Konferenza Ġenerali
Nipperfezzjonaw Ruħna Fih
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Nipperfezzjonaw Ruħna Fih

Il-perfezzjoni tagħna hi possibbli biss permezz tal-grazzja ta’ Alla.

Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, għandhom il-qawwa li jsalvawna, u jittrasformawna. Huma jistgħu jgħinuna nsiru bħalhom.

Ftit tas-snin ilu, wieħed min-neputijiet żgħar tagħna, Aaron, beda jesperjenza problemi ta’ saħħa. Hu beda jħoss ċerta għeja, beda jitbenġel malajr, u ma tantx kien jidher b’saħħtu. Wara xi testijiet mediċi, sabulu li kellu anemija aplastika severa, marda fejn il-mudullun tiegħu waqaf jipproduċi ċelloli tad-demm ħomor, ċelloli tad-demm bojod, u plejtlits. Mingħajr trattament u eventwalment kura, id-demm tiegħu ma kienx se jkun jista’ jagħqad sewwa jew jiġġieled xi infezzjoni, għalhekk anke daqsxejn ta’ waqgħa, jew korriment, jew marda setgħu malajr ikunu ta’ theddida għal ħajtu.

Għal perjodu ta’ żmien, Aaron regolarment ġie mogħti l-plejtlits u ngħata d-demm biex jinżamm ’il bogħod mill-periklu. It-tobba spjegaw li l-unika kura għall-marda kienet trapjant tal-mudullun, u l-akbar ċans biex tirnexxi kien li d-donatur ikun xi ħadd minn ħutu. Jekk il-mudulun ta’ xi ħadd minn ħutu jaqbel eżatt ma’ tiegħu, ir-riżultat tat-trapjant jista’ jsalvalu ħajtu. L-erba’ ħutu s-subien iżgħar minnu ġew ittestjati, u wieħed minnhom, Maxwell, instab li kien jaqbel perfettament.

Anke jekk id-donatur jaqbel perfettament, trapjant tal-mudullun xorta waħda seta’ jġib miegħu riskju serju ta’ kumplikazzjonijiet. Il-proċess kien jitlob li jinqerdu ċ-ċelloli ta’ Aaron fil-mudullun marid tiegħu b’kombinazzjoni ta’ kemoterapija u radjazzjoni qabel hu jirċievi iċ-ċelloli staminali mill-mudullun ta’ ħuh Maxwell. Imbagħad minħabba s-sistema immuni kompromessa ta’ Aaron, hu kien jeħtieġ li jiġi iżolat fl-isptar għal diversi ġimgħat u wara fid-dar għal diversi xhur b’ċerti protokols, restrizzjonijiet, u mediċini speċjali.

Ir-riżultat li konna qed nittamaw għalih mit-trapjant kien li ġisem Aaron ma jirriffjutax iċ-ċelloli tad-donatur u li ċ-ċelloli ta’ Maxwell gradwalment jibdew jipproduċu ċ-ċelloli tad-demm ħomor u bojod u l-plejtlits meħtieġa f’ġisem Aaron. Trapjant minn donatur li jirnexxi jwassal għal bidla psikoloġika mill-aktar reali. Impressjonanti l-fatt li tabib spjega li jekk Aaron kellu jwettaq xi reat u jħalli warajh id-demm fil-post tar-reat, il-pulizija setgħu jarrestaw lil ħuh Maxwell. Dan għaliex id-demm ta’ Aaron ikun ġej miċ-ċelloli meħuda minn Maxwell u jkollu d-DNA ta’ Maxwell, u dan ikun il-każ għall-kumplament ta’ ħajtu.

Li Aaron ġie salvat permezz tad-demm ta’ ħuh wassalni biex nikkontempla ħafna dwar id-demm espjatorju ta’ Ġesù Kristu u l-effett tal-Espjazzjoni tiegħu fuqna. Illum nixtieq niffoka fuq il-bidla permanenti, li tagħti l-ħajja li sseħħ hekk kif nippermettu lill-Mulej li jaħdem fina l-mirakli.1

Aaron ma kellux il-qawwa fih innifsu li jegħleb il-marda. Ġismu ma setax jipproduċi ċ-ċelloli meħtieġa biex isostnu ħajtu. Irrispettivament x’seta’ jagħmel hu personalment, hu ma setax ifejjaq il-mudullun tiegħu. L-istess kif Aaron ma setax ifejjaq lilu nnifsu, aħna ma nistgħux insalvaw lilna nfusna. Irrispettivament kemm aħna kapaċi, edukati, brillanti, jew b’saħħitna, aħna ma nistgħux innaddfu lilna nfusna minn dnubietna, nibdlu ġisimna għal stat immortali, jew neżaltaw lilna nfusna. Hu possibbli biss permezz tas-Salvatur Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni infinita tiegħu. “Ma hemm l‑ebda triq oħra jew isem ieħor mogħtija taħt is‑smewwiet li permezz tagħhom il‑bniedem jista’ jsalva fis‑saltna ta’ Alla.”2 Huwa d-demm espjatorju tiegħu li jnaddafna u jqaddisna.3

Minkejja li Aaron ma setax ifejjaq lilu nnifsu, biex it-trapjant ikun jista’ jaħdem, kien jenħtieġlu li jkun lest li jagħmel dak li jitolbuh it-tobba, anke ħwejjeġ mill-aktar diffiċli. Minkejja li ma nistgħux insalvaw lilna nfusna, meta nissottomettu ruħna għar-rieda tal-Mulej u nżommu l-patti tagħna, tinfetħilna t-triq għall-fidwa tagħna.4 Bħall-proċess tal-għaġeb tat-tibdil taċ-ċelloli tad-demm fid-DNA ta’ Aaron, aħna nistgħu nwettqu bidla f’qalbna,5 nirċievu x-xbieha tiegħu fuq wiċċna,6 u nsiru ħlejjaq ġodda fi Kristu.7

Alma jfakkar lin-nies ta’ Żaraħemla dwar il-ġenerazzjoni preċedenti li kienet ġiet ikkonvertita. Meta kien qed jitkellem dwar missieru, Alma spjega li “skont il-fidi tiegħu seħħet bidla qawwija f’qalbu”8 Imbagħad hu staqsa, “Esperjenzajtu intom din il-bidla qawwija f’qalbkom?”9 Ma kinux in-nies li bidlu qalbhom. Il-Mulej wettaq din il-bidla. Alma kien ċar ħafna dwar dan. Hu qal, “Araw, huwa bidlilhom qalbhom.”10 Huma “umiljaw ruħhom, u afdaw f’Alla veru u ħa … [u] baqgħu fidili sal-aħħar … [u] ġew salvati.”11 In-nies kienu lesti jiftħu qalbhom u jeżerċitaw il-fidi, u mbagħad il-Mulej bidlilhom qalbhom. U x’bidla qawwija kienet! Aħsbu ftit dwar id-differenza fil-ħajja ta’ dawn iż-żewġt irġiel jisimhom Alma qabel u wara li nbidlet qalbhom.12

Aħna wlied Alla b’destin majestuż. Aħna nistgħu ninbidlu biex insiru bħalu u jkollna “milja ta’ ferħ.”13 Satana, mill-banda l-oħra, iridna nkunu miżerabbli kif inhu hu.14 Aħna għandna l-abbiltà li nagħżlu wara min nimxu.15 Meta nimxu wara Satana, aħna nagħtu l-qawwa lilu.16 Meta nimxu wara Alla, Hu jagħti l-qawwa lilna.

Is-Salvatur għallem li aħna “għandna nkunu perfetti.”17 Din taf tidher ħaġa mill-aktar diffiċli. Jiena nista’ nara b’mod ċar l-inadegwatezzi personali tiegħi u sfortunatament konxju kemm jien ninsab ’il bogħod mill-perfezzjoni. Jaf ikollna tendenza li naħsbu li jeħtieġ li nipperfezzjonaw lilna nfusna, iżda dan mhux possibbli. Li nimxu wara kull suġġeriment f’kull ktieb fid-dinja dwar awto-assistenza ma jwassalx għal dan. Hekk biss triq waħda u isem wieħed li permezz tiegħu nistgħu niksbu l-perfezzjoni. Aħna “niġu pperfezzjonati permezz ta’ Ġesù l-medjatur tal-patt il-ġdid, li ġab fis-seħħ din l-espjazzjoni perfetta permezz tat-tixrid ta’ demmu.”18 Il-perfezzjoni tagħna hi possibbli biss permezz tal-grazzja ta’ Alla.

Tistgħu timmaġinaw kemm setgħet kienet ħaġa mill-aktar diffiċli għan-neputi żgħir tagħna Aaron biex jassumi li hu kellu jifhem u jwettaq hu stess il-proċeduri mediċi assoċjati mat-trapjant tiegħu? M’għandniex nassumu li jeħtieġ li nagħmlu dak li s-Salvatur biss jista’ jagħmel fil-proċess mirakoluż tal-perfezzjoni tagħna.

Hekk kif Moroni kkonkluda l-annali tiegħu, huwa għallem, “Iva, ersqu lejn Kristu, u pperfezzjonaw ruħkom fih, … u jekk tiċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen, u tħobbu lil Alla bil-qawwa tagħkom kollha, b’moħħkom kollu u b’saħħitkom kollha, imbagħad il-grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom, ħalli permezz tal-grazzja tiegħu tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.”19 X’verità konfortanti u qawwija! Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed għalija. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed għalikom. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed għal dawk kollha li “jinsabu mħabbtin u mtaqqlin.”20

F’ċerti trattamenti mediċi bħal ta’ Aaron, dejjem ikun hemm ċerta inċertezza dwar ir-riżultat. Fil-fatt, Aaron kien jeħtieġ it-tieni trapjant wara li l-ewwel wieħed wassal għal ċerti kumplikazzjonijiet. Fortunatament, fejn tidħol il-bidla spiritwali fil-qalb, m’għandniex noqogħdu ninkwetaw li jista’ jiġri hekk. Meta ngħixu skont ir-rieda tiegħu, “b’fiduċja sħiħa fil-merti ta’ dak li hu qawwi biex isalva,”21 hemm garanzija ta’ 100 fil-100 li sejrin nitnaddfu permezz ta’ demm is-Salvatur u eventwalment niġu pperfezzjonati fih. Huwa “Alla tal-verità, u ma jistax jigdeb.”22

M’hemmx dubju li dan il-proċess ta’ bidla jieħu ż-żmien u mhux se jitlesta qabel ma nkunu għaddejna għal ħajja oħra, iżda l-wegħda hi waħda ċerta. Meta t-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla jkun jidher fil-bogħod, aħna xorta waħda għandna nħaddnu dawn il-wegħdiet, għax nafu li sejrin jiġu fis-seħħ.23

Il-bidla mirakoluża fis-saħħa ta’ Aaron ġabet hena kbira fil-familja tagħna. Immaġinaw x’hena kbira jkun hemm fis-smewwiet hekk kif iseħħu bidliet qawwija f’ruħna.

Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, iħobbuna u b’mod mill-aktar grazzjuż għażlu li jibdluna u jipperfezzjonawna. Huma jridu jagħmlu dan. Hu mill-aktar importanti għall-ħidma u l-glorja tagħhom.24 Jiena nixhed li Huma għandhom il-qawwa li jagħmlu dan hekk kif aħna nersqu lejhom b’fidi. F’isem Ġesù Kristu, amen.