Konferenza Ġenerali
Il-Virtù tal-Kelma
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Il-Virtù tal-Kelma

Hemm il-virtù fil-kliem tal-profeti tal-qedem u ta’ żmienna sewwasew għax kliemhom huwa kliem il-Mulej.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, naqraw dwar deċiżjoni mill-aktar importanti li għamel il-profeta Alma f’wieħed mill-versi li nħobbu fl-iskrittura. Qabel ma nagħtu ħarsa lejn dawk il-kelmiet familjari, jekk jogħġobkom ejjew nikkunsidraw taħt liema ċirkustanzi diffiċli ttieħdet dik id-deċiżjoni.

Parti mill-poplu, li kienu jsejħu lilhom infushom Żoramiti, kienu nfirdu min-Nefiti1 u nġabru flimkien fuq il-fruntieri tal-pajjiż ħdejn il-Lamaniti.2 In-Nefiti kienu għadhom kif għelbu lil-Lamaniti waqt battalja bla preċedent li fiha għexieren ta’ eluf ġew maqtula,3 u “kien hemm biża’ kbira li ż-Żoramiti jidħlu fi ftehim mal-Lamaniti, u dan iwassal għat-telfien ta’ bosta ħajjiet.” 4 Minbarra l-biża’ ta’ gwerra, Alma sar jaf li ż-Żoramiti, li “lilhom ġiet imxandra l-kelma ta’ Alla,”5 kienu bdew iqimu allat foloz u “jgħawġu triqat il-Mulej.”6 Dan kollu beda jinkwieta ferm lil Alma u “wasslu biex jitnikket bil-kbir.”7

Meta sab lilu nnifsu f’dawn iċ-ċirkustanzi kumplessi u diffiċli, Alma beda jixtarr x’kellu jagħmel. Fid-deċiżjoni tiegħu, naqraw kliem li ġie ppreservat biex jispirana u jgħallimna hekk kif ninnavigaw iċ-ċirkustanzi kumplessi u diffiċli ta’ żmienna.8

“U issa, peress li x-xandir tal-kelma għandu tendenza kbira li jmexxi lin-nies biex jagħmlu dak li hu ġust—iva, għandu effett qawwi fuq moħħ il-bniedem aktar mix-xabla, jew minn xi ħaġa oħra, li huma esperjenzaw—għalhekk Alma ħaseb li kien jaqbel li huma jippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla.”9

Fost il-ħafna soluzzjonijiet possibbli, il-fidi ta’ Alma wasslithom biex huma jafdaw fil-qawwa tal-kelma. Mhijiex kumbinazzjoni li fost l-aktar diskors qawwi li nsibu fl-iskrittura kollha hemm dak li ġie mxandar immedjatament wara dik id-deċiżjoni. F’kapitli 32 u 33 ta’ Alma naqraw id-diskors prepotenti tiegħu dwar il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, u f’kapitlu 34 insibu t-tagħlim mill-aktar importanti ta’ Amuleki dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Illustrazzjonijiet tal-Virtù tal-Kelma

Fil-fatt, tul l-iskrittura naqraw dwar barkiet mirakolużi msawba fuq dawk li għażlu li jippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla f’ħajjithom.10 Nistedinkom tixtarru miegħi tliet eżempji hekk kif nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq il-Ktieb ta’ Mormon—ktieb ta’ Mormon li l-President Russell M. Nelson iddeskrivieh bħala “il-gwida tas-sopravivenza tagħna għal żmienna .”11

L-ewwel, biex ifakkar lin-niesu kif il-Mulej ħeles lil missirijiethom, Alma għallem: “Araw, huwa bidlilhom qalbhom; iva, hu qajjimhom minn nagħsa tqila, u huma qamu għal Alla. Araw, huma kienu f’nofs dalma; madankollu, ruħhom ġiet imdawla permezz tad-dawl tal-kelma ta’ dejjem.”12 Jista’ jkun li intom qed tħossukom bħallikieku kontu f’nofs dalma. Tħossuha ruħkom titkarrab għad-dawl? Jekk iva, jekk jogħġobkom ippruvaw il-kelma ta’ Alla.

It-tieni, hekk kif kien qed jirrifletti dwar il-konverżjoni tal-Lamaniti lejn il-Mulej, li hu ra sseħħ bħala missjunarju, Għammon qal, “Araw, kemm eluf kbr fost ħutna huwa ħeles mill-uġigħ tal-infern; u huma twasslu biex jgħannu l-imħabba feddejja, u dan minħabba l-qawwa tal-kelma tiegħu li tinsab fina.13 Ħuti, huma ħafna dawk fostna li qed jittamaw biex xi ħadd li nħobbu jitwassal biex jgħanni l-imħabba feddejja. Fl-isforzi kollha tagħna, ejjew niftakru biex nippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla, li jinsab fina.

It-tielet, fil-ktieb ta’ Ħelaman naqraw, “Iva, naraw li kull min iżomm sħiħ mal-kelma ta’ Alla, li hi ħajja u qawwija,, li ġġib fix-xejn il-makkakerija u t-tnassis u l-qerq tax-xitan, u tmexxi lill-bniedem ta’ Kristu fit-triq stretta u dejqa lejn in-naħa l-oħra tal-golf tal-miżerja għal dejjem … u twassal ruħhom … fuq il-lemin ta’ Alla fis-saltna tas-smewwiet.”14 Intom qegħdin tippruvaw tevitaw il-makkakerija u t-tnassis u l-qerq tax-xitan li tant huma prevalenti fil-filosofiji ta’ żmienna? Tixtiequ teħilsu mis-sħab ta’ konfużjoni kawża ta’ abbundanza sfrenata ta’ informazzjoni biex tkunu tistgħu tiffokaw biss fuq it-triq tal-patt? Jekk jogħġobkom ippruvaw il-kelma ta’ Alla.

Bħala bniedem li seħħet bidla fija permezz tal-qawwa tal-kelma, jien nixhed personalment dwar din il-verità mgħallma b’mod tant sabiħ mill-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson: “Għalija, il-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon tidher l-aktar fil-bidla qawwija li sseħħ fil-ħajja ta’ dawk li jaqrawh b’qalb sinċiera, b’intenzjoni ġenwina, b’fidi fi Kristu. Bosta konvertiti abbandunaw ħafna ħwejjeġ li qabel kienu jgħożżu sabiex ikunu jistgħu jgħixu skont il-preċetti ta’ dak il-ktieb. … Huwa l-aktar strument effettiv li għandkom biex tressqu l-erwieħ lejn Kristu Ġesù.”15

Is-Sors ta’ Virtù

F’dawn l-eżempji u f’oħrajn, nistgħu naraw il-virtù tal-kelma ta’ Alla fil-ħajja ta’ wliedu. Nafu nistaqsu, x’inhu s-sors ta’ dak il-virtù jew ta’ dik il-qawwa?

Hekk kif nikkunsidraw din il-mistoqsija, importanti niftakru li l-frażi “il-kelma,” kif użata fl-iskrittura, għandha ta’ l-anqas żewġ tifsiriet. M’ilux il-Presbiteru David A. Bednar għallem li “wieħed mill-ismijiet ta’ Ġesù Kristu hu ‘Il-Kelma,’” u li “t-tagħlim tas-Salvatur, kif insibuh fl-iskrittura mqaddsa, huwa wkoll ‘il-kelma.’”16

Il-profeta Nefi wriena r-relazzjoni li hemm bejn dawn iż-żewġ tifsiriet meta kiteb: “Isimgħu dan il-kliem u emmnu fi Kristu; u jekk ma temmnux f’dan il-kliem emmnu fi Kristu. U jekk temmnu fi Kristu temmnu f’dan il-kliem, għax dan huwa kliem Kristu, u hu tah lili; u jgħallem lill-bnedmin kollha li għandhom jagħmlu t-tajjeb.”17 B’hekk nitgħallmu li hemm il-virtù fil-kliem tal-profeti tal-qedem u ta’ żmienna sewwasew għax kliemhom huwa kliem il-Mulej.18 Għeżież ħbieb tiegħi, li naċċettaw din il-verità eterna hi ħaġa mill-aktar importanti għas-sopravivenza spiritwali tagħna f’dawn l-aħħar żminijiet19 meta, kif kien imħabbar, hawn “ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.”20

Ultimament, il-virtù tal-kelma ta’ Alla huwa l-Mulej Ġesù Kristu.21 Hekk kif nibdew nifhmu din aħjar, inkunu nistgħu nagħrfu r-rabta eternament sinifikanti li hemm bejn l-irwol tal-profeti tiegħu u l-Feddej innifsu. L-imħabba tagħna lejh, ix-xewqa tagħna biex nersqu aktar qrib tiegħu u nibqgħu f’imħabbtu,22 jimmotivana biex nippruvaw il-virtù tal-kelma f’ħajjitna—kemm il-virtù li ġej minnu bħala s-Salvatur u l-Feddej personali tagħna23 u l-virtù li ġej minnu permezz ta’ kliem “l-għodda magħżula tal-Mulej.”24 Naslu biex nagħrfu li, minkejja li sorsi oħra jafu jkunu ta’ għajnuna fl-istudju tagħna tas-Salvatur u l-kliem tal-profeti tiegħu, qatt m’għandhom jieħdu posthom. Jeħtieġ li nixorbu b’mod profond u ta’ spiss25 direttament mis-sors.26

Nesprimi mħabbti lejn kull wieħed minnkom, ħuti. B’dik l-imħabba, nitlobkom tesperjenzaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla, partikolarment permezz tal-Ktieb ta’ Mormon, f’kull jum ta’ ħajjitkom. Hekk kif tagħmlu dan, intom tesperjenzaw din il-wegħda profetika mill-President Russell M. Nelson: “Inwegħidkom li hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom tibdew tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum. Jien inwegħidkom li hekk kif intom tixtarru dak li tistudjaw dwaru, jinfetħu għalikom bwieb is-sema, u intom tirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħkom kif ukoll direzzjoni għal ħajjitkom. Inwegħidkom li, hekk kif kuljum intom tgħaddsu raskom fil-Ktieb ta’ Mormon, intom tiġu mlaqqmin kontra l-ħażen ta’ żmienna.”27

Nixhed li Missierna fis-Smewwiet tana l-kelma għaliex iħobbna b’mod perfett u jrid lil kull wieħed u waħda minna nerġgħu lura d-dar biex ngħixu miegħu għal dejjem. Nixhed dwar “il-Kelma … li saret bniedem,”28 l-istess Kristu Ġesù, u dwar il-qawwa tiegħu biex isalvana u jifdina. Naf li l-virtù tiegħu tasal għandna permezz tal-kliem tal-profeti tiegħu, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent.

Hija t-talba ta’ ruħi li aħna jkollna l-għerf u l-umiltà li nżommu sew29 mal-kelma ta’ Alla u nibqgħu fit-triq tal-patt li twassal għall-eżaltazzjoni u l-ħajja ta’ dejjem.30 Jalla nibqgħu nesperjenzaw kontinwament il-bidla qawwija disponibbli għal kull wieħed u waħda minna permezz tal-virtù tal-Kelma.31 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Alma 30:59.

  2. Ara Alma 31:3.

  3. Ara Alma 28:2.

  4. Alma 31:4. Jekk jogħġobkom innutaw li Alma u n-nies tiegħu kienu esperjenzaw qabel “korrispondenza” bħal din bejn l-Amliċiti u l-Lamaniti, li ġabet magħha niket kbir u telfien ta’ ħajja (ara Alma 2:21–38; 3:1–3).

  5. Alma 31:8.

  6. Alma 31:1.

  7. Alma 31:2.

  8. Ara Mormon 8:34–35.

  9. Alma 31:5; enfażi miżjuda.

  10. Ara, per eżempju, 1 Nef 15:24; Alma 32:41–43; 36:26; 37:8, 44–45.

  11. Russell M. Nelson, “Ħaddnu l-Futur b’Fidi,” Liahona, Nov. 2020, 75.

  12. Alma 5:7; enfażi miżjuda.

  13. Alma 26:13; enfażi miżjuda.

  14. Helaman 3:29–30; enfażi miżjuda.

  15. Russell M. Nelson, “The Book of Mormon: A Miraculous Miracle” (indirizz mogħti waqt seminar għall-mexxejja tal-missjoni ġodda, 23 ta’ Ġunju, 2016), fejn ikkwota f’parti minnu Moroni 10:4.

  16. David A. Bednar, “Iżda Aħna Ma Tajniex Kashom,” Liahona, Mejju 2022, 16.

  17. 2 Nefi 33:10; enfażi miżjuda.

  18. Ara Doctrine and Covenants 1:38.

  19. Ara Doctrine and Covenants 1:14-18.

  20. Għamos 8:11.

  21. Ara Alma 34:6.

  22. Ara Ġwanni 15:10.

  23. Ara Mark 5:25–34.

  24. Moroni 7:31.

  25. “Hemm mod aħjar kif titħejji, għaliex fidi kbira ma ddumx ma tiskadi. Nistgħu niddeċiedu li nibqgħu nippersistu li nistudjaw kliem Kristu fl-iskrittura u permezz tat-tagħlim tal-profeti ħajjin. Dan hu li jiena nagħmel. Jien mmur lura għall-Ktieb ta’ Mormon u nixrob minnu b’mod profond u ta’ spiss” (Henry B. Eyring, “Spiritual Preparedness: Start Early and Be Steady,” Liahona, Nov. 2005, 39).

  26. “Għalija, il-qari tal-iskrittura mhijiex xi ħaġa li se twassalni għal xi borża ta’ studju. Pjuttost, hija mħabba kbira li għandi lejn il-kelma tal-Mulej u dik tal-profeti tiegħu. …

    “Ma noqgħodx inħabbel moħħi wisq b’qari ta’ volumi sħaħ ta’ xi kummentarju twil imfassal biex jespandi fuq dak li nsibu fl-iskrittura. Pjuttost, nippreferi ngħaddi ħin mas-sors, induq l-ilmijiet safja tal-sisien tal-verità—il-kelma ta’ Alla kif mogħtija minnu u kif insibuha fil-kotba li aħna naċċettaw bħala skrittura. Permezz tal-qari tal-iskrittura, nistgħu niksbu l-assigurazzjoni tal-Ispirtu li dak li naqaw ġej minn Alla għall-illuminazzjoni, għall-barkiet, u għall-hena ta’ wliedu” (Gordon B. Hinckley, “Feasting upon the Scriptures,” Tambuli, Ġunju 1986, 2, 4).

  27. Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?,” Liahona, Nov. 2017, 62–63.

  28. Ġwanni 1:14.

  29. Ara 1 Nefi 8:30.

  30. “It-triq tal-patt hi l-unika triq li twassal għall-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna” (Russell M. Nelson, “Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali,” Liahona, Mejju 2022, 98).

  31. Ara Alma 5:11–13.