Konferenza Ġenerali
Inħarsu Iktar Lejn Ġesù Kristu bħala l-Mera ta’ Ħajjitna
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Inħarsu Iktar Lejn Ġesù Krtistu bħala l-Mera ta’ Ħajjitna

Is-Salvatur jistedinna biex inħarsu lejn ħajjitna permezz tiegħu sabiex inħarsu iktar lejh bħala l-mera ta’ ħajjitna.

Għeżież ħuti, kemm inħossni grata li ninsab wieqfa quddiemkom dalgħodu. Ninseġ qalbi ma’ tagħkom fi gratitudni li intom magħqudin, intom fejn intom madwar id-dinja, biex tisimgħu messaġġi minn profeti, appostli, bassara, rivelaturi, u mexxejja fis-saltna ta’ Alla. Aħna figurattivament insiru bħall-poplu fil-jiem tas-Sultan Benjamin, hekk kif inwaqqfu t-tined tagħna u niftħu l-bibien tagħna għall-profeta ta’ Alla fid-dinja, 1 il-President Russell M. Nelson.

Jien ili b’vista batuta minn żmien żemżem u minn dejjem kelli bżonn in-nuċċali biex nikkoreġi l-viżjoni ta’ għajnejja. Meta niftaħ għajnejja kull filgħodu, id-dinja tidher diżorjentata. Kollox huwa sfukat, bir-ross, u distort. Anki l-għażiż żewġi ikun qisu xi ħaġa mpittra b’mod astratt milli l-figura pulita u assiguranti li fil-fatt hu! Il-ħtieġa riflessiva tiegħi, qabel ma nagħmel xi ħaġa oħra qabel nibda l-ġurnata, hija li naħtaf in-nuċċali tiegħi sabiex jgħinni nagħmel sens mill-ħwejjeġ ta’ madwari u biex ingawdi esperjenza iktar vibranti hekk kif jgħinni ninnaviga ruħi matul il-jum.

Matul is-snin, jien fhimt li din l-imġiba turi d-dipendenza ta’ kuljum tiegħi fuq żewġ affarjiet: l-ewwel ħaġa, għodda li tgħinni nikkjarifika, niffoka, u nikkonkretizza d-dinja ta’ madwari; it-tieni ħaġa, ħtieġa għal gwida tanġibbli li kontinwament turini fejn hi d-direzzjoni t-tajba. Din il-prattika ta’ rutina sempliċi tirriflettili tajjeb osservazzjoni sinifikattiva dwar ir-relazzjoni tagħna mas-Salvatur, Ġesù Kristu.

F’ħajjitna li ta’ sikwit hija mimlija b’mistoqsijiet, inkwiet, pressjoniijiet, u opportunitajiet, l-imħabba tas-Salvatur għalina b’mod individwali u bħala wliedu tal-patt, flimkien mat-tagħlim u l-liġijiet tiegħu, huma riżorsi disponibbli ta’ kuljum li fuqhom aħna nistgħu niddependu biex inkunu “dawl li jiddi, … billi jdawwal lil għajnejna u jistimula d-dehen tagħna.”2 Hekk kif infittxu l-barkiet tal-Ispirtu f’ħajjitna, aħna nkunu kapaċi biex, hekk kif għallem Ġakobb, naraw “ħwejjeġ kif fil-fatt huma, u … kif fil-fatt se jkunu.”3

Bħala wlied tal-patt ta’ Alla, aħna ġejna mberkin b’mod uniku b’ammont kbir ta’ għodda maħtura divinament biex intejbu l-viżjoni spiritwali tagħna. Il-kliem u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu kif iddokumentati fl-iskrittura u l-messaġġi mill-profeti magħżulin tiegħu, u l-Ispirtu tiegħu, li nirċevuh permezz tat-talb ta’ kuljum, l-attendenza regolari t-tempju, u permezz tal-ordinanza ta’ kull ġimgħa tas-sagrament, jistgħu jgħinu jirrestawraw il-paċi u jipprovdu d-don neċessarju tad-dixxerniment li jġib id-dawl ta’ Kristu u d-dehen tiegħu f’kull parti ta’ ħajjitna u f’dinja li tista’ tkun imsaħħba. Is-Salvatur jista’ wkoll ikun il-boxxla tagħna u l-bdot tagħna hekk kif aħna nbaħħru l-ilmijiet, daqqa kalmi u daqqa mqallba, ta’ ħajjitna. Huwa jista’ jwitti l-mogħdija t-tajba li twassal sad-destinazzjoni eterna tagħna. Għalhekk, Hu x’iridna naraw, u fejn iridna mmorru?

