Konferenza Ġenerali
Xidd il-Qawwa Tiegħek, O Sijon
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Xidd il-Qawwa Tiegħek, O Sijon

Ilkoll kemm aħna għandna nevalwaw il-prijoritajiet temporali u spiritwali tagħna b’mod sinċier u bl-għajnuna tat-talb.

Il-parabboli huma ħaġa mill-aktar sinifikanti fil-metodu prepotenti ta’ tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu. Biex infissirhom fi kliem sempliċi, il-parabboli tas-Salvatur huma stejjer użati biex iqabblu veritajiet spiritwali ma’ ħwejjeġ materjali u esperjenzi mortali. Per eżempju, l-Evanġelji tat-Testment il-Ġdid huma mimlija tagħlim li jqabbel is-saltna tas-Smewwiet ma’ żerriegħa tal-mustarda,1 ma’ ġawhra li tiswa ħafna,2 ma’ sid id-dar u l-ħaddiema fl-għalqa tiegħu,3 mal-għaxar xebbiet verġni,4 u ma’ ħafna ħwejjeġ oħra. Waqt parti mill-ministeru tal-Mulej fil-Galilija, l-iskrittura tindika li “mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom.”5

L-intenzjoni tat-tifsira jew tal-messaġġ tal-parabbola tipikament mhuwiex spjegat espliċitament. Pjuttost, l-istorja twassal biss verità divina lir-riċevitur skont il-fidi tiegħu f’Alla, it-tħejjija spiritwali personali tiegħu, u r-rieda li jitgħallem. B’hekk, individwu jeħtieġ li jeżerċita volontà morali u b’mod attiv “jitlob, ifittex, u jħabbat”6 biex jiskopri l-veritajiet li jkunu jinsabu f’parabbola.

Jiena nitlob b’ħerqa li l-Ispirtu s-Santu jdawwal lil kull wieħed u waħda minna hekk kif issa nikkunsidraw l-importanza tal-parabbola tal-festa taż-żwieġ irjali.

Il-Festa taż-Żwieġ Irjali

“U Ġesù … raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom,

“Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu,

“U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

“U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.

“Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu.”7

Fiż-żminijiet tal-qedem, waħda mill-aktar okkażjonijiet ta’ ferħ fil-ħajja Lhudija kienet iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ—avveniment li kien idum xi ġimgħa jew anke tnejn. Avveniment bħal dan jeħtieġ pjanar estensiv, u l-mistednin ġew infurmati żmien sew qabel, fejn jerġgħu jiġu mfakkrin fil-jum tal-ftuħ tal-festi. Stedina mingħand is-sultan lin-nies li huwa jmexxi għal tieġ bħal dan kienet essenzjalment ikkunsidrata bħala ordni. Madankollu, ħafna mill-mistednin f’din il-parabbola ma attendewx.8

“Ir-rifjut li jattendu l-festa tas-sultan kien att deliberat ta’ ribelljoni kontra … l-awtorità rjali u indinjità personali kontra kemm is-sovran renjanti u kontra ibnu. Li raġel irħielha lejn ir-razzett tiegħu u ieħor lejn in-negozju tiegħu”9 kienu riflessjoni tal-prijoritajiet żbaljati tagħhom u ta’ kemm ġew jaqgħu u jqumu għal dak li ried is-sultan.10

Il-parabbola tkompli:

“Mbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha.

“Mela morru f’salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.

“Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.”11

Id-drawwa f’dawk iż-żminijiet kienet li l-ospitant tal-festa tat-tieġ—f’din il-parabbola, is-sultan—jipprovdi l-ilbies għall-mistednin tat-tieġ. Dan l-ilbies tat-tieġ kienu mnatar sempliċi u komuni li l-mistednin kollha kienu jilbsu. B’dan il-mod, kienu jiġu eliminati kull grad u kariga, u kulħadd fil-festa kien jitħallat bħala nies indaqs.12

In-nies tat-triq li kienu mistednin biex jattendu t-tieġ ma kellhomx ħin jew mezzi biex jipproduċu lbies xieraq bi tħejjija għall-avveniment. Konsegwentament, is-sultan probabbilment ta lill-mistednin ilbies milli kien jilbes hu. Kulħadd ġie mogħti l-opportunità li jilbes ilbies irjali.13

Hekk kif is-sultan daħal fis-sala tat-tieġ, huwa ta ħarsa lejn l-udjenza u immedjatament innota li wieħed mistieden li kien jispikka ma kienx liebes l-ilbies tat-tieġ. Ir-raġel ġie msejjaħ jersaq ’il quddiem, u s-sultan staqsieh, “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa? Dak tbikkem.”14 Bażikament, is-sultan staqsa, “Għalfejn m’intix liebes l-ilbies tat-tieġ, minkejja li ġie pprovdut lilek?”15

Ir-raġel ovvjament ma kienx liebes b’mod xieraq għal din l-okkażjoni speċjali, u l-frażi, “Dak tbikkem,” tindika li r-raġel ma kellu l-ebda skuża.16

Il-Presbiteru James E. Talmage jipprovdi dan il-kummentarju istruttiv dwar is-sinifikat tal-għemil tar-raġel: “Li dak il-mistieden mingħajr mantar kien ħati ta’ negliġenza, disrispett intenzjonali, jew xi offiża aktar gravi, joħroġ ċar mill-kuntest. Għall-ewwel is-sultan kien mill-aktar grazzjuż u meqjus, fejn ried ikun jaf biss kif ir-raġel daħal mingħajr l-ilbies tat-tieġ. Kieku l-mistieden seta’ jispjega d-dehra eċċezzjonali tiegħu, jew kieku kellu xi skuża aċċettabli, żgur kien jitkellem; iżda li nafu hu li huwa tbikkem. L-istedina tas-sultan kienet lil dawk kollha li kienu jitaqgħu magħhom il-qaddejja tiegħu; iżda kollha kemm huma kellhom jidħlu mill-bieb tal-palazz irjali; u qabel jaslu fil-kamra tal-pranzu, fejn hemm kien ikun is-sultan, kollha kienu jkunu lebsin b’mod xieraq; iżda r-raġel defiċjenti, b’xi mod kien daħal minn x’imkien ieħor; u peress li ma kienx għadda minn qalb is-sentinelli li kien hemm mal-bieb, huwa kien bniedem intruż.”17

Wieħed awtur Kristjan, John O. Reid, innota li r-rifjut tar-raġel li jilbes l-ilbies tat-tieġ kien juri “disrispett enormi kemm lejn is-sultan kif ukoll lejn ibnu.” Hu mhux biss ma kienx liebes l-ilbies tat-tieġ; agħar minn hekk, hu għażel li ma jilbsux. Hu b’mod ribelluż irrifjuta li jilbes b’mod xieraq għall-okkażjoni. Ir-reazzjoni tas-sultan kienet waħda spontanja u deċiżiva: “Mbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.”18

Il-ġudizzju tas-sultan tar-raġel mhuwiex ibbażat primarjament għax ma kienx liebes l-ilbies tat-tieġ—iżda li “hu kien, fil-fatt, determinat li ma jilbsux. Ir-raġel … xtaq li jkollu l-unur li jattendi l-festa tat-tieġ iżda … ma riedx jimxi mad-drawwa tas-sultan. Hu ried jagħmel l-affarijiet kif xtaq hu. Li hu ma kienx liebes ilbies xieraq kien juri r-ribelljoni li kien iħoss kontra s-sultan u l-istruzzjonijiet tiegħu.”19

Ħafna Huma l-Imsejħin, imma Ftit il-Magħżulin

Il-parabbola mbagħad tagħlaq b’din l-iskrittura penetranti: “Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin.”20

Interessanti l-fatt li Joseph Smith għamel it-tibdil li ġej fil-vers minn Mattew fit-traduzzjoni ispirata tiegħu tal-Bibbja: “Għax ħafna huma l-imsejħin, iżda ftit huma l-magħżulin; għalhekk mhux kulħadd liebes l-ilbies tat-tieġ.”21

L- istedina għall-festa tat-tieġ u l- għażla li nieħdu sehem fil-festa huma relatati iżda differenti. L-istedina hija għal kull raġel u mara. Individwu jista’ anke jaċċetta l-istedina u jpoġġi bilqiegħda waqt il-festa—madankollu ma jkunx magħżul biex jieħu sehem għaliex ma jkollux fuqu l-ilbies tat-tieġ xieraq tal-fidi li tikkonverti fil-Mulej Ġesù u fil-grazzja divina tiegħu. B’hekk, aħna għandna kemm is-sejħa ta’ Alla u r-rispons individwali tagħna lejn dik is-sejħa, u ħafna jafu jkunu msejħin iżda ftit ikunu magħżulin.22

Biex tkun jew issir magħżul mhuwiex xi status esklussiv li jingħatalna. Pjuttost, jien u intom ultimament nistgħu nagħżlu li nkunu magħżulin permezz tal-eżerċizzju xieraq tal-volontà morali tagħna.

Jekk jogħġobkom innutaw l-użu tal-kelma magħżulin fil-vers mill-tar familjari li ġej mid-Duttrina u Patti:

“Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin. U għalfejn mhumiex magħżulin?

“Għaliex qalbhom hi marbuta mal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u jaspiraw għall-unuri tal-bnedmin.”23

Nemmen li l-implikazzjoni ta’ dawn il-versi hija pjuttost waħda ċara. Alla m’għandux xi lista ta’ favoriti li jeħtieġ nittamaw li isimna jkun fuqha. Hu ma jillimitax lill-“magħżulin” għal dawk il-ftit. Minflok, il-qalb tagħna, ix-xewqat tagħna, li aħna nonoraw il-patti u l-ordinanzi sagri tagħna tal-evanġelju, l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti, u, fuq kollox, il-grazzja feddejja u l-ħniena tas-Salvatur jiddeterminaw jekk ningħaddux fost il-magħżulin ta’ Alla.24

“Għax aħna naħdmu bil-ħrara biex niktbu, ħalli nipperswadu lil uliedna, kif ukoll lil ħutna, biex jemmnu fi Kristu, u jirrikonċiljaw irwieħhom ma’ Alla; għax nafu li hu permezz tal-grazzja li aħna nsalvaw, wara li nagħmlu kulma nistgħu.”25

Fil-ħajja mgħaġġla tagħna ta’ kuljum u fil-konfużjoni tad-dinja kontemporanja li ngħixu fiha, nafu niġu distratti mill-ħwejjeġ eterni li huma l-aktar importanti billi l-prijoritajiet ewlenin tagħna jsiru l-pjaċir, il-prosperità, il-popolarità, u l-prominenza. Il-preokkupazzjoni immedjata tagħna bil-“ħwejjeġ ta’ did-dinja” u “l-unuri tal-bnedmin” taf twassalna biex nitilfu l-primoġenitura spiritwali tagħna għal xi ħaġa ferm anqas minn ftit għads.26

Wegħda u Testimonjanza

Nerġa’ ntenni t-twiddiba tal-Mulej lill-poplu tiegħu mwassla lilna permezz tal-profeta mit-Testment il-Qadim, Ħaggaj: “U issa dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti: Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu.”27

Ilkoll kemm aħna għandna nevalwaw il-prijoritajiet temporali u spiritwali tagħna b’mod sinċier u bl-għajnuna tat-talb biex nidentifikaw il-ħwejjeġ f’ħajjitna li jafu jimpedixxu l-barkiet kbar li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur lesti li jsawbu fuqna. U bla dubju l-Ispirtu s-Santu jgħinna naraw lilna nfusna kif verament aħna.28

Hekk kif b’mod xieraq infittxu d-don spiritwali li jkollna għajnejn biex jaraw u widnejn biex jisimgħu,29 inwegħidkom li aħna niġu mberkin bil-kapaċità u l-ġudizzju li nsaħħu r-rabta tal-patti tagħna mal-Mulej il-ħaj. Aħna nirċievu wkoll il-qawwa tad-divinità f’ħajjitna26—u ultimament niġu msejħin u magħżulin għall-festa tal-Mulej.

“Stenbaħ, stenbaħ, xidd il-qawwa tiegħek, O Sijon.”31

“Għax Sijon jeħtieġ tikber fis-sbuħija, u fil-qdusija; il-fruntieri tagħha jeħtieġ li jitwessgħu; l-utied tagħha jeħtieġ li jissaħħu; iva, fis-sewwa ngħidilkom, li Sijon jeħtieġ tqum u xxidd l-ilbies sabiħ tagħha.”32

B’ferħ jiena niddikjara x-xhieda tiegħi tad-divinità u r-realtà ħajja ta’ Alla, il-Missier Etern u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, u li Huwa jgħix. U jien nixhed ukoll li l-Missier u l-Iben dehru lit-tfajjel Joseph Smith, b’hekk taw bidu għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju tas-Salvatur fl-aħħar żmien. Jalla kull wieħed u waħda minna nfittxu u niġu mberkin b’għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu, jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen