Konferenza Ġenerali
U Fittxew Li Jaraw Min Kien Ġesù
konferenza ġenerali Ottubru 2022


U Fittxew Li Jaraw Min Kien Ġesù

Jiena nixhed li Ġesù jgħix, li Hu jafna, u li Hu għandu l-qawwa li jfejjaq, li jittrasforma, u li jaħfer.

Ħuti, u ħbieb, fl-2013 jien u marti, Laurel, konna msejħin biex inservu bħala mexxejja tal-missjoni fil-Missjoni Ċeka Slovakkla. L-erba’ wlied tagħna servew magħna. 1 Aħna konna mberkin bħala familja b’missjunarji brillanti u bil-Qaddisin meraviljużi, Ċeki u Slovakki. Aħna nħobbuhom.

Hekk kif jien u l-familja dħalna fl-għalqa tal-missjoni, xi ħaġa li l-Presbiteru Wirthlin kien għallimna kienet qed takkumpanjana. F’diskors imsemmi “Il-Kbir Kmandament” il-Presbiteru Wirthlin staqsa, “Intom tħobbuh lill-Mulej?” Il-parir tiegħu lil dawk fostna li konna lesti nwieġbu “iva” kien wieħed sempliċi u profond: “Qattgħu ħin miegħu. Immeditataw dwar kliemu. Ħudu l-madmad tiegħu fuqkom. Fittxu li tifhmu u tobdu.”2 Il-Presbiteru Wirthlin imbagħad wiegħed barkiet trasformattivi lil dawk lesti jiddedikaw ħin u post għal Ġesù Kristu.3

Aħna ħadna l-parir u l-wegħda tal-Presbiteru Wirthlin b’serjetà kbira. Flimkien mal-missjunarji tagħna, aħna qattajna aktar żmien ma’ Ġesù hekk kif studjajna lil Mattew, Mark, Luqa, u Ġwanni mit-Testment il-Ġdid u 3 Nefi mill-Ktieb ta’ Mormon. Fi tmiem ta’ kull konferenza taż-żona, kunsill tat-tmexxija, jew laqgħa tad-distrett, aħna sibna rwieħna lura għal dawk li konna nirreferu għalihom bħala l- “Ħames Evanġelji”4 li fihom qrajna, iddiskutejna, ikkunsidrajna, u tgħallimna dwar Ġesù.

Għalija, għal Laurel, u għall-missjunarji tagħna, li nqattgħu l-ħin ma’ Ġesù fl-iskrittura biddel kollox. Aħna ksibna apprezzament iktar profond ta’ dak li Hu kien, u ta’ dak li kien importanti għalih. Aħna kkonsidrajna kif kien jgħallem, x’kien jgħallem, il-modi li bihom wera l-imħabba, dak li għamel biex ibierek u jservi, il-mirakli tiegħu, x’kien ir-rispons tiegħu għat-tradiment, kif aġixxa fejn jidħlu emozzjonijiet umani mill-aktar diffiċli, it-titli u l-ismijiet tiegħu, kif kien jisma’, kif kien isolvi konflitt, id-dinja li għex fiha, il-parabboli tiegħu, kif kien iħeġġeġ l-għaqda u l-ġentilezza, il-kapaċità tiegħu li jaħfer u jfejjaq, il-priedki tiegħu, it-talb tiegħu, is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, il-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, l-evanġelju tiegħu.

Kemm-il darba ħassejna nfusa bħal Żakkew, ir-“raġel qasir”, jiġri u jixxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ meta Ġesù għadda minn Ġeriko għaliex, kif iddeskrivieha Luqa, aħna “nfittxu biex naraw min kien Ġesù.”5 Ma kienx Ġesù kif aħna ridnieh jew xtaqnieh ikun, iżda pjuttost Ġesù kif realment kien u hu.6 Eżatt kif kien wiegħed il-Presbiteru Wirthlin, aħna tgħallimna b’mod reali ħafna li “l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ trasformazzjoni. Jeħodna bħala rġiel u nisa tad-dinja u jirfinana bħala rġiel u nisa għall-eternitajiet.”7

Dawk kienu ġranet speċjali. Fl-aħħar tgħallimna li “ma’ Alla xejn mhu se jkun impossibbli.”8 Il-memorji ta’ sigħat sagri wara nofsinhar fi Praga, Bratislava, jew Brno, flimkien bħala missjoni, nikkonsidraw u nesperjenzaw il-qawwa u r-realtà ta’ Ġesù, jibqgħu jidwu fil-ħajja tagħna lkoll.

Spiss studjajna l-Mark 2:1–12. Il-ġrajja ma tistax ma tqanqlekx. Irrid naqra parti minna direttament minn Mark, imbagħad nixxerja kif sirt nifhimha wara studju u diskussjoni komprensivi mal-missjunarji tagħna u oħrajn.9

“Meta wara xi ġranet [Ġesù] daħal Kafarnahum; in-nies semgħet li kien id-dar.

“U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma.

“U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies.

“Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ.

“Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ, Ibni, dnubietek maħfura.”

Wara li jkellem lil xi wħud mill-folla,10 Ġesù jħares lejn ir-raġel mifluġ u jfejqu fiżikament, hekk kif jgħidlu:

“Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.

“Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu, Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.”11

Issa l-istorja kif jien wasalt biex nifhimha: Kmieni fil-ministeru tiegħu, Ġesù rritorna lejn Kafarnahum, villaġġ żgħir tas-sajjieda fix-xatt tat-tramuntana tal-Baħar tal-Galilija.12 Hu kien għadu kemm wettaq sensiela ta’ mirakli billi jfejjaq il-morda u keċċa l-ispirti l-ħżiena.13 Ir-raħħala, anzjużi biex jisimgħu u jesperjenzaw lil dan ir-raġel jismu Ġesù, inġabru fid-dar fejn, skont ma xterdet l-aħbar, kien qed joqgħod.14 Kif għamlu dan, Ġesù beda jgħallem.15

F’dak iż-żmien, id-djar ta’ Kafarnahum kellhom is-saqaf ċatt u jikkonsistu f’sular wieħed, waħda ħdejn l-oħra.16 Is-saqaf u l-ħitan kienu taħlita ta’ ġebel, injam, tafal, u tiben, u l-aċċess kien b’taraġ sempliċi fil-ġenb tad-dar.17 Il-folla kibret malajr fid-dar, u mliet il-kamra fejn Ġesù kien qed jgħallem, u n-nies inġabret anki barra fit-triq.18

L-istorja tiffoka fuq raġel “mifluġ” u l-erba’ ħbieb tiegħu.19 Li tkun mifluġ kienet forma ta’ paraliżi, spiss akkumpanjata minn dgħufija ta’ saħħa u rogħda.20 Jien nimmaġina wieħed minn dawk l-erbgħa jgħid lill-oħrajn, “Ġesù qiegħed hawn fil-villaġġ tagħna. Ilkoll nafu dwar il-mirakli li wettaq u lil dawk li fejjaq. Kieku nistgħu jaħasra nieħdu lil seħibna għand Ġesù, forsi anki hu jista’ jikseb saħħtu.”

Għalhekk kull wieħed minnhom jieħu rokna mill-friex jew is-sodda ta’ ħabibhom u jibdew iġorruh mit-toroq imserrpin, dojoq u mtarbin ta’ Kafarnahum.21 B’idejhom u saqajhom kważi ma jifilħux iżjed, l-erbgħa rġiel fl-aħħar iduru mal-aħħar kantuniera u jsibu folla sħiħa jew, kif l-iskrittura ssejħilha, il-“kotra” ta’ nies miġbura biex tisma’ hija tant kbira li kien impossibbli li jaslu għand Ġesù.22 B’imħabba u fidi, l-erbat irġiel ma jaqtgħux qalbhom. Minflok, huma b’xi mod jitilgħu t-taraġ li jagħti għall-bejt, u bir-reqqa jqandlu lil seħibhom u l-friex tiegħu, jiftħu l-bejt jew is-saqaf tal-kamra fejn Ġesù qed jgħallem, u jniżżlu lil seħibhom.23

Immaġinaw kif f’nofs xi mument ta’ tagħlim serju, Ġesù jisma’ ħoss ta’ grif, iħares ’il fuq, u jara ħofra fis-saqaf, li bdiet tikber iktar ma beda jaqa’ trab u tiben ġol-kamra. Raġel mifluġ fuq friexu mbagħad jitniżżel fil-kamra. Ta’ min wieħed jinnota li Ġesù jintebaħ li din mhix interruzzjoni iżda aktarx xi ħaġa ta’ importanza. Huwa jħares lejn ir-raġel fuq il-friex, jaħfirlu dnubietu pubblikament, u jfejqu fiżikament.24

B’dak ir-rakkont ta’ Mark 2 f’moħħna, bosta veritajiet importanti joħorġu ċari dwar Ġesù bħala l-Kristu. L-ewwel nett, meta aħna nippruvaw ngħinu lil xi ħadd li nħobbu jersaq lejn Kristu, aħna nistgħu nagħmlu dan bil-kunfidenza li Huwa għandu l-kapaċità li jerfa’ t-toqol tad-dnub u li jaħfer. It-tieni nett, meta nġibu għand Kristu mard fiżiku, emozzjonali, u mard ieħor, nistgħu nagħmlu dan bl-għarfien li Hu għandu l-qawwa li jfejjaq u jfarraġ. It-tielet nett, meta nagħmlu sforz bħal dawk l-erbgħa li nieħdu li xi ħaddieħor għand Kristu, nistgħu nagħmlu dan b’ċertezza li Hu se jara l-intenzjonijiet vera tagħna u li se jonorahom kif xieraq.

Ftakru, it-tagħlim ta’ Kristu kien imfixkel bid-dehra ta’ toqba fis-saqaf. Lil dawk l-erbgħa, minflok ċanfarhom jew keċċiehom talli interrompewh, l-iskrittura tgħidilna li “Ġesù ra l-fidi tagħhom”.25 Dawk li kienu xhieda tal-miraklu mbagħad “beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din.”26

Ħuti, ħa nagħlaq b’żewġ osservazzjonijiet addizzjonali. Sew bħala missjunarji, ministri, presidenti tas-Soċjetà tal-Għajnuna, isqfijiet, għalliema, ġenituri, aħwa, jew ħbieb, aħna lkoll aħna impenjati bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien fil-ħidma li nressqu lil ħaddieħor lejn Kristu. Għalhekk, il-kwalitajiet murija mill-erba’ ħbieb ta’ min wieħed jikkunsidrahom u jimitahom.27 Huma kuraġġużi, adattivi, reżiljenti, kreattivi, versatili, mimlijin tama, determinati, fidili, ottimisti, umli, u paċenzjużi.

Barra minn hekk, l-erba’ ħbieb jenfasizzaw l-importanza spiritwali tal-komunità u s-soċjabiltà.28 Sabiex iġibu lil seħibhom għand Kristu, kull wieħed minn dawk l-erbgħa kellu jġorr rokna tal-friex. Jekk wieħed jerħi rokna, l-affarjiet jikkumplikaw. Jekk tnejn jabbandunaw l-attentat, il-biċċa tax-xogħol tispiċċa effettivament impossibbli. Ilkoll kemm aħna għandna rwol xi nwettqu fis-saltna ta’ Iżrael.29 Hekk kif nidħlu f’dak l-irwol u nagħmlu l-parti tagħna, inkunu qed inġorru r-rokna tagħna. Sew jekk fl-Arġentina jew fil-Vjetnam, f’Accra jew Brisbane, f’fergħa jew f’qasam, bħala familja jew bħal sħubija missjunarja, kull wieħed u waħda minna għandna rokna x’inġorru. Hekk kif u jekk nagħmlu dan, il-Mulej iberikna lkoll. Bħalma ra l-fidi tagħhom, l-istess jara tagħna u jberikna bħala poplu.

Fi żminijiet differenti f’ħajti, jien ippruvajt inżomm ir-rokna tiegħi, u drabi oħra kont jien li qed ninġarr. Parti mill-qawwa ta’ din l-istorja impressjonanti ta’ Ġesù hija li propju tfakkarna kemm għandna bżonn lil xulxin, bħala aħwa, biex nersqu lejn Kristu u niġu ttrasformati.

Dawn huma ftit mill-affarjiet li jien tgħallimt mill-ħin li qattajt ma’ Kristu f’ Mark 2.

“Jalla li Alla jagħtina l-ħila li [nerfgħu r-rokna tagħna], li ma naħslux idejna, li ma nibżgħux, iżda li nkunu qawwija fil-fidi tagħna, u determinati fil-ħidma tagħna, li nwettqu l-għanijiet tal-Mulej.”30

Jiena nixhed li Ġesù jgħix, li Hu jafna, u li Hu għandu l-qawwa li jfejjaq, li jittrasforma, u li jaħfer. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Evie, Wilson, Hyrum, u George.

  2. Joseph B. Wirthlin, “The Great Commandment,” Liahona, Nov. 2007, 30.

  3. Il-barkiet identifikati mill-Presbiteru Wirthlin jinkludu kapaċità ikbar għall-imħabba, rieda li tkun ubbidjenti għall-kmandamenti ta’ Alla u tirrispondi għalihom, xewqa li sservi lill-oħrajn, u dispożizzjoni li tagħmel it-tajjeb kontinwament.

  4. “L-Evanġelji … huwa rappreżentazzjoni għal erba’ darbiet taħt l-ismijiet ta’ erba’ evanġelisti differenti jew kittieba tal-Evanġelju dwar il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù, u tat-tbatija, il-mewt, u l-qawmien tiegħu mill-mewt” (Anders Bergquist, “The Bible: The New Testament,” fi Encyclopedia of Christianity, James Bowden, ed. [2005], 141). Il-Bible Dictionary iżid li “il-kelma evanġelju tfisser ‘aħbar tajba.’ L-aħbar it-tajba hi li Ġesù Kristu wettaq espazzjoni perfetta għall-umanità li se tifdi lill-umanità. … Ir-reġistrazzjonijiet tal-ġajja mortali tiegħu u l-avvenimenti li jagħmlu parti mill-ministeru tiegħu jissejħu l-Evanġelji” (Bible Dictionary, “Gospels”). 3 Nefi, miktub minn Nefi, in-neputi ta’ Ħelaman, jitkellem dwar id-dehra u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet fl-Ameriki eżatt wara l-qawmien tiegħu u, għalhekk, nistgħu nirreferu għalih ukoll bħala “Evanġelju.” L-Evanġelji huma partikolarment kommoventi għaliex huma xhieda ta’ ġrajjiet u ċirkostanzi li fihom Ġesù stess jgħallem u jipparteċipa b’mod attiv. Huma punt ta’ tluq importanti ħafna biex wieħed jifhem lil Ġesù bħala l-Kristu, ir-relazzjoni tagħna miegħu, u l-Evanġelju tiegħu.

  5. Ara Luqa 19:1–4; ara wkoll Ġakobb 4:13 (li jispjega li l-Ispirtu “jitkellem dwar ħwejjeġ kif fil-fatt huma, u dwar ħwejjeġ kif kif-fatt se jkunu”) u Doctrine and Covenants 93:24 (li jiddefinixxi l-verità bħala “għarfien ta’ ħwejjeġ kif inhuma, u kif kienu, u kif se jkunu”).

  6. Il-President J. Reuben Clark bl-istess mod ħeġġeġ l-istudju tal-“ħajja tas-Salvatur bħala personalità attwali.” Huwa stieden lil oħrajn sabiex ikunu parti mill-ġrajjiet tal-iskrittura dwar il-ħajja ta’ Ġesù Kristu, li jippruvaw “li jimxu mas-Salvatur, jgħixu miegħu, iħalluh ikun raġel attwali, nofsu divin, ovvjament, iżda safrattant jgħix bħal raġel li kien jgħix f’dak iż-żmien.” Barra minn hekk, huwa wiegħed li sforz bħal dan “jgħinek tħares lejh, jgħinek tkun viċin tiegħu b’mod li ma naħsibx li tista’ tagħmel dan b’mod ieħor. … Tgħallmu hu x’għamel, hu x’ħaseb, hu x’għallem. Agħmlu kif għamel hu. Għixu kif għex hu, sakemm nistgħu. Hu kien il-bniedem perfett” ( Behold the Lamb of God [1962], 8,11). Għal iktar għarfien rigward il-valur u r-raġuni għalfejn nistudjaw lil Ġesù fil-kuntest tal-istorja, ara N. T. Wright u Michael F. Bird,The New Testament in Its World (2019), 172–87.

  7. Joseph B. Wirthlin, “The Great Commandment,” 30.

  8. Luqa 1:37.

  9. Barra mid-diskussjoni regolari u estiża ta’ Mark 2:1–12 mal-missjunarji tal-Missjoni Ċeka Slovakka, jien grat ukoll għal lezzjonijiet li tgħallimt aħna u nikkonsidraw dan it-test flimkien mal-ġuvintur u tfajliet tal-klassi ta’ preparazzjoni għall-missjoni tal-Wited ta’ Highland f’Salt Lake u mal-mexxejja u l-membri tal-Wited tal-AŻS ta’ Pioneer f’Salt Lake.

  10. Ara Mark 2:6-10.

  11. Mark 12:11-12.

  12. Ara Bruce M. Metzger u Michael D. Coogan, The Oxford Companion to the Bible (1993), 104; James Martin, Jesus: A Pilgrimage (2014), 183–84.

  13. Ara Mark 1:21-45.

  14. Ara Mark 2:1-2.

  15. Ara Mark 2:2.

  16. Ara Metzger u Coogan,The Oxford Companion to the Bible, 104; William Barclay, The Gospel of Mark (2001), 53.

  17. Ara Barclay, The Gospel of Mark, 53; ara wkoll Martin, Jesus: A Pilgrimage, 184.

  18. Ara Mark 2:2, 4; ara wkoll Barclay, The Gospel of Mark, 52–53. Barclay jispjega li “il-ħajja fil-Palestina kienet pubblika ħafna. Filgħodu il-bieb tad-dar kien jinfetaħ u kull min xtaq seta’ joħroġ u jidħol. Il-bieb qatt ma kien jingħalaq sakemm xi ħadd ma kienx ikun jixtieq il-privatezza deliberatament; bieb miftuħ kien ifisser stedina ċara li kulħadd seta’ jidħol ġewwa. Fi djar iktar umli bħal kif aktarx li kienet [dik identifikata f’ Mark 2], ma kien hemm l-ebda intrata; il-bieb kien jiftaħ direttament … għal got-triq. Għalhekk, f’ħin qasir folla kienet imliet id-dar daqs bajda u imblukkat il-bankina madwar id-dar; u lkoll kemm huma kienu qed jisimgħu ħerqana dak li Ġesù kellu xi jgħid.”

  19. Mark 2:3.

  20. Ara Medical Dictionary of Health Terms, “palsy,” health.harvard.edu.

  21. Ara wkoll James Martin, Jesus: A Pilgrimage, 184.

  22. Mark 2:4.

  23. Ara Mark 2:4; ara wkoll Julie M. Smith, “The Gospel according to Mark,” BYU Studies (2018), 155–71.

  24. Ara Mark 2:5-12.

  25. Mark 2:5; enfażi miżjuda.

  26. Mattew 9:8; ara wkoll Mark 2:12; Luqa 5:26.

  27. Doctrine and Covenants 62:3 jispjega li l-qaddejja tal-Mulej huma “imberkin, għaliex ix-xhieda li intom tajtu hija mfakkra fis-smewwiet … u dnubietkom inħafrulkom.”

  28. Ara M. Russell Ballard, “Tama fi Kristu,” Liahona, Mejju 2021, 55–56. Il-President Ballard jinnota li “sens ta’ apparteneza” huwa importanti kemm għas-saħħa fiżika u kemm għal dik spiritwali, u josserva li “il-membri kollha tal-kworums, tal-organizzazzjonijiet, tal-oqsma, u tal-utied tagħkom għandhom ċerti doni u talenti mogħtija minn Alla li jistgħu jgħinu biex tinbena s-saltna tiegħu f’dawn iż-żminijiet.” Araw wkoll David F. Holland, Moroni: A Brief Theological Introduction (2020), 61–65. Holland jiddiskuti Moroni 6 u l-modi li bihom il-parteċipazzjoni u s-soċjalità f’komunità ta’ fidi jgħinu biex jiffaċilitaw it-tip ta’ esperjenza spiritwali personali li torbotna iktar mill-qrib mas-Smewwiet.

  29. Ara Dieter F. Uchtdorf, Lift Where You Stand,” Liahona, Nov. 2008, 56. Il-Presbiteru Uchtdorf jispjega li “ħadd minna ma jista’ jew messu jmexxi waħdu l-ħidma tal-Mulej. Iżda jekk aħna lkoll nieqfu maġenb xulxin fil-post li l-Mulej ħatar u nerfgħu fejn aħna weqfin, xejn ma jista’ jżomm din il-ħidma milli timxu ’l fuq u ’l quddiem.” Chi Hong (Sam) Wong, “Rescue in Unity,” Liahona, Nov. 2014, 15. Il-Presbiteru Wong jirreferi għal Mark 2:1–5 u jgħallem li “sabiex nassistu lis-Salvatur, aħna rridu naħdmu f’għaqda u f’armonija. Kulħadd, f’kull pożizzjoni u f’kull sejħa, huwa importanti.”

  30. Oscar W. McConkie, f’Conference Report, Ott. 1952, 57.