Konferenza Ġenerali
It-Tweġiba Hi Ġesù
konferenza ġenerali Ottubru 2022


It-Tweġiba Hi Ġesù

Irrispettivament kemm jafu jkunu diffiċli jew konfużi l-isfidi tagħna, tistgħu żżommu f’moħħkom dejjem li t-tweġiba hi waħda sempliċi: hija dejjem Ġesù.

X’unur li qiegħed inkellimkom f’din is-sessjoni tal-konferenza. Illum se nindirizzakom bħala ħbieb. Fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, is-Salvatur għallem li aħna nkunu l-ħbieb tiegħu jekk nagħmlu dak li Huwa jitlobna.1

Hija l-imħabba individwali u kollettiva tagħna lejn is-Salvatur, u l-patti tagħna miegħu, li jorbtuna flimkien. Kif għallem il-President Henry B. Eyring: “Nixtieq ngħidilkom kemm il-Mulej iħobbkom u jafdakom. U, aktar minn hekk, nixtieq ngħidilkom kemm jiddependi fuqkom.”2

Meta ġejt imsejjaħ bħala Awtorità Ġenerali mill-President Russell M. Nelson, ħassejtni ninħakem minn bosta emozzjonijiet. Kont vera kommoss. Jien u marti, Julie, stennejna bil-ħerqa s-sessjoni tas-Sibt wara nofsinhar tal-konferenza ġenerali. Is-sosteniment tiegħi kien xi ħaġa li vera daħħlitni f’qoxorti. Jiena bdejt ngħodd bir-reqqa t-turġien li kienu jwassluni fejn kelli npoġġi ma mmurx nispiċċa neħodha għal wiċċi fl-ewwel essajnment tiegħi.

Fi tmiem dik is-sessjoni, seħħet xi ħaġa li ħalliet effett mill-aktar profond fuqi. Il-membri tal-kworum iffurmaw linja u ħadu b’idejn l-Awtoritjiet Ġenerali l-ġodda wieħed, wieħed. Kull wieħed minnhom esprima mħabbtu u s-sapport tiegħu. Permezz ta’ abrazo ħierġa mill-qalb qalulna, “Tinkwetawx—intom postkom magħna.”

Fir-relazzjoni tagħna mas-Salvatur, Huwa jħares lejn il-qalb u “ma jħares lejn wiċċ ħadd.”3 Ikkunsidraw kif Huwa għażel lill-Appostli tiegħu. Huwa ma qagħadx iħares lejn x’kariga kellhom jew kinux sinjuri. Huwa jistedinna sabiex nimxu warajh, u nemmen li Hu jassigurana li aħna postna miegħu.

Dan il-messaġġ japplika speċjalment għaż-żgħażagħ tal-Knisja. Jien nara fikom dak li jara fikom il-President Nelson. Huwa qal li “hemm xi ħaġa bla dubju speċjali dwar din il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ. Missierkom fis-Smewwiet bla dubju għandu kunfidenza kbira fikom biex bagħatkom fuq din l-art f’dan iż-żmien. Intom twelidtu biex tagħmlu ħwejjeġ kbar!”4

Jiena grat għal dak li tgħallimt mingħand iż-żgħażagħ. Jiena grat għal dak li jgħallmuni wliedi, għal dak li jgħallmuni l-missjunarji tagħna, u għal dak li jgħallmuni neputijieti.

Ftit taż-żmien ilu, kont qed naħdem fir-razzett tagħna flimkien man-neputi tiegħi Nash. Għandu sitt snin u hu ta’ qalb safja. Huwa n-neputi favorit tiegħi minn fost dawk li jisimhom Nash, u nemmen li jien iz-ziju favorit tiegħu li qed jitkellem illum waqt il-konferenza.

Hekk kif hu għenni nsib soluzzjoni għall-proġett tagħna, jien għidt, “Nash, x’idea dik. Kif sirt daqshekk bravu?” Hu ħares lejja b’ħarsa f’għajnejh li tgħid, “Ziju Ryan, kif ma tafx it-tweġiba għal din il-mistoqsija?”

Hu sempliċiment għolla spallejh, tbissem, u b’mod kunfidenti qalli, “Ġesù.”

Dakinhar Nash fakkarni dwar din it-tagħlima sempliċi madankollu profonda. It-tweġiba għall-aktar mistoqsijiet sempliċi u għall-aktar problemi kumplessi hija dejjem l-istess. It-tweġiba hi Ġesù Kristu. Fin insibu kull soluzzjoni.

Fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, is-Salvatur qal lid--dixxipli tiegħu li Hu kien se jħejji post għalihom. Tumas tħawwad u qal lis-Salvatur:

“Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?

“Wieġbu Ġesù, Jiena hu t-triq, il-verità, u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”5

Is-Salvatur għallem lid-dixxipli tiegħu li Hu “it-triq, il-verità, u l-ħajja.” Huwa t-tweġiba għall-mistoqsija dwar kif nistgħu mmorru għand Missierna fis-Smewwiet. Li niksbu testimonjanza tal-irwol divin tiegħu f’ħajjitna kien xi ħaġa li tgħallimt meta kont għadni żagħżugħ.

Meta kont qed inservi bħala missjunarju fl-Arġentina, il-President Howard W. Hunter stedinna biex nagħmlu xi ħaġa li ħalliet effett profond fuq ħajti. Huwa qal, “Jeħtieġ insiru nafu lil Kristu aktar milli nafuh; jeħtieġ niftakru fih aktar ta’ spiss milli niftakru fih; jeħtieġ inservuh b’aktar qlubija milli nservuh.”6

Dak iż-żmien, kont xtaqt inkun naf kif stajt inkun missjunarju aħjar. Din kienet it-tweġiba: li nsir naf lil Kristu, li niftakar fih, u li naqdih. Il-missjunarji madwar id-dinja huwa ħaġa waħda f’dan il-għan: li “jistiednu oħrajn sabiex jersqu lejn Kristu billi jgħinuhom jirċievu l-evanġelju rrestawrat permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-espjazzjoni tiegħu” u permezz tal-“indiema, il-magħmudija, li jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, u li jibqgħu sħaħ sal-aħħar.”7 Lill-ħbieb tagħna li qed jisimgħu l-kelma tal-missjunarji, inżid ukoll l-istedina tiegħi biex jersqu lejn Kristu. Flimkien nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insiru nafuh, niftakru fih, u nservuh

Iż-żmien meta servejt missjoni kien wieħed mill-aktar sagru f’ħajti. Fl-aħħar intervista tiegħi miegħu bħala missjunarju full-time, il-President Blair Pincock tkellem dwar il-bidla li kienet se sseħħ fil-mexxej tal-missjoni, hekk kif hu u martu kienu wkoll waslu biex itemmu s-servizz tagħhom. It-tnejn li aħna ħassejna diqa li konna se nħallu warajna xi ħaġa li konna tant inħobbu. Hu seta’ jara li jiena kont xi ftit inkwetat bil-ħsieb li ma kontx se nkun aktar missjunarju full-time. Hu kien raġel ta’ fidi kbira u b’imħabba għallimni kif kien ilu jagħmel għal sentejn sħaħ. Hu wrieni b’subgħajh stampa ta’ Ġesù Kristu li kellu fuq l-iskrivanija tiegħu u qal, “Presbiteru Olsen, kollox se jkun sew għax din hija l-ħidma tiegħu.” Ħassejt fija ċertezza li naf li s-Salvatur sejjer jgħinna, mhux biss meta nkunu qed inservu iżda dejjem—jekk inħalluh.

Sister Pincock għallmitna mill-qiegħ ta’ qalbha permezz ta’ frażijiet sempliċi fl-Ispanjol. Meta qalet, “Jesucristo vive,” kont naf li veru u li Hu jgħix. Meta qalet, “Elderes y hermanas, les amo,” kont naf li hi tħobbna u riedet li aħna nimxu dejjem wara s-Salvatur.

M’ilux jien u marti ġejna mberkin meta ntlabna nservu bħala mexxejja tal-missjoni ħalli naħdmu mal-missjunarji meraviljużi fl-Urugwaj. Jien ngħid li dawn kienu l-aqwa missjunarji fid-dinja, u ċert li kull mexxej ta’ missjoni jħossu l-istess. Dawn id-dixxipli għallmuna kull jum kif għandna nimxu wara s-Salvatur.

Waqt waħda mill-intervisti regolari tagħna daħlet fl-uffiċċju waħda mis-sister meraviljużi tagħna. Hija kienet missjunarju li rnexxiet, trejner eċċellenti, u mexxej ddedikat. Sħabha kienu jammirawha u kienet maħbuba min-nies. Hija kienet verament ubbidjenti, umli, u kunfidenti. Il-laqgħat ta’ qabel kienu jiffokaw fuq l-inħawi tagħha u n-nies li kienet qed tgħallem. Din id-darba kienet laqgħa differenti. Meta staqsejtha kif kienet sejra, stajt ninduna li kienet inkwetata. Hija qaltli, “President Olsen, ma nafx hux kapaċi nagħmel dan. Ma nafx jekk qattx nista’ nkun tajba biżżejjed. Ma nafx jekk nistax inkun il-missjunarju li jeħtieġni nkun il-Mulej.”

Hija kienet missjunarju mill-aktar meraviljuża. Kienet eċċellenti f’kull għadd. Kienet il-ħolma ta’ president tal-missjoni. Qatt ma nkwetajt dwar l-abbiltajiet tagħha bħala missjunarja.

Jiena u nismagħha, sibtha diffiċli nkun naf x’se naqbad ngħid. Jiena tlabt talba siekta: “Missier fis-Smewwiet, din hija missjunarju eċċezzjonali. Hija tiegħek. Hi qed tagħmel kollox sew. Ma rridx ngħid xi ħaġa li m’għandix ngħid. Jekk jogħġbok għinni nagħraf x’għandi ngħid.”

Ġie f’moħħi x’kelli ngħid. Jien għidt, “Hermana, jiddispjaċini li qed tħossok hekk. Ippermettili nistaqsik mistoqsija. Kieku kellek xi ħabiba li kienet qed tħossha hekk, x’kont tgħidilha?”

Hi ħarset lejja u tbissmet. B’dak l-ispirtu u konvinzjoni mill-aktar fermi ta’ missjunarju, hija qalet, “Faċli President. Kont ngħidilha li s-Salvatur jafha perfettament. Ngħidilha li Huwa jgħix. Huwa jħobbok. Inti tajba biżżejjed u kapaċi tagħmel dan!”

B’daħqa fuq wiċċha qaltli, “Nimmaġina li jekk dan japplika għall-ħbieb tagħna, japplika għalija wkoll.”

Meta jkollna xi mistoqsijiet jew dubji, naf nħossu li s-soluzzjonijiet huma kumplessi wisq jew li nsibu tweġiba hija ħaġa mill-aktar konfuża. Jalla niftakru li l-avversarju, sewwasew missier il-gideb kollu, huwa l-arkitett tal-konfużjoni.8

Is-Salvatur huwa l-Imgħallem tas-sempliċità.

Il-President Nelson qal:

“L-avversarju hu intelliġenti. Hu ilu sekli sħaħ jipprova juri t-tajjeb bħala ħażin u l-ħażin bħala tajjeb. Il-messaġġi tiegħu għandhom tendenza li jkunu storbjużi, sfaċċati, u faħħarin.

“Madankollu, il-messaġġi mingħand Missierna tas-Smewwiet huma mill-aktar differenti. Hu jikkomunika b’mod sempliċi, sieket, u b’ċarezza mill-aktar notevoli li żgur ma nistgħux nifhmuh ħażin.”9

Kemm aħna grati li Alla ħabbna tant li bagħat lil Ibnu. Huwa t-tweġiba.

M’ilux il-President Nelson qal:

“L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu qatt ma kien bżonnjuż aktar mil-lum. …

“… Dan jenfasizza l-bżonn urġenti li nimxu wara t-tagħlim tal-Mulej lid-dixxipli tiegħu meta qal: ‘Morru … fid-dinja kollha, u xandru l-evanġelju lil kull kreatura.”10

Lil dawk li jagħżlu li jservu, nixhed dwar il-barkiet li tirċievu hekk kif tagħtu widen għas-sejħa ta’ profeta. Li sservu ma tagħmlux dan għalikom iżda għas-Salvatur. Intom tissejħu biex tmorru f’xi post, iżda aktar importanti intom tissejħu biex tmorru għand poplu. Intom ikollkom ir-responsabbiltà u l-barka kbira li tgħinu ħbieb ġodda jifhmu li t-tweġiba hi Ġesù.

Din hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, u hawn hu postna. Kull ħaġa li l-President Nelson b’imħabba jħeġġiġna nagħmlu tressaqna aktar qrib is-Salvatur.

Liż-żgħażagħ meraviljużi tagħna—fosthom in-neputi tiegħi Nash—tul ħajjitkom, irrispettivament kemm jafu jkunu diffiċli jew konfużi l-isfidi tagħkom, tistgħu żżommu f’moħħkom dejjem li t-tweġiba hi waħda sempliċi: hija dejjem Ġesù.

Kif smajt jgħidu lil dawk li aħna nsostnu bħala profeti, veġġenti, u rivelaturi f’bosta okkażjonijiet, jiena ngħidilkom ukoll li aħna nħobbukom, nirringrazzjawkom, u għandna bżonnkom. Postkom huwa hawn.

Jiena nħobb lis-Salvatur. Jiena nixhed dwar l-isem tiegħu, l-istess Ġesù Kristu. Nixhed li Hu “dak li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna,”11 u li Hu l-Imgħallem tas-sempliċità. It-tweġiba hi Ġesù. F’isem Ġesù Kristu, ammen.