Il-profeta għażiż tagħna għallimna li “jeħtieġ li aħna nkunu ffokati sewwa fuq is-Salvatur u l-evanġelju tiegħu” u li aħna jeħtiġilna “infittxu li nħarsu lejh f’kull ħsieb.”4 Il-President Nelson wiegħed ukoll li “xejn ma jistieden l-Ispirtu aktar minn li tiffokaw fuq Ġesù Kristu. … Hu se jmexxi u jiggwida lilkom fil-ħajja personali tagħkom jekk intom tiddedikaw ħin għalih f’ħajjitkom—kull jum.”5 Ħbieb, Ġesù Kristu huwa kemm l-għan tal-konċentrazzjoni tagħna u kemm l-intenzjoni tad-destinazzjoni tagħna. Biex jgħinna nibqgħu sodi u mmirati fid-direzzjoni t-tajba, is-Salvatur jistedinna biex inħarsu lejn ħajjitna permezz tiegħu, sabiex inħarsu iktar lejh bħala l-mera ta’ ħajjitna. Jien wasalt biex nitgħallem iktar dwar din l-istedina speċifika permezz tal-istudju tiegħi tat-Testment il-Qadim.

Il-liġi ta’ Mosè ngħatat lil Iżraelin tal-bidu bħala evanġelju preparatorju, imfassal biex iħejji l-poplu għal relazzjoni tal-patt ogħla ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.6 Il-liġi, mimlija simboliżmu li jħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex “iħarsu ’l quddiem” u l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu,7 kienet mistennija li tgħin lill-poplu ta’ Iżrael jiffoka fuq is-Salvatur billi jipprattika l-fidi fih, fis-sagrifiċċju tiegħu, u fil-liġijiet u l-kmandamenti tiegħu f’ħajjithom8—bl-intenzjoni li jwassalhom għal għarfien ikbar tal-Feddej tagħhom.

Eżatt kif jiġri lilna llum, il-poplu tal-qedem ta’ Alla kien mistieden li jħares lejn ħajtu permez tiegħu sabiex iħares iktar lejh bħala l-mera ta’ ħajjithom. Iżda sakemm wasal iż-żmien tal-ministeru tas-Salvatur, l-Iżraelin, fl-osservanzi tagħhom, kienu tilfu lil Kristu minn ħarsithom, hekk kif warrbuh u żiedu mal-liġi drawwiet mhux awtorizzati li ma kellhom l-ebda simboliżmu istruttiv li jwassalhom biex iħarsu lejn il-veru u l-uniku sors tas-salvazzjoni u l-fidwa tagħhom—Ġesù Kristu.9

Id-dinja ta’ kuljum tal-Iżraelin kienet saret diżorjentata u oskura. Ulied Iżrael, f’dan l-istat, emmnu li d-drawwiet u r-ritwali tal-liġi kienu t-triq tas-salvazzjoni personali u sa ċertu punt irreduċiet il-liġi ta’ Mosè għal sett ta’ protokolli amministrati biex jirregolaw il-ħajja ċivili.10 Dan wassal lis-Salvatur jirrestawra l-konċentrazzjoni u ċ-ċarezza fl-evanġelju tiegħu.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-maġġorparti tal-Iżraelin ċaħdu l-messaġġ tiegħu, u saħansitra waslu biex jakkużaw lis-Salvatur—hu li tahom il-liġi u ddikkjara li hu kien “il-liġi, u d-dawl”11—li kien qed jiksirha. Iżda Ġesù fid-Diskors tiegħu tal-Muntanja, huwa u jitkellem dwar il-liġi ta’ Mosè, iddikkjara, “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni.”12 Imbagħad is-Salvatur, permezz tal-Espjazzjoni eterna tiegħu, temm il-kodiċi, ir-regoli, u d-drawwiet ċeremonjali li l-poplu ta’ Iżrael kien josserva dak iż-żmien. Is-sagrifiċċju aħħari tiegħu mexxa l-bidla mill-offerti tas-sagrifiċċji tal-ħruq għal għotja tagħna ta’ “qalb niedma u spirtu sogħbien,” 13 mill-ordinanza tas-sagrifiċċju għall-ordinanza tas-sagrament.

Il-President M. Russell Ballard, meta kien qed jgħallem dwar is-suġġett, qal, “F’ċertu sens, is-sagrifgiċċju nbidel mill- offerta għall-offerent.”14 Meta nġibu l-offerta tagħna lis-Salvatur, aħna nkunu qed niġu mistiedna sabiex inħarsu iktar lejn Ġesù Kristu f’ħajjitna, hekk kif b’umiltà nissottomettu r-rieda tagħna lilu f’att ta’ għarfien u dehen tas-sottomissjoni perfetta tiegħu għar-rieda tal-Missier. Meta nitfgħu l-ħarsa tagħna fissa f’Ġesù Kristu, aħna nagħrfu u nifhmu li huwa hu l-sors u l-mod waħdieni biex aħna nirċievu l-maħfra u l-fidwa, sewwasew sa ma naslu fil-ħajja eterna u l-eżaltazzjoni.

Bħala xi ħadd li mxiet wara l-evanġelju sa mill-bidu tal-ħajja, jien ilqajt ma’ ħafna li raw u osservaw bidliet fl-imġiba, id-drawwiet, u l-għażliet tiegħi wara li ngħaqadt mal-Knisja. Huma kienu kurjużi dwar il-“għaliex” ta’ dak li kienu qed jaraw—għalfejn għażilt li nkun mgħammda u li ningħaqad ma’ din il-kongregazzjoni ta’ fidili, sewwasew Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, għaliex noqogħod lura minn ċerti drawwiet f’Jum il-Mulej, għalfejn jiena fidila fiż-żamma tal-Kelma tal-Għerf, għalfejn naqra l-Ktieb ta’ Mormon, għalfejn nemmen u napplika f’ħajti t-tagħlim tal-profeti u l-appostli tal-lum, għalfejn nattendi l-laqgħat tal-Knisja ta’ kull ġimgħa, għalfejn nistieden oħrajn biex “ejjew u araw, ejjew u għinu,ejjew u ibqgħu,”15 u “ejjew u appartjenu.”16

F’dak iż-żmien, dawk il-mistoqsjiet kont inħosshom tqal ħafna u, ma nistħix ngħid, xi drabi akkużatorji. Imma hekk kif issarajt mal-iskrutinju tan-nies, ma domtx biex intbaħt li l-istħarriġ tagħhom kien, infatti, l-istedina għalija biex nieħu u nilbes nuċċali spiritwali li jikkjarifika, jiffoka, u jissolidifika dak li kien qed jimmotiva l-aderenza tiegħi fid-drawwiet u l-istandards tal-evanġelju. X’kien is-sors tat-testimonjanza tiegħi? Jaqaw kont biss qed nagħmel “reċta esterjuri” bla ma nħalli lil dawn id-drawwiet konnessi mal-liġijiet ta’ Alla biex “iqawwu l-fidi [tiegħi] fi Kristu,”17[ jew kont qed nuri għarfien li Ġesù Kristu kien l-uniku sors ta’ qawwa fl-osservanzi tiegħi?

Bis-saħħa tal-isforz kbir tiegħi biex inħares lejn u għal Ġesù Kristu f’kull ħsieb u għemil tiegħi, għajnejja kienu mdawlin, u d-dehen tiegħi kien mħaffef biex nagħraf li Ġesù Kristu kien qed issejjaħli biex “nersaq lejh.”18 Minn dan l-istaġun bikri tad-dixxipulat fiż-żgħożija tiegħi, jien nista’ niftakar stedina li għamluli l-missjunarji biex ningħaqad magħhom waqt li kienu qed jgħallmu l-evanġelju lill-grupp ta’ tfajliet tampari. Lejla minnhom, hekk kif kont bilqiegħda fid-dar ta’ waħda minn dawn it-tfajliet, il-mistoqsija tenera tagħhom ta’ “għalfejn jien nemmen” nifdet qalbi, u tatni ċ-ċans li nixhed magħhom b’dehen profond tal-viżjoni tal-Mulej dwar il-motivazzjonijiet spiritwali tad-dixxipulat tiegħi, u minn dak iż-żmien ’il quddiem dan irfina t-testimonjanza tiegħi.

Dak il-ħin tgħallimt, kif nifhem issa, li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, jidderieġilna l-pass tagħna lejn d-djar tal-laqgħat kull ġimgħa biex nieħdu parti fis-sagrament tiegħu, lejn id-dar tal-Mulej biex nagħmlu patti miegħu, lejn l-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti biex nitgħallmu l-kelma tiegħu. Huwa jidderieġi lil fommna biex nixhdu għalih, idejna biex ngħolluhom u nservu bħalma Hu kieku kien jgħolli u jservi, għajnejna biex iħarsu lejn id-dinja u lejn xulxin kif jagħmel Hu—“ħwejjeġ kif fil-fatt huma, u … kif fil-fatt se jkunu.”19 U hekk kif nippermettulu jidderiġina fl-affarjiet kollha, aħna nirċievu testimonjanza li “il-ħwejjeġ kollha jindikaw li hemm Alla,”20 għaliex fejn infittxuh aħna se nsibuh21—kull jum. Dwar dan jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.