Konferenza Ġenerali
Ngħinu lill-Foqra u lill-Imnikktin
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Ngħinu lill-Foqra u lill-Imnikktin

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu kkommettiet ruħha li sservi lil dawk fil-bżonn, u kkommettiet ruħha wkoll li tikkopera ma’ oħrajn f’dak l-isforz.

Ħuti, il-President maħbub tagħna Russell M. Nelson se jindirizzana aktar tard f’din is-sessjoni. Hu talabni biex inkun l-ewwel kelliem.

Is-suġġett tiegħi llum jikkonċerna dak li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u l-membri tagħha jagħtu u jagħmlu għall-foqra u l-imnikktin. Se nitkellem ukoll dwar dak li jagħtu wkoll nies twajbin oħra. Li nagħtu lil dawk fil-bżonn hu prinċipju fir-reliġjonijiet Abrahamiċi kollha kif ukoll f’oħrajn.

Ftit tax-xhur ilu, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien irrapportat għall-ewwel darba l-kobor tal-ħidma umanitarji dinjija tagħna.1 L-infiq tagħna għas-sena 2021 għal dawk fil-bżonn f’188 pajjiż madwar id-dinja kien jammonta għal 906 miljun dollaru—kważi biljun dollaru. Barra minn hekk, il-membri tagħna offrew ’il fuq minn 6 miljun siegħa ta’ ħidma għall-istess kawża.

Dawk il-figuri huma, bla dubju, rapport mhux komplut tal-għotja u l-għajnuna tagħna. Ma jinkludux is-servizz personali li l-membri tagħna jagħtu individwalment hekk kif huma jimministraw lil xulxin fil-pożizzjonijiet li ġew imsejħin fihom u s-servizz volontarju minn membru għal membru. U r-rapport tagħna għall-2021 ma jsemmi xejn minn dak li l-membri tagħna jagħmlu individwalment permezz ta’ organizzazzjonijiet karitattevoli bla għadd li mhumiex formalment marbutin mal-Knisja tagħna. Se nibda b’dawn.

Fl-1831, anqas minn sentejn wara li ġiet organizzata l-Knisja rrestawrata, il-Mulej ta din ir-rivelazzjoni biex jiggwidaw lill-membri tagħha u, nemmen, lil uliedu kollha, madwar id-dinja:

“Araw, mhux xieraq li jien għandi noqgħod nikkmandakom f’kollox; għax dak li jiġi mġiegħel f’kull ħaġa, huwa qaddej għażżien u mhux għaqli. …

“Fis-sewwa ngħidilkom, li l-bnedmin jaħdmu b’ħerqa għal kawża tajba, u jagħmlu ħafna ħwejjeġ minn jeddhom, u jwettqu bosta għemejjel tajbin;

“Għax fihom tinsab il-qawwa, li permezz tagħha huma aġenti tagħhom infushom. U sakemm il-bnedmin jagħmlu t-tajjeb huma bl-ebda mod ma jitilfu l-premju tagħhom.”2

F’aktar minn 38 sena bħala Appostlu, u ’l fuq minn 30 sena f’impjieg professjonali, jien rajt b’għajnejja bosta sforzi ġenerużi minn organizzazzjonijiet u persuni simili għal dak li din ir-rivelazzjoni tiddeskrivi bħala “kawża tajba” u “jwettqu bosta għemejjel tajbin.” Huma eżempji mhux magħduda ta’ dan it-tip ta’ servizz umanitarju madwar id-dinja, lil hinn mill-fruntieri tagħna u lil hinn mill-għarfien komuni tagħna. Meta nikkontempla dwar dan, jiġi f’moħħi l-profeta tal-Ktieb ta’ Mormon, is-Sultan Benjamin, li d-diskors tiegħu jinkludi din il-verità eterna: “Meta tkunu għas-servizz ta’ għajrkom intom fil-fatt tkunu għas-servizz ta’ Alla tagħkom.”3

Ħafna mill-ħidma ta’ welfer u ta’ servizzi umanitarju lil għajrna hija mgħallma u pprattikata mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u minna bħala l-membri tagħha. Per eżempju, aħna nsumu fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar u nikkontribwixxu għall-anqas l-ekwivalenti tal-ikla li ma niklux biex ngħinu lil dawn fil-bżonn fil-kongregazzjonijiet tagħna. Il-Knisja tagħmel ukoll kontribuzzjonijiet enormi għal ħidma umanitarja u servizz oħra madwar id-dinja.

Minkejja dak kollu li l-Knisja tagħna tagħmel direttament, ħafna mis-servizz umanitarju lil ulied Alla madwar id-dinja jsir minn persuni u organizzazzjonijiet li m’għandhom l-ebda konnessjoni formali mal-Knisja tagħna. Kif osserva wieħed mill-Appostli tagħna: “Alla qed juża aktar minn poplu wieħed biex iwettaq din il-ħidma kbira u tal-għaġeb. … Hi ħidma kbira wisq, diffiċli wisq, biex issir minn xi poplu wieħed.”4 Bħala membri tal-Knisja rrestawrata, