Konferenza Ġenerali
Bil-Qalb Kollha
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Bil-Qalb Kollha

Jeħtieġ li nkunu dixxipli ta’ Ġesù li b’ferħ u b’qalbna kollha ninsabu fil-vjaġġ personali ta’ dixxipulat tagħna.

Xi kultant, jgħin li nkunu nafu x’se nistennew.

Meta kien riesaq lejn tmiem il-ministeru tiegħu, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu li kienu ġejjin żminijiet diffiċli. Iżda Hu qal ukoll, “Titħawdu xejn.”1 Iva, Hu kien se jħallihom, iżda ma kienx se jħallihom weħidhom.2 Hu kien se jibgħat l-Ispirtu tiegħu biex jgħinhom jiftakru, iżommu sħiħ, u jsibu l-paċi. Is-Salvatur iwettaq il-wegħda tiegħu li jkun mad-dixxipli tiegħu, iżda jeħtieġ li aħna nibqgħu kontinwament inħarsu lejh biex jgħinna nagħrfuh u ngawdu l-preżenza tiegħu.

Id-dixxipli ta’ Kristu minn dejjem ħabbtu wiċċhom ma’ żminijiet diffiċli.

Ħabiba tiegħi tal-qalb bagħtitli artiklu qadim li kien hemm f’ Nebraska Advertiser, gazzetta min-Nofs il-Punent tal-Istati Uniti, li ġġib id-data tad-9 ta’ Lulju, 1857. Kien hemm miktub: “Kmieni dalgħodu grupp ta’ Mormoni għaddew minn hawn fi triqthom lejn Salt Lake. In-nisa (li żgur mhumiex delikati ħafna) kienu qed jiġbdu l-karrijiet b’idejhom bħall-bhejjem, waħda mara ħaditha għal wiċċha f’dan it-tajn iswed, u minħabba f’hekk kellhom jieqfu għal ftit mill-mixja tagħhom, it-tfal żgħar kienu mexjin b’pass tqil warajhom lebsin ilbies mhux tas-soltu fejn dehru determinati daqs ommijiethom.”3

Bqajt naħseb mhux ħażin dwar din il-mara mimlija tajn. Tgħid kienet qed tiġbed weħidha? Tgħid kienet omm single? X’kien dak li ta l-qawwa ġewwa fiha, il-kuraġġ, u l-perseveranza li tagħmel vjaġġ diffiċli bħal dan fuq it-tajn, tiġbed b’idejha karru mimli b’dak kollu li kellha lejn dar fid-deżert li ma kienet taf xejn dwarha—fejn xi kultant kienet tiġi mżebelħa min-nies iħarsu lejha?4

Il-President Joseph F. Smith tkellem dwar il-qawwa li dawn in-nisa kellhom ġewwa fihom, fejn qal: “Tista’ qatt tbiegħed xi waħda minn dawn in-nisa mill-konvinzjoni tagħha fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien? Tista’ qatt twassalhom biex jiddubitaw il-missjoni tal-Profeta Joseph Smith? Tista’ qatt tqarraq bihom fejn tidħol il-missjoni Divina ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla? Le, żgur li qatt ma tista’ tagħmel dan. Għalfejn? Għaliex huma kienu jafu l-verità. Ġiet żvelata lilhom minn Alla, u huma fehmuha, u l-ebda qawwa fid-dinja ma tista’ tbiegħdhom minn dak li jafu li hu veru.”5

Ħuti, li aħna nkunu dawn it-tip ta’ rġiel u nisa hija s-sejħa tagħna llum—dixxipli li lesti nagħmlu kull sforz biex insibu l-qawwa biex inkomplu niġbdu meta niġu msejħin biex nimxu fid-deżert, dixxipli b’konvinzjonijiet li ġew żvelati lilna minn Alla, dixxipli ta’ Ġesù li ninsabu bil-ferħ u b’qalbna kollha fil-vjaġġ personali ta’ dixxipulat tagħna. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna nemmnu u nistgħu nikbru fi tliet veritajiet importanti.

L-Ewwel, Aħna Nistgħu Nżommu l-Patti Tagħna, Anke Meta Ma Jkunx Faċli

Meta l-fidi tagħkom, il-familja tagħkom, jew il-ġejjieni tagħkom ikunu jinsabu f’diffikultà—meta tistaqsu għalfejn il-ħajja hi daqstant diffiċli meta qed tagħmlu l-almu tagħkom biex tgħixu l-evanġelju—ftakru li l-Mulej qalilna li għandna nistennew l-inkwiet. L-inkwiet hu parti mill-pjan u ma jfissirx li ġejtu abbandunati; hu parti minn dak li jfisser li tkunu tiegħu.6 Huwa kien, wara kollox, “bniedem li bata u jaf x’inhu n-niket.”7

Qed nitgħallem li l-Missier fis-Smewwiet jimpurtah aktar fit- tkabbir tiegħi bħal dixxiplu ta’ Ġesù Kristu milli fil- kumditàtiegħi. Jaf mhux dejjem inkun nixtieq li hu hekk—iżda hekk hu!

Li ngħixu b’mod konvenjenti mhux dejjem iġibilna l-qawwa. Il-qawwa li neħtieġu biex nikkumbattu l-pressjoni ta’ żmienna hija l-qawwa tal- Mulej u l-qawwa tiegħu tinstab fil-patti li nagħmlu miegħu.8 —Li nxaqilbu lejn il-fidi tagħna meta niffaċċjaw irwiefen qawwija—li b’sinċerità nagħmlu ħilitna kuljum biex nagħmlu dak li fil-patti tagħna mas-Salvatur għidna li nagħmlu, anke u speċjalment meta nkunu għajjenin, inkwetati, u qed nitqabdu b’mistoqsijiet u affarijiet inkwetanti—hu li gradwalment nirċievu d-dawl tiegħu, il-qawwa tiegħu, l-imħabba tiegħu, l-Ispirtu tiegħu, il-sliem tiegħu.

L-għan li nimxu fit-triq tal-patt hu li nilħqu lis-Salvatur. Huwa l-għan, mhux il-progress perfett tagħna. Din mhijiex xi tellieqa, u m’għandna qatt inqabblu l-vjaġġ tagħna ma’ ta’ ħaddieħor. Anke meta naqgħu, Hu jinsab hemm.

It-Tieni, Aħna Nistgħu Naġixxu bil-Fidi

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna nifhmu li l-fidi fih tirrikjedi azzjoni—speċjalment fi żminijiet diffiċli.9

Bosta snin ilu, il-ġenituri tiegħi ddeċidew li jibdlu t-tapit tad-dar. Il-lejla ta’ qabel ma’ wasal it-tapit il-ġdid, ommi staqsiet lil ħuti s-subien biex ineħħu l-għamara u jqattgħu t-twapet tal-kamra tas-sodda ħalli jkun jista’ jitwaħħal it-tapit il-ġdid. Oħti, Emily, li dak iż-żmien kellha seba’ snin kienet diġà rieqda. Għalhekk, waqt li kienet rieqda, huma neħħew bilmod l-għamra kollha minn kamritha, ħlief is-sodda, u mbagħad qattgħu t-tapit. Mela, kif spiss jagħmlu l-aħwa l-kbar subien, huma ddeċidew li jagħmlulha ċajta. Huma neħħew il-kumplament ta’ dak li kellha fil-gwardarobba u mal-ħitan, u ħallew il-kamra vojta. Imbagħad kitbu nota u waħluha mal-ħajt: “Għażiża Emily, aħna morna noqogħdu f’dar oħra. Niktbulek ftit jiem oħra u ngħidulek fejn ninsabu. Inħobbuk, il-familja tiegħek.”

L-għada filgħodu meta Emily ma ġietx għall-kolazzjon, ħuti marru jaraw fejn kienet—kienet hemm, imnikkta u weħidha wara bieb magħluq. Aktar tard Emily tkellmet dwar din l-esperjenza: “Ħassejt bħal toqol kbir fija. Iżda x’kien se jiġri kieku jiena ftaħt dak il-bieb? X’kont stajt nisma’? X’kont stajt inxomm? Kont se ninduna li ma kontx waħdi. Kont se ninduna li kien hemm verament min iħobbni. Lanqas biss ġieni l-ħsieb li nagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni tiegħi. Sempliċiment iddeċidejt li ma nagħmel xejn u nibqa’ nibki fil-gwardarobba tiegħi. U madankollu kieku sempliċiment ftaħt il-bieb.”10

Dak li assumiet oħti kien ibbażat fuq dak li rat, iżda ma kienx riflessjoni ta’ kif l-affarijiet kienu verament. Mhux interessanti l-fatt li aħna, bħal Emily, nafu nħossuna mtaqqlin wisq bin-niket jew bl-uġigħ jew bl-iskoraġġiment jew bl-inkwiet, jew bis-solitudni jew bir-rabja jew bil-frustrazzjoni li lanqas biss tiġina f’moħħna li sempliċiment nagħmlu xi ħaġa, li niftħu l-bieb, li naġixxu bil-fidi f’Ġesù Kristu?

L-iskrittura hija mimlija eżempji ta’ rġiel u nisa, dixxipli ta’ Kristu, li, meta ħabbtu wiċċhom mal-impossibbli, sempliċiment aġixxew—li b’fidi qamu u mxew.11

Lil-lebbrużi li fittxew il-fejqan, Kristu qal: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.”12

Huma marru quddiem il-qassisin bħallikieku diġà kienu ġew imfejqin, u fil-proċess waqt li kienu qed jagħmlu dan, huma verament ġew imfejqin.

Nixtieq ngħid ukoll jekk il-ħsieb li naġixxu f’nofs l-uġigħ tidher xi ħaġa impossibbli, jekk jogħġobkom araw li l-azzjoni tagħkom tkun li titolbu l-għajnuna—mingħand xi ħabib, membru tal-familja, mexxejja tal-Knisja, professjonist. Dan jista’ jkun l-ewwel pass lejn it-tama.

It-Tielet, Aħna Nistgħu Nuru d-Devozzjoni Tagħna b’Qalbna Kollha u bil-Ferħ13

Meta niffaċċja żminijiet diffiċli, nipprova niftakar li jien għażilt li nimxi wara Kristu qabel ġejt fuq din l-art u li d-diffikultajiet li niffaċċja fejn tidħol il-fidi tiegħi, saħħti, u r-reżistenza tiegħi huma kollha parti mir-raġuni għalfejn ninsab hawn. U ċertament qatt ma jgħaddili minn moħħi li l-isfidi tal-lum iwassluni biex niddubita l-imħabba ta’ Alla għalija jew jibdluli l-fidi tiegħi fih f’dubju. L-isfidi ma jfissrux li l-pjan qed ifalli; huma parti mill-pjan intenzjonat li jgħinuni nfittex lil Alla. Jiena nsir nixbhu aktar meta b’sabar nibqa’ nżomm sħiħ u, nittama, bħalu, li meta nkun f’agunija, nitlob b’aktar ħerqa.14

Ġesù Kristu kien l-eżempju perfett ta’ kif ħabb lil Missierna b’qalbu kollha—ta’ kif għamel ir-rieda tiegħu, irrispettivament mill-prezz li kellu jħallas.15 Jien irrid nimxi wara l-eżempju tiegħu billi nagħmel l-istess.

Jiena nispira ruħi mid-dixxipulat tal-armla li b’qalbha kollha u b’ruħha kollha tefgħet il-biċċtejn żgħar fit-teżor tat-tempju. Hija tat kulma kellha.16

Ġesù Kristu għaraf l-abbundanza ta’ kulma kellha fejn oħrajn raw biss in-nuqqas tagħha. L-istess nistgħu ngħidu għalina lkoll. Huwa ma jħarisx lejn in-nuqqas tagħna bħala falliment iżda pjuttost bħala opportunità li nikbru il-fidi u nikbru.

Konklużjoni

Għeżież dixxipli bħali ta’ Ġesù Kristu, b’qalbi kollha, jien nagħżel li nkun fuq in-naħa tal-Mulej. Nagħżel li nkun fuq in-naħa tal-qaddejja magħżula tiegħu—il-President Russell M. Nelson u l-Appostli sħabu—għaliex huma jitkellmu f’ismu u huma l-amministraturi tal-ordinanzi u l-patti li jorbtuni mas-Salvatur.

Meta jien naqa’, inqum u nerġa’ nqum, u nafda fil-grazzja u l-qawwa abilitanti ta’ Ġesù Kristu. Jien nibqa’ miegħu fil-patt tiegħi u nkompli naħdem bil-mistoqsijiet li jkolli billi nistudja l-kelma ta’ Alla, permezz tal-fidi, u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, li fil-gwida tiegħu jiena nafda. Jien infittex l-Ispirtu tiegħu kull jum billi nagħmel il-ħwejjeġ żgħar u sempliċi.

Din hija t-triq tiegħi bħala dixxiplu.

U sakemm jasal il-jum li fih il-ġrieħi ta’ kuljum tal-mortalità jitfejqu, jien inkompli nittama fil-Mulej u nafda fih—fl-orarju tiegħu, fl-għerf tiegħu, fil-pjan tiegħu.17

Id f’id magħkom, jien nibqa’ fuq in-naħa tiegħu għal dejjem. B’qalbi kollha. Għax naf li meta nħobbu lil Ġesù Kristu b’qalbna kollha, Hu jagħtina kulma għandu bħala ħlas.18 F’isem Ġesù Kristu, amen.