Ħudu Ħsieb u Aqsmu t-Testimonjanza Tagħkom
Nistedinkom biex tfittxu opportunitajiet biex taqsmu t-testimonjanza tagħkom permezz tal-kelma u l-għemil.
Introduzzjoni
Mumenti li jiddefinixxuna nesperjenzawhom ħafna drabi bla mistenni, anke meta nkunu għadna żgħar. Ippermettuli naqsam magħkom storja dwar Kevin, student ta’ skola sekondarja, li ġie magħżul biex jivvjaġġa barra mill-istat għal avveniment għal mexxejja, kif irrakkonta huwa stess.
“Meta fil-kju li kont fih kien imissni jien, l-iskrivana tar-reġistrazzjoni li kellha dehra ta’ uffiċjal staqsietni x’jisimni. Ħarset lejn il-lista li kellha u qalet, ‘Mela inti l-ġuvni minn Utah.’
“‘Jiġifieri jien l-uniku wieħed?’ staqsejt jien.
“‘Iva, l-uniku wieħed.’ Hija għaddietli it-tegg tal-isem b’‘Utah’ stampata taħt ismi. Hekk kif waħħaltha miegħi, ħassejt li kont qed niġi ttimbrat.
“Jiena ddeffist kif stajt fil-lift tal-lukanda ma’ ħames studenti sekondarji oħra li kellhom teggs bħal tiegħi. ‘Ara, minn Utah. Allura inti Mormon?’ staqsa wieħed student.
“Ħassejtni ħutna barra mill-ilma ma’ dawn il-mexxejja studenti minn madwar il-pajjiż kollu. ‘Iva,’ ammettejt b’ċerta eżitazzjoni.
“‘Intom dawk li temmnu f’Joseph Smith, li qal li ra l-anġli. Ma naħsibx li inti veru temmen dan, hux?’
Ma kontx naf x’se naqbad ngħid. L-istudenti li kien hemm fil-lift spiċċaw kollha jiċċassaw lejja. Kont għadni nasal, u kulħadd diġà beda jaħseb li kont differenti. Bdejt niddefendi xi ftit ruħi iżda mbagħad għidt, ‘Jiena naf li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla.’
“‘Kif irnexxieli ngħid dan?’ Staqsejt lili nnifsi. Ma kontx naf li kont kapaċi hekk. Iżda l-kliem kien jinħass li kien minnu.
“‘Iva, qaluli li intom nies li tliftu moħħkom wara r-reliġjon,’ qalli hu.
“Wara li qal dan, kien hemm bħal pawsa skomda hekk kif infetaħ il-bieb tal-lift. Hekk kif ħadna l-bagalji tagħna, hu beda jimxi fil-kuritur u jidħaq.
“Imbagħad, smajt leħen min wara jgħid, ‘Isma’, intom il-Mormoni veru li għandkom tip ta’ Bibbja oħra?’
“O, mamma mia. Ħa nerġgħu. Dort u rajt quddiemi student ieħor li kien fil-lift miegħi jismu Christopher.
“‘Jismu l-Ktieb ta’ Mormon,’ għidtlu jien, biex naqtagħlu fil-qasir. Jien qbadt il-basktijiet tiegħi u bdejt nimxi tul il-kuritur.
“‘Allura dak huwa l-ktieb li ttraduċa Joseph Smith?’ staqsieni hu.
“‘Iva, hekk hu,’ weġibtu jien. Komplejt nimxi, nittama li nevita li niġi imbarazzat.
“‘Mela, taf minn fejn nista’ nikseb wieħed?’
“F’moħħi feġġet skrittura li kont tgħallimt fis-seminarju. ‘Jien m’għandix minn xiex nistħi mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.’1 Hekk kif din feġġet f’moħħi, ħassejt bħal għajb li kont daqstant imbarazzat.
“Għall-kumplament tal-ġimgħa din l-iskrittura baqgħet f’moħħi. Bdejt inwieġeb kemm stajt mistoqsijiet dwar il-Knisja, u għamilt bosta ħbieb ġodda.
“Skoprejt li jien kont kburi bir-reliġjon tiegħi.
“Jiena tajt kopja lil Christopher. Aktar tard huwa kitibli fejn qalli li kien stieden lill-missjunarji fid-dar tiegħu.
“Tgħallimt biex ma nimbarazzax ruħi mtea niġi biex naqsam it-testimonjanza tiegħi.”2
Jiena nħossi niġi ispirat mill-kuraġġ ta’ Kevin f’li jaqsam it-testimonjanza tiegħu. Huwa kuraġġ li juruh kull jum bosta membri fidili tal-Knisja madwar id-dinja. Hekk kif se naqsam ħsibijieti, nistedinkom tirriflettu fuq dawn l-erba’ mistoqsijiet:
-
Jiena naf u nifhem x’inhi testimonjanza?
-
Naf kif għandi naqsam t-testimonjanza tiegħi?
-
X’inhuma l-ostakli meta niġi biex naqsam it-testimonjanza tiegħi?
-
Kif nista’ nżomm it-testimonjanza tiegħi soda?
Jiena Naf u Nifhem X’Inhi Testimonjanza?
It-testimonjanza tagħkom hija l-aktar ħaġa prezzjuża li għandkom, fejn spiss nassoċjawha ma’ sentimenti spiritwali mill-aktar profondi. Dawn is-sentimenti normalment nikkomunikawhom b’mod sieket u nirreferu għalihom bħala “leħen ħelu u sieket.”3 Huwa t-twemmin jew l-għarfien tal-verità mogħti lilna bħala xhieda permezz tal-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Li tiksbu dix-xhieda jwassal għal bidla f’dak li tgħidu u kif taġixxu. Elementi ewlenin tat-testimonjanza tagħkom, ikkonfermati permezz tal-Ispirtu s-Santu, jinkludu:
-
Alla huwa Missierkom fis-Smewwiet; intom uliedu. Huwa jħobbkom.
-
Ġesù Kristu jgħix. Huwa Iben Alla l-ħaj u s-Salvatur u l-Feddej tagħkom.
-
Joseph Smith huwa profeta ta’ Alla msejjaħ biex jirrestawra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
-
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija l-Knisja rrestawrata ta’ Alla fid-dinja.
-
Illum il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu hija mmexxija minn profeta ħaj.
Jiena Naf Kif Għandi Naqsam it-Testimonjanza Tiegħi?
Inti taqsam it-testimonjanza tiegħek meta taqsam ma’ oħrajn sentimenti spiritwali. Bħala membru tal-Knisja, inti għandek opportunitajiet biex taqsam it-testimonjanza tiegħek bil-fomm waqt laqgħat tal-Knisja formali jew anqas formali, waqt konverżazzjonijiet wiċċ imb wiċċ mal-membri tal-familja, ħbieb u oħrajn.
Mod ieħor kif tista’ taqsam it-testimonjanza tiegħek hu permezz ta’ mġiba ġusta. It-testimonjanza tiegħek ta’ Ġesù Kristu mhijiex biss dak li tgħid—hija dak li verament int.
Kull darba li taqsam ix-xhieda b’fommok jew turi permezz ta’ għemilek l-impenn tiegħek li timxi wara Ġesù Kristu, inti tkun qed tistieden li oħrajn biex “jiġu għand Kristu.”4
Il-membri tal-Knisja jagħmluha ta’ xhieda ta’ Alla f’kull ħin, f’kull ħaġa, u f’kull post.5 L-opportunitajiet biex nagħmlu dan f’univers diġitali billi nużaw kontenut li jispira tagħna stess jew nixxerrjaw kontenut edifikanti li ħejja ħaddieħor huwa bla għadd. Aħna nixhdu meta nħobbu, nixxerjaw, u nistiednu, anke onlajn. It-twijts, il-messaġġi diretti, u l-posts tiegħek jiksbu għan aktar għoli u qaddis meta inti tuża wkoll il-midja soċjali biex turi kif fassalek ħajtek l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
X’inhuma l-Ostakli Meta Niġi Biex Naqsam it-Testimonjanza Tiegħi?
L-ostakli meta tiġi biex taqsam it-testimonjanza tiegħek jafu jinkludu l-inċertezza dwar dak li għandek tgħid. Matthew Cowley, Appostli tal-ewwel żminijiet, qasam din l-esperjenza hekk kif huwa telaq fuq missjoni ta’ ħames snin fi New Zealand:
“Qatt mhu se ninsa kemm talab missieri l-jum li jien tlaqt. Qatt ma smajt barka isbaħ f’ħajti. L-aħħar kliem li kien qalli fl-istazzjon tal-ferrovija kien, ‘Ibni, inti sejjer għal dik il-missjoni; inti sejjer tistudja; se tipprova tipprepara d-diskorsi tiegħek; u xi kultant meta tiġi mitlub, taħseb li inti verament preparat, iżda meta tqum bilwieqfa, ma tkunx taf x’se taqbad tgħid.’ Dik l-esperjenza esperjenzajtha aktar minn darba.
“Jiena għidt, ‘X’nagħmel meta ma nkunx naf x’se naqbad ngħid?’
“Huwa qalli, ‘Qum bilwieqfa u bil-qawwa kollha ta’ ruħek aqsam ix-xhieda tiegħek li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla l-ħaj, u jibdew ifeġġu bosta ħsibijiet f’moħħok u kliem fuq fommok … u jaslu sal-qalb ta’ dawk kollha li jisimgħuk.’ U għalhekk, peress li ħafna drabi ma kontx inkun naf x’se ngħid … fil-missjoni tiegħi … , kelli l-opportunità li naqsam it-testimonjanza dwar l-akbar ġrajja fl-istorja tad-dinja mill-kruċifissjon tal-Imgħallem ’l hawn. Ipprovawha kultant, ħuti. Jekk m’għandkom xejn aktar xi tgħidu, ixhdu li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla, u f’moħħkom tfeġġ l-istorja kollha tal-Knisja.”6
Bl-istess mod, il-President Dallin H. Oaks qal, “Ċerti testimonjanzi niksbuhom aħjar meta nkunu fuq riġlejna qed taqsmuhom milli fuq irkupptejna nitolbu għalihom.”7 L-Ispirtu jaqsam ix-xhieda tiegħu mal-kelliem kif ukoll mas-semmiegħ.
Ostaklu ieħor, kif enfasizzat l-istorja ta’ Kevin, huwa l-biża’. Kif kiteb Pawlu lil Timotju:
“Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, u ta’ mħabba. …
“Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.”8
Is-sentimenti ta’ biża’ ma jiġux mill-Mulej iżda ħafna drabi mill-avversarju. Li jkollok il-fidi, kif ġara fil-każ ta’ Kevin, jippermettilek li tegħleb dawn is-sentimenti u taqsam b’mod ħieles dak li hemm f’qalbek.
Kif Nista’ Nżomm it-Testimonjanza Tiegħi Soda?
Nemmen li testimonjanza hi xi ħaġa intrinsika ġo fina, madankollu, biex inżommuha ħajja u niżviluppawha sew, Alma għallem li jeħtieġ li nikkultivawha t-testimonjanza tagħna billi nieħdu ħsiebha.9 Hekk kif nagħmlu dan, “tinbet, u tikber, u tagħti l-frott.”10 Mingħajr ma nagħmlu dan “hija tidbiel.”11
Kull membru maħbub tal-Ewwel Presidenza pprovdielna direzzjoni kif nistgħu nżommu testimonjanza ħajja.
Il-President Henry B. Eyring għallimna b’imħabba li “jeħtieġ li tmantni ruħek permezz tal-kelma ta’ Alla, titlob bil-qalb, u tobdi l-kmandamenti tal-Mulej kontinwament biex it-testimonjanza tiegħek tikber u tagħti l-frott.”12
Il-President Dallin H. Oaks ifakkarna li biex inżommu t-testimonjanza tagħna ħajja, “jeħtieġ nieħdu sehem kull ġimgħa fis-sagrament (ara D&C 59:9) biex nikkwalifikaw għall-wegħda prezzjuża li jkollna ‘dejjem magħna l-Ispirtu tiegħu’ (D&C 20:77).”13
U m’ilux il-President Russell M. Nelson bi ħlewwa tana l-parir:
“It-testimonjanza tagħkom itimgħuha l-verità. …
“… Mantnu lilkom infuskom permezz tal-kliem tal-profeti tal-qedem u dawk ta’ żmienna. Itolbu lill-Mulej jgħallimkom kif tistgħu taqsmu x-xhieda tagħkom dwaru aħjar. Qattgħu aktar ħin fil-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja.
“… Araw li t-testimonjanza tagħkom tkun l-ogħla prijorità tagħkom.”14
Konklużjoni
Għeżież ħuti, inwegħidkom li hekk kif intom tifhmu aħjar x’inhi testimonjanza, u hekk kif taqsmuha ma’ oħrajn, intom jirnexxielkom tegħlbu l-ostakli tal-inċertezza u l-biża’, u b’hekk tkunu tistgħu trawmu u żżommu ħajja din l-aktar ħaġa prezzjuża, it-testimonjanza tagħkom.
Aħna mberkin li għandna numru bla għadd ta’ eżempji ta’ profeti tal-qedem u ta’ żmienna li b’qawwa qasmu t-testimonjanzi tagħhom.
Wara l-mewt ta’ Kristu, Pietru qam u xehed:
“Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu … li dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ bis-saħħa ta’ l-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajjmu mill-imwiet. …
“… F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.”15
Amuleki, wara d-diskors ta’ Alma dwar il-fidi, iddikjara b’qawwa: “Jiena stess nixhed magħkom li dawn il-ħwejjeġ huma vera. Araw, jien ngħidilkom, li jien naf li Kristu sejjer jerġa’ jiġi fost ulied il-bnedmin, … u li hu sejjer ipatti għad-dnubiet tad-dinja; għax il-Mulej Alla qal dan.”16
Joseph Smith u Sidney Rigdon, wara li xehdu dwar id-dehra glorjuża tas-Salvatur imqajjem mill-imwiet, xehdu:
“U issa, wara l-ħafna testimonjanzi li ngħataw dwaru, din hija t-testimonjanza, l-aħħar waħda, li aħna se nagħtu dwaru: Li huwa jgħix!
“Għax rajnieh, sewwasew fuq il-lemin ta’ Alla; u smajna leħen jagħti xhieda li hu l-Iben il-Waħdieni tal-Missier.”17
Ħuti. Nistedinkom biex tfittxu opportunitajiet biex taqsmu t-testimonjanza tagħkom permezz tal-kelma u l-għemil. Opportunità bħal din feġġet m’ilux, fi tmiem laqgħa li kelli ma’ sindku ta’ belt kapitali fl-Amerika t’Isfel, fil-bini tiegħu flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali tal-kabinet tiegħu. Hekk kif spiċċajna naqsmu s-sentimenti kordjali tagħna bejnietna, b’ċerta eżitazzjoni qsamt it-testimonjanza tiegħi. Skont is-suġġerimenti li ħassejt fija, jien offrejt xhieda li Ġesù Kristu huwa Bin Alla l-ħaj u s-Salvatur tad-dinja. F’dak il-mument kollox inbidel. L-Ispirtu li kien hemm fil-kamra kien innegabbli. Jidher li kulħadd ħassu xi ftit kommoss. “Il-Farrâġ … jagħti xhieda tal-Missier u tal-Iben.”18 Jiena verament grat li kelli l-kuraġġ li naqsam it-testimonjanza tiegħi.
Meta jfeġġ mument bħal dan, ħudu l-opportunità u ħaddnuh. Ħossu fikom l-imħabba tal-Farrâġ meta tagħmlu dan.
Jien noffri t-testimonjanza u x-xhieda tiegħi lilkom—Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, Ġesù Kristu jgħix, u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija l-Knisja ta’ Alla fuq l-art illum immexxija mill-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. F’isem Ġesù Kristu, amen.