Kuruna flok Irmied: It-Triq tal-Fejqan tal-Maħfra
Li tgħix b’tali mod li tagħti kuruna flok l-irmied ta’ ħajtek huwa għemil ta’ fidi li jimxi wara l-eżempju tas-Salvatur.
Il-Ktieb ta’ 1 Samwel jinkludi ġrajja mhux daqshekk magħrufa ta’ David, il-futur sultan ta’ Iżrael, u mara jisimha Abigajl.
Wara l-mewt ta’ Samwel, David u n-nies tiegħu tbiegħdu mis-Sultan Sawl, li fittex li joqtol lil David. Huma offrew is-servizz ta’ għassiesa għall-merħliet u l-qaddejja ta’ raġel għani jismu Nabal, li kien bniedem mill-agħar. David bagħat 10 minn fost l-irġiel tiegħu biex isellmu lil Nabal u jitolbuh l-ikel u l-provvisti li tant kienu jeħtieġu.
Għal din it talba ta’ David, Nabal wieġeb b’insult u bagħat l-irġiel lura b’idejhom vojta.
David ħassu offiż u ħejja l-irġiel tiegħu biex jassaltaw lil Nabal u d-dar tiegħu, filwaqt li qal, “Raddli l-ġid bid-deni.”1 Waħda qaddejja qalet lil Abigajl, mart Nabal, dwar kemm żewġha kien tratta ħażin l-irġiel ta’ David. Abigajl bla dewmien ġabret l-ikel u l-provvisti meħtieġa u marret biex tinterċedi.
Malli Abigajl lemħitu, hija “ntefgħet wiċċha fl-art,
“U nxteħtet f’riġlejn David, u qaltlu, Ħa nieħu l-ħtija fuqi waħdi, sidi. …
“U issa, … il-Mulej ma ħalliekx ixxerred id-demm u titħallas b’idejk. …
“… U hawn dan il-ġid li ġiebet il-qaddejja tiegħek lil sidi, qassmu liż-żgħażagħ. …
“Aħfer dnub il-qaddejja tiegħek. …
“U David qal lil Abigajl, Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqa’ miegħi:
“Imbierek l-għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-demm u nitħallas b’idejja. …
“U David ħa minn idha kull ma kienet ġibitlu, u qalilha, Erġa’ itla’ bis-sliem lejn darek; … Arani, smajt minn kliemek, u tajtek li tlabtni.”2
It-tnejn telqu fis-sliem.
F’din il-ġrajja, Abigajl tista’ titqis bħala tip jew simbolu qawwi ta’ Ġesù Kristu.3 Permezz tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, huwa jista’ jeħlisna mid-dnub u t-toqol ta’ qalb tissara u jipprovdina bis-sostenn li neħtieġu.4
L-istess kif Abigajl kienet lesta li tieħu d-dnub ta’ Nabal fuqha stess, hekk ukoll is-Salvatur—b’mod inkomprensibbli—ħa fuqu d-dnubiet tagħna u d-dnubiet ta’ dawk li weġġgħuna jew kasbruna.5 Fil-Ġetsemani u fuq is-salib, Huwa ħa fuqu dawn id-dnubiet. Hu għamel mod kif aħna nistgħu nerħu qalb vendikattiva. Dak il-“mod” huwa permezz tal-maħra—li tista’ tkun waħda mill-iktar affarjiet diffiċli li qatt nistgħu nagħmlu u waħda mill-iktar ħwejjeġ divini li qatt nistgħu nesperjenzaw. Fuq it-trejqa tal-maħfra, il-qawwa tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tista’ tnixxi ġo ħajjitna u tibda tfejjaq il-ġrieħi fondi tal-qalb u r-ruħ.
Il-President Nelson għallem li s-Salvatur joffrilna l-abbiltà li naħfru:
“Permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, intom tistgħu taħfru lil dawk li weġġgħukom u li jafu qatt ma huma se jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-mod krudili kif jittrattawkom.
“Normalment mhux diffiċli taħfer lil xi ħadd li b’mod sinċier u li b’umiltà jfittex il-maħfra. Iżda s-Salvatur jagħtikom l-abbiltà li taħfru lil kull persuna li b’xi mod imxiet magħkom ħażin. Imbagħad l-għemejjel tagħhom li weġġgħukom ma jibqgħux aktar jittormentaw ruħkom.”6
L-għemil ta’ Abigajl meta ġabet abbundanza ta’ ikel u provvisti jista’ jgħallimna li s-Salvatur joffri lil dawk li ġew mweġġgħin u midruba, is-sostenn u l-għajnuna li għandna bżonn biex nitfejqu u nsiru sħaħ.7 Aħna m’aħniex imħollijin waħidna biex nitħabtu mal-konsegwenzi ta’ għemejjel ta’ oħrajn; aħna wkoll nistgħu nsiru sħaħ u ningħataw l-opportunità li nkunu salvati mit-toqol ta’ qalb tissara u kull għemil li jista’ jiġi wara.
Il-Mulej qal, “Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd.”8 Il-Mulej jitlob minna li naħfru għall-ġid tagħna stess.9 Iżda ma jitlobniex biex nagħmlu dan mingħajr l-għajnuna tiegħu, l-imħabba tiegħu, id-dehen tiegħu. Permezz tal-patti tagħna mal-Mulej, aħna lkoll nistgħu nirċievu il-qawwa setgħana, il-gwida, u l-għajnuna li għandna bżonn kemm biex naħfru u kemm biex ninħafru.
Nitlobkom tifhmu li li taħfru lil xi ħadd ma jfissirx li inti tpoġġi lilek innifsek f’sitwazzjoni fejn inti se tibqa’ tiġi mweġġa’. “Nistgħu nagħmlu ħilitna biex naħfru lil xi ħadd u xorta nħossu s-suġġeriment tal-Ispirtu biex nibqgħu ’l bogħod minnu jew minnha.”10
Bħalma Abigajl għenet lil David biex ma jkollux “xewka fil-qalb” 11 u biex jikseb l-għajnuna li kien jeħtieġ, l-istess is-Salvatur jgħin lilek. Huwa jħobbok, u huwa qed jiltaqa’ miegħek fit-trejqa tiegħek “bil-fejqan f’ġwinħajh.”12 Huwa jixtieqlek il-paċi.
Jien personalment rajt b’għajnejja stess il-miraklu ta’ Kristu meta fejjaq lill-qalb tissara tiegħi. Bil-permess ta’ missieri, ngħidilkom li jien trabbejt f’dar li fiha mhux dejjem kont inħossni sigur minħabba trattament ħażin, emozzjonali u verbali. F’żgħożiti u meta kont żagħżugħa adulta, kont mgħaddba għal missieri u kelli rabja f’qalbi minħabba dik il-weġgħa.
Matul is-snin, u fl-isforzi tiegħi li nsib il-paċi u l-fejqan fuq dik it-trejqa tal-maħfra, wasalt biex nagħraf b’mod profond li l-istess Iben ta’ Alla li patta għal dnubieti, huwa l-istess Feddej li se jsalva wkoll lil dawk li weġġgħuni fil-fond. Ma stajtx verament nemmen l-ewwel verità mingħajr ma nemmen it-tieni waħda.
Bħalma mħabbti għas-Salvatur kibret, l-istess ġralha x-xewqa tiegħi li nissostitwixxi l-weġgħa u r-rabja bil-balzmu fejjieqi tiegħu. Dan kien proċess ta’ ħafna snin, li jirrikjedi kuraġġ, vunerabbiltà, perseveranza, u li nitgħallem nafda fil-qawwa divina tas-Salvatur biex insalva u nfieq. Għad baqagħli x’naħdem, imma qalbi m’għadhiex aktar tfittex li tissara. Jien ingħatajt “qalb ġdida”13—waħda li ħasset l-imħabba profonda u dejjiema ta’ Salvatur personali, li waqaf maġenbi, li bil-ħlewwa u bil-paċenzja kollha mexxieni lejn post aħjar, li beka miegħi, li jaf in-niket tiegħi.
Il-Mulej bagħatli barkiet kompensatorji l-istess bħalma Abigajl ġabet dak li David kellu bżonn. Huwa bagħat mentors f’ħajti. U l-iktar ħelwa u l-iktar trasformattiva fost dan kollu kienet ir-relazzjoni tiegħi ma’ Missieri fis-Smewwiet. Permezz tiegħu, jien bi gratitidni għaraft l-imħabba ġentili, protettiva, u gwidanti ta’ Missier perfett.
Il-Presbiteru Richard G. Scott qal: “Ma tistax tħassar il-magħmul, iżda int tista’ taħfer.14 Il-maħfra tfejjaq ġrieħi terribbli, traġiċi, għax hi tippermetti l-imħabba ta’ Alla li ssaffi lil qalbek u lil moħħok mill-velenu tal-mibegħda. Hi tnaddaf is-sensi tiegħek mix-xewqa tal-vendetta. Tagħti spazju għall-imħabba tal-Mulej, li tippurifika, tfejjaq, u tirrestawra.”15
Il-missier tiegħi ta’ din id-dinja kellu wkoll bidla mirakoluża fil-qalb f’dawn l-aħħar snin u dar lejn il-Mulej—xi ħaġa li qatt ma kont antiċipajt li tista’ tiġri f’din il-ħajja. Testimonjanza oħra għalija tal-qawwa sħiħa u trasformattiva ta’ Ġesù Kristu.
Jien naf li hu jista’ jfejjaq il-midneb u lil dawk vittma tad-dnub ta’ ħaddieħor. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja, li ta ħajtu ħalli aħna nkunu nistgħu nerġgħu ngħixu. Huwa qal, “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd il-ħelsien lill-maħqurin.”16
Lil dawk kollha ta’ qalb maqsuma, imjassrin, miġruħin, u forsi għomja bil-weġgħa jew id-dnub, Huwa joffri fejqan, irkupru, u ħelsien. Jiena nixhed li l-fejqan u l-irkupru li joffri Hu huma reali. Iż-żmien li jieħu dak il-fejqan huwa individwali, u ma nistgħux niġġudikaw iż-żmien li jieħu ħaddieħor. Huwa importanti li nippermettu lilna nfusna ż-żmien suffiċjenti biex infiequ u li nkunu ġentili magħna nfusna fil-proċess. Is-Salvatur huwa dejjem mimli bil-ħniena u attenzjoni, u huwa dejjem lest biex jipprovdi s-sokkors li neħtieġu.17
Fuq it-trejqa tal-maħfra u l-fejqan hemm l-għażla biex ma nħallux iżjed mudelli jew relazzjonijiet li mhux sani, fil-familji tagħna jew bnadi oħra. Lil dawk kollha li ninfluwenzaw, aħna nistgħu noffru t-tjubija flok il-moħqrija, l-imħabba fost il-mibegħda, il-ġentilezza flok il-ħruxija, is-sigurtà flok il-miżerja, u l-paċi flok it-tilwim.
Li tagħti dak li inti ġejt miċħuda huwa parti qawwija mill-fejqan divin li huwa possibbli permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu. Li tgħix b’tali mod li tista’ tagħti, kif qal Isaija, kuruna flok l-irmied ta’ ħajtek18 huwa għemil ta’ fidi li jimxi wara l-eżempju suprem tas-Salvatur li bata kollox sabiex ikun jista’ jsalva lil kulħadd.
Ġużeppi tal-Eġittu għex ħajja bl-irmied. Kien mibgħud minn ħutu, ittradut, mibjugħ bħala lsir, mitfugħ il-ħabs bla ħtija, u minsi minn xi ħadd li kien wegħdu l-għajnuna. Madanakollu, huwa ttama fil-Mulej. “Il-Mulej kien ma’ Ġużeppi”19 u kkonsagra l-isfidi tiegħu bħala barka u tkabbir tiegħu stess—u tal-ħelsien tal-familja tiegħu u l-Eġittu kollu.
Meta Ġużeppi ltaqa’ ma’ ħutu bħala mexxej kbir fl-Eġittu, il-maħfra tiegħu u d-dehen raffinat li kellu mmanifestaw irwieħhom fil-kliem grazzjuż li qal:
“U issa la tagħlux u la tinkeddux għax begħtuni għal hawn, għax biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom. …
“Mela, mhux intom bgħattuni hawn, imma Alla.”20
Permzz tas-Salvatur, ħajjet Ġużeppi saret “kuruna flok irmied.”21
Kevin J. Worthen, il-president ta’ BYU, qal li Alla “jista’ jagħmel li joġroġ it-tajjeb … mhux biss mis-suċċessi iżda wkoll mill-fallimenti tagħna u l-fallimenti ta’ oħrajn li jikkawżawlna l-uġigħ. Alla huwa daqstant tajjeb u daqstant setgħan.”22
Jien nixhed li l-ikbar eżempju ta’ mħabba u maħfra hija dik tas-Salvatur, Ġesù Kristu, li f’agunija ħarxa qal, “Missier aħfrilhom; għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.23
Jiena naf li Missierna fis-Smewwiet jixtieq it-tjubija u t-tama għal kull waħda u wieħed minn uliedu. F’Ġeremija naqraw, “Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara.”24
Ġesù Kristu huwa l-Messija personali tagħkom, il-Feddej u s-Salvatur kollu mħabba tagħkom, li jaf it-talbiet ta’ qalbkom. Huwa jixtieq il-fejqan u l-kuntentizza tagħkom. Huwa jħobbkom. Huwa jibki magħkom fin-niket tagħkom u jifraħ meta jagħmilkom sħaħ. Jalla nagħmlu l-qalb u nieħdu idu kollha mħabba li dejjem hi estiża,25 hekk kif nimxu fuq it-trejqa li tfejjaq tal-maħfra, din hi t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, ammen.