Konferenza Ġenerali
Kunu Leali lejn Alla u l-Ħidma Tiegħu
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Kunu Leali lejn Alla u l-Ħidma Tiegħu

Aħna lkoll jeħtieġ li nfittxu li niksbu t-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu, inrażżnu l-passjonijiet tagħna, nindmu minn dnubietna, u nkunu leali lejn Alla u l-ħidma tiegħu.

Ottubru li għadda, ġejt mitlub biex flimkien mal-President M. Russell Ballard u l-Presbiteru Jeffrey R. Holland immur inżur ir-Renju Unit, fejn it-tlieta li aħna servejna bħala missjunarji żgħażagħ. Aħna kellna l-privileġġ li ngħallmu u nixhdu, kif ukoll ngħixu mill-ġdid l-istorja bikrija tal-Knisja fil-Gżejjer Brittaniċi, fejn il-buż-bużnannu tiegħi Heber C. Kimball u sħabu kienu l-ewwel missjunarji.1

Il-President Russell M. Nelson, biex ikompli jżid l-entużjażmu tagħna dwar dan l-essajnment, innota li kienet ħaġa mhux tas-soltu li tlett Appostli jintbagħtu jżuru post fejn huma servew bħala missjunarji f’żgħożithom. Hu għaraf il-fatt li kollha kemm aħna nkunu nixtiequ nintbagħtu biex inżuru l-missjoni oriġinali tagħna. Bi tbissima kbira fuq ħaddejh, hu spjegalna l-preċedent li jekk kien hemm xi grupp ta’ tlett Appostli li servew fl-istess missjoni ’l fuq minn 60 sena ilu, dan ifisser li huma wkoll probabbilment irċevew l-istess essajnment.

Heber C. Kimball

Bi tħejjija għal dak l-essajnment, jiena erġajt qrajt il-ktieb Life of Heber C. Kimball, miktub min-neputi tiegħu Orson F. Whitney, li aktar tard ġie msejjaħ għall-appostolat. Dan il-volum ingħata lili mill-għażiża ommi meta kelli kważi seba’ snin. Konna qed inħejju ruħna biex nattendu d-dedikazzjoni tal-Monument Dan Hu l-Post fl-24 ta’ Lulju, 1947, mill-President George Albert Smith.2 Hi riditni nsir naf aktar dwar l-antenat tiegħi Heber C. Kimball.

Dan il-ktieb fih dikjarazzjoni profonda attribwita lill-President Kimball li għandha sinifikat għal żmienna. Qabel naqsam magħkom dik id-dikjarazzjoni, ippermettuli nitkellem ftit dwar l-isfond ta’ dan.

Waqt li l-Profeta Joseph Smith kien jinsab maqful fiċ-Ċella ta’ Liberty, l-Appostli Brigham Young u Heber C. Kimball kellhom ir-responsabbiltà, taħt ċirkustanzi mill-aktar diffiċli, li jissorveljaw l-evakwazzjoni tal-Qaddisin minn Missouri. L-evakwazzjoni kienet meħtieġa l-aktar minħabba l-ordni ta’ esterminazzjoni maħruġa mill-Gvernatur Lilburn W. Boggs.3

Kważi 30 sena wara Heber C. Kimball, li issa kien parti mill-Ewwel Presidenza, irrifletta dwar din l-istorja ma’ ġenerazzjoni ġdida, fejn għallem, “Ippermettuli ngħidilkom, li ħafna minnkom sejrin taraw żmien li fih se tesperjenzaw bosta inkwiet, provi u persekuzzjoni, u bosta opportunitajiet biex turu li intom leali lejn Alla u l-ħidma tiegħu.”4

