna nħossuna magħqudin u marbutin bil-patti tagħna tat-tempju; nafu li aħna nistgħu nqisu lil Kenneth bħala tagħna fid-dinja li jmiss għaliex huwa twieled fil-patt. Aħna ksibna wkoll esperjenza neċessarja biex nimministraw lil ħaddieħor u nempatizzaw mal-uġigħ tagħhom. Jiena nixhed li l-imrar tagħna minn dak iż-żmien ’l hawn naqas ħafna hekk kif aħna eżerċitajna l-fidi fil-Mulej. L-esperjenza tagħna tkompli tkun diffiċli, iżda aħna tgħallimna mal-Appostlu Pawlu li aħna “nistgħu nagħmlu dak kollu li nistgħu permezz ta’ Kristu li jsaħħaħna” jekk aħna niffokaw fuq.4

Il-President Russell M. Nelson għallem, “Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.” Huwa qal ukoll, “Il-ferħ ġej minnu u minħabba fih.”5

Aħna nistgħu nkunu ferħan u nimtlew bil-paċi fi żminijiet diffiċli għalina. L-imħabba li aħna nħossu minħabba s-Salvatur u l-Espjazzjoni tiegħu jsiru riżors mill-aktar setgħan għalina fil-mumenti diffiċli tagħna. “Dak kollu li mhux ġust f’din il-ħajja jista’ jiġi rranġat permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”6 Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja.”7 Huwa jista’ jgħinna nibqgħu sodi ikun x’ikun l-uġigħ, il-mard, u l-isfidi li niffaċċjaw fil-mortalità.

Aħna nsibu bosta stejjer skritturali ta’ mexxejja kbar u nobbli, bħal Ġeremija, Ġob, Joseph Smith, u Nefi, li ma ħelsuhiex mit-taqbid u l-isfidi tal-mortalità. Huma kienu nies mortali li tgħallmu jobdu lill-Mulej anke f’kundizzjonijiet ħarxa.8

Tul iż-żminijiet terribbli fil-Ħabs ta’ Liberty, Joseph Smith għajjat: “O Alla, fejn inti? U fejn hu l-għarix li qed tinħeba fih?”9 Il-Mulej għallem lil Joseph biex “jibqa’ sod”10 u wiegħdu li jekk huwa jagħmel dan, dan kollu jagħtih l-esperjenza u jkun għall-ġid tiegħu.11

Meta nirrifletti dwar l-esperjenzi tiegħi, jiena nirrealizza li tgħallimt xi wħud mill-aqwa lezzjonijiet tiegħi waqt l-aktar żminijiet diffiċli, żminijiet li ħarġuni barra minn fejn kont inħossni komdu. Id-diffikultajiet li ltqajt magħhom bħala żagħżugħ, waqt li kont qed nitgħallem dwar il-Knisja matul is-seminarju, bħala wieħed li kienu għadu kif ikkonverta, u bħala missjunarju full-time, u sfidi li jiena ffaċċjajt fl-edukazzjoni tiegħi, meta għamilt li nista’ ħalli nkabbar is-sejħiet tiegħi, u hekk kif rabbejt familja, ħejjewni għall-futur. Aktar ma nwieġeb b’ferħ għal ċirkustanzi diffiċli b’fidi fil-Mulej, aktar nikber fid-dixxipulat tiegħi.

Il-ħwejjeġ diffiċli f’ħajjitna, meta jiġu, m’għandhomx jissorprenduna ladarba dħalna fit-triq stretta u dejqa.12 Ġesù Kristu tgħallem “mit-tbatija xi tfisser l-ubbidjenza.”13 Hekk kif nimxu warajh, speċjalment fi żminijiet diffiċli, aħna nistgħu nikbru biex insiru nixbhuh aktar.

Wieħed mill-patti li nagħmlu mal-Mulej fit-tempju hu li ngħixu l-liġi tas-sagrifiċċju. Is-sagrifiċċju minn dejjem kien jagħmel parti mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Huwa tifkira tas-sagrifiċċju kbir tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu għal dawk kollha li għexu jew li se jgħixu fid-dinja.

Il-missjunarji tal-Presbiteru Morrison

Jiena naf li l-Mulej dejjem jikkumpensa x-xewqat ġusti tagħna. Tiftakru fil-ħafna wlied li jiena ġejt imwiegħed fil-barka patrijarkali tiegħi? Dik il-barka qed tiġi fis-seħħ. Jiena u marti servejna flimkien ma’ mijiet ta’ missjunarji, minn aktar minn 25 pajjiż, fil-Missjoni tal-Kosta tal-Kap, il-Gana. Huma għeżież għalina daqslikieku kienu letteralment uliedna.

Jiena nixhed li aħna nikbru fid-dixxipulat tagħna meta aħna neżerċitaw il-fidi fil-Mulej fi żminijiet diffiċli. Hekk kif nagħmlu dan, Huwa bil-ħniena kollha jsaħħaħna u jgħinna nġorru t-tagħbijiet tagħna. F’isem Ġesù Kristu, ammen.