Heber kompla: “Biex tiffaċċjaw id-diffikultajiet li ġejjin, se jkun neċessarju li intom stess ikollkom għarfien tal-verità ta’ din il-ħidma. Id-diffikultajiet se jkunu ta’ natura li jekk raġel jew mara m’għandhomx dan l-għarfien jew din ix-xhieda personali, huma jispiċċaw jaqgħu. Jekk m’għandkomx it-testimonjanza, għixu b’mod ġust u sejħu isem il-Mulej u teqfux sakemm intom tiksbuha. Jekk ma tagħmlux dan tispiċċaw taqgħu. … Se jasal żmien meta l-ebda raġel jew mara mhu se jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin permezz ta’ dawl misluf. Ilkoll se jkollna bżonn niġu ggwidati permezz tad-dawl ta’ ġo fina. … Jekk m’għandkomx dan id-dawl intom tispiċċaw taqgħu; għalhekk fittxu t-testimonjanza ta’ Ġesù u żommu sod magħha, ħalli meta jesperjenzaw żminijiet diffiċli intom ma togħtrux u taqgħu.”5

Aħna lkoll neħtieġu testimonjanza personali tal-ħidma ta’ Alla6 u l-irwol ewlieni ta’ Ġesù Kristu. Is- 76 sezzjoni tad-Duttrina u Patti tirreferi għat-tliet gradi ta’ glorja u tqabbel il-glorja ċelestjali max-xemx. Imbagħad tqabbel is-saltna terrestjali mal-qamar.7

Interessanti l-fatt li x-xemx tipprovdi d-dawl tagħha stess, iżda l-qamar huwa dawl li jirrifletti, jew “dawl misluf.” B’referenza għas-saltna terrestjali, vers 79 jiddikjara, “Dawn huma dawk li mhumiex qalbiena fit-testimonjanza ta’ Ġesù.” Aħna ma nistgħux niksbu s-saltna ċelestjali u ngħixu ma’ Alla l-Missier permezz ta’ dawl misluf; jeħtieġ ikollna t-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu.

Aħna ngħixu f’dinja mimlija ħażen8 u l-qlub jitbiegħdu minn Alla minħabba l-preċetti tal-bnedmin.9 Wieħed mill-aktar eżempji konvinċenti fl-iskrittura li jirrifletti l-preokkupazzjoni ta’ Heber C. Kimball dwar li nfittxu li jkollna testimonjanza tal-ħidma ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu nsibuha fil-parir li Alma ta lit-tliet uliedu—Ħelaman, Xiblon, u Kurjantun.10 Tnejn minn uliedu kienu leali lejn Alla u l-ħidma tiegħu. Iżda wieħed minnhom kien ħa ċerti deċiżjonijiet ħżiena. Għalija l-akbar sinifikat tal-parir ta’ Alma hu li huwa kien qed jagħti dan il-parir bħala missier għall-benefiċċju tal-istess uliedu.

L-ewwel preokkupazzjoni ta’ Alma, bħal ta’ Heber C. Kimball, kienet li lkoll kellhom testimonjanza ta’ Ġesù Kristu u kienu leali lejn Alla u l-ħidma tiegħu.

Fit-tagħlim mill-aktar sinifikanti li Alma għallem lil ibnu Ħelaman, huwa jagħmel wegħda profonda li dawk li “jafdaw f’Alla se jiġu megħjuna fl-isfidi tagħhom, fl-inkwiet tagħhom u fit-tbatija tagħhom, u se jiġi mgħollija ’l fuq fl-aħħar jum.”11

Filwaqt li Alma rċieva manifestazzjoni li fiha ra anġlu, din hija ħaġa rari. Suġġerimenti li jagħmlilna l-Ispirtu s-Santu huma aktar komuni. Dawn is-suġġerimenti jistgħu jkunu importanti daqs il-manifestazzjonijiet tal-anġli. Il-President Joseph Fielding Smith għallem: “Suġġerimenti lir-ruħ li jaslu mingħand l-Ispirtu s-Santu huma ferm aktar sinifikanti minn xi dehra. Meta Spirtu jkellem spirtu, il-marka li jħalli fuq ir-ruħ ferm aktar diffiċli tħassarha.”12

Dan iwassalna għall-parir li Alma ta lil ibnu l-fustani, Xiblon. Xiblon kien bniedem ġust, bħal ħuh Ħelaman. Il-parir li nixtieq nenfasizza jinsab f’ Alma 38:12, li parti minnu jgħid, “Ara li trażżan il-passjonijiet kollha tiegħek, ħalli tkun tista’ timtela bl-imħabba.”

Trażżan hija kelma interessanti. Fit-test oriġinali tintuża kelma li tfisser brida, li tintuża fuq żiemel biex tiggwidah. Sinonimi tajbin jistgħu jinkludu tidderieġi jew tikkontrolla. It-Testment il-Qadim jgħidilna li aħna għajjatna bil-ferħ meta sirna nafu li kien se jkollna ġisem fiżiku.13 Il-ġisem mhuwiex ħażin—huwa sabiħ u essenzjali—iżda ċerti passjonijiet, jekk ma nużawhomx kif xieraq u jekk ma nrażżnuhomx, jistgħu jisseparawna minn Alla u l-ħidma tiegħu u b’riżultat t’hekk iħallu effet fuq it-testimonjanza tagħna.

Ejja nitkellmu partikolarment dwar żewġ passjonijiet—l-ewwel, il-korla, u t-tieni, ix-xewqat tal-ġisem .14 Interessanti l-fatt li t-tnejn li huma jekk ma nrażżnuhomx jew ma nikkontrollawhomx jistgħu joħolqulna uġigħ il-qalb kbira, idgħajfu l-influwenza tal-Ispirtu, u jisseparawna minn Alla u mill-ħidma tiegħu. L-avversarju jieħu kull opportunità biex jimla ħajjitna b’immaġini ta’ vjolenza u immoralità.

F’ċerti familji, hija ħaġa li mhijiex daqstant rari li missier jew omm mimlijin korla jabbużaw fiżikament lill-konjuġi jew lit-tfal tagħhom. F’Lulju, ħadt sehem f’forum parlamentari f’Londra magħmul mill-partit kollha tar-Renju Unit.15 Il-vjolenza kontra n-nisa u ż-żgħażagħ kienet enfasizzata bħala problema dinjija sinifikanti. Minbarra l-vjolenza, oħrajn iwettqu wkoll abbuż verbali. Il-proklamazzjoni fuq il-familja tgħidilna li dawk “li jabbużaw lill-konjuġi jew lit-tfal tagħhom … xi darba għad iridu jagħtu rendikont quddiem Alla.”16

Il-President Nelson enfasizza dan b’qawwa lbieraħ filgħodu.17 Jekk jogħġobkom araw li, irrispettivament jekk il-ġenituri tagħkom abbużawkomx jew le, intom m’intom qatt se tabbużaw fiżikament jew verbalment jew emozzjonalment lill-konjuġi jew lit-tfal tagħkom.

Fi żmienna waħda mill-aktar sfidi sinifikanti hija t-tilwim u l-abbuż verbali relatati ma’ kwistjonijiet soċjali. F’bosta każijiet il-korla u l-lingwaġġ abbużiv ħadu post ir-raġuni, id-diskussjoni, u ċ-ċivilità. Ħafna abbandunaw it-twiddiba ta’ Pietru, l-Appostlu anzjan tas-Salvatur, li nifttxu kwalitajiet Kristjani bħat-temperament, il-paċenzja, il-qdusija, it-tjubija ta’ bejn l-aħwa, u l-karità.18 Huma abbandunaw ukoll il-kwalità Kristjana tal-umiltà.

Minbarra li nikkontrollaw il-korla u nrażżnu passjonijiet oħra, jeħtieġ li ngħixu ħajja morali safja billi nikkontrollaw ħsibijietna, il-lingwaġġ tagħna u l-għemejjel tagħna. Jeħtieġ nevitaw il-pornografija, nevalwaw l-adegwatezza ta’ dak li naraw fi djarna, u nevitaw kull forma ta’ mġiba midinba.

Dan iwassalna għall-parir li Alma ta lil ibnu Kurjantun. B’differenza għal ħutu, Ħelaman u Xiblon, Kurjantun waqa’ fi trasgressjoni morali.

Peress li Kurjantun wettaq ħwejjeġ immorali, kien neċessarju għal Alma li jgħallmu dwar l-indiema. Hu kellu jgħallmu dwar il-gravità tad-dnub u mbagħad kif kellu jindem.19

Għalhekk il-parir preventiv ta’ Alma kien li jrażżan il-passjonijiet tiegħu, iżda l-parir għal dawk li waqgħu fit-trasgressjoni kien li jindmu. Il-President Nelson ta lill-membri parir profond fuq l-indiema fil-konferenza ġenerali ta’ April 2019. Huwa għamilha ċara li l-indiema ta’ kuljum hija integrali għal ħajjitna. “L-indiema mhijiex xi avveniment; hija proċess. Hija l-element ewlieni għall-ferħ u s-serħan il-moħħ,” huwa għallem. “L-indiema ta’ kuljum tagħna hija l-mogħdija għas-safa, u s-safa twasslilna l-qawwa.”20 Kieku Kurjantun għamel dan li qalilna nagħmlu l-President Nelson, huwa kien jindem hekk kif beda jaħseb ħsibijiet impuri. Ma kienx iwettaq ċerta trasgressjonijiet kbar.

L-aħħar parir li Alma ta lil uliedu huwa wieħed mill-aktar duttrina importanti fl-iskrittura kollha. Tittratta dwar l-Espjazzjoni li wettaq Ġesù Kristu.

Alma xehed li Kristu kien se jneħħi d-dnub.21 Mingħajr l-Espjazzjoni tas-Salvatur, il-prinċipju etern tal-ġustizzja kien jeħieġ il-kastig.22 Minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur, il-ħniena tista’ sseħħ għal dawk li nidmu, u tagħtihom iċ-ċans li jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla. Ikun tajjeb jekk aħna nixtarru dwar din id-duttrina meraviljuża.

Ħadd ma jista’ jerġa’ lura ħdejn Alla permezz tal-għemejjel tajbin tiegħu biss; ilkoll neħtieġu il-benefiċċju tas-sagrifiċċju tas-Salvatur. Ilkoll waqajna fid-dnub, u hu biss permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu li nistgħu niksbu l-ħniena u ngħixu ma’ Alla.23

Alma ta wkoll parir meraviljuż lil Kurjantun li relevanti għalina lkoll li għaddejna jew se ngħaddu mill-proċess tal-indiema, irrispettivament jekk dnubietna humiex żgħar jew kbar bħal dawk li wettaq Kurjantun. Vers 29 ta’ Alma 42 jgħid, “U issa, ibni, nixtieq li ma tħallix aktar dawn il-ħwejjeġ jinkwetawk iżjed, u ħalli biss dnubietek jinkwetawk, b’inkwiet li jwasslek biex tindem.”

Kurjantun sema’ mill-parir ta’ Alma u t-tnejn li huma nidmu u servew b’mod onorabbli. Minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur, il-fejqan huwa disponibbli għal kulħadd.

Fi żmien Alma, fi żmien Heber, u ċertament fi żmienna, aħna lkoll neħtieġu li nfittxu li niksbu t-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu, inrażżnu l-passjonijiet tagħna, nindmu minn dnubietna, u nsibu l-paċi permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u nkunu leali lejn Alla u l-ħidma tiegħu.

F’diskors riċenti u għal darb’oħra dalgħodu, il-President Russell M. Nelson qal dan b’dan il-mod: “Nitlobkom biex tieħdu ħsieb it-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu. Aħdmu għaliha. Agħmluha tagħkom. Agħtu kasha. Ħudu ħsiebha ħalli tikber. Imbagħad araw il-mirakli jseħħu ħajjitkom.”24

Jiena grat li aħna issa se nisimgħu mill-President Nelson. Jiena nixhed li l-President Nelson huwa l-profeta ta’ Alla għal żmienna. Jiena nħobb u ngħożż l-ispirazzjoni u l-gwida meraviljuża li nirċievu permezz tiegħu.

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, jiena naqsam ix-xhieda ċerta tiegħi tad-divinità tas-Salvatur u r-realtà tal-Espjazzjoni tiegħu f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Ronald K. Esplin, “A Great Work Done in That Land,” Ensign, Lulju 1987, 20: “Fit-13 ta’ Ġunju, il-Presbiteru Kimball, Orson Hyde, Joseph Fielding, u l-ħabib ta’ Heber, Willard Richards ħallew Kirtland fi triqthom lejn l-Ingilterra. Fi New York, nhar it-22 ta’ Ġunju, ingħaqdu magħhom il-Kanadiżi Isaac Russell, John Goodson, u John Snyder. Is-seba’ missjunarji mbagħad qatgħu biljett lejn Liverpool fuq il- Garrick.” (Ara Heber C. Kimball papers, 1837–1866; Willard Richards journals and papers, 1821–1854, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.)

  2. Il-Monument Dan Hu l-Post li jinsab fin-naħa tal-lvant tal-Belt ta’ Salt Lake, Utah, fil-bokka tal-Kanjon Emigration, jikkommemora l-100 anniversarju mill-wasla tal-Qaddisin fil-Wied ta’ Salt Lake, nhar l-24 ta’ Lulju, 1847. Fil-monument hemm statwi ta’ Brigham Young, Heber C. Kimball, u Wilford Woodruff.

  3. Bejn 8,000 u 10,000 Qaddisin tal-Aħħar Żmien ħarbu minn Missouri fil-bidu tal-1839 biex jaħarbu mill-atti vjolenti tal-viġilanti u l-marmalja. Taħt id-direzzjoni ta’ Brigham Young u Heber C. Kimball, ġie ffurmat kumitat biex jiġbor provvisti, bżonnijiet importanti, u jistabbilixxi rotot għall-vjaġġ diffiċli ta’ 200 mil fl-eżodu tax-xitwa lejn Illinois. Ċerti residenti tal-belt ta’ Quincy wrew kompassjoni magħhom u pprovdew refuġju għall-Qaddisin li kienu tant qed ibatu permezz ta’ saqaf fuq rashom u ikel. (Ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 [2018], 375–77; William G. Hartley, “The Saints’ Forced Exodus from Missouri,” f’Richard Neitzel Holzapfel u Kent P. Jackson, eds., Joseph Smith: The Prophet and Seer [2010], 347–89.)

  4. F’Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball: An Apostle, the Father and Founder of the British Mission (1945), 449; enfażi miżjuda.

  5. F’Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball, 450.

  6. Ara Moses 1:39; ara wkoll “The Work of Salvation and Exaltation,” sezzjoni 1.2 f’ General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, ChurchofJesusChrist.org. Aħna niġu għand Kristu u nassistu fil-ħidma ta’ Alla billi ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn, nistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju, u ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità. Ara wkoll Doctrine and Covenants 110, li tispjega l-imfietaħ li ġew mogħtija għall-ħidma tas-salvazzjoni.

  7. Ara wkoll 1 Korintin 15:40–41.

  8. Ara Doctrine and Covenants 45:27.

  9. Ara Doctrine and Covenants 45:29.

  10. Alma kien bin Alma l-profeta. Hu kien il-prim imħallef tan-nazzjon u l-qassis il-kbir u l-profeta. Hu esperjenza konverżjoni mirakoluża meta kien għadu żagħżugħ.

  11. Alma 36:3.

  12. Joseph Fielding Smith, “The First Presidency and the Council of the Twelve,” Improvement Era, Nov. 1966, 979.

  13. Ara Ġob 38:7.

  14. Ara Alma 39:9. Alma jgħallem lil Kurjantun, “Tmurx aktar wara l-ġibdiet ħżiena ta’ għajnejk.”

  15. Grupp Parlamentari mill-Parti Kollha, Sessjonijiet parlamentari, it-Tlieta, 5 ta’ Lulju, “Preventing Violence and Promoting Freedom of Belief.”

  16. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll Patrick Kearon, “Huwa Qam mill-Imwiet bil-Fejqan fuq Ġwenħajh: Aħna Nistgħu Nkunu Aktar Minn Rebbieħa,” Liahona, Mejju 2022, 37–39.

  17. Ara Russell M. Nelson, “X’inhu Veru?,” Liahona, Nov. 2022, 29.

  18. Ara 2 Pietru 1:5–10.

  19. Ara Alma 39:9.

  20. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67, 68.

  21. Ara Alma 39:15.

  22. Ara Alma 42:16.

  23. Ara 2 Nefi 25:23.

  24. Russell M. Nelson, Facebook, 1 ta’ Aww., 2022, facebook.com/russell.m.nelson; Twitter, 1 ta’ Aww., 2022, twitter.com/nelsonrussellm; Instagram, 1 ta’ Aww., 2022, instagram.com/russellmnelson; ara wkoll “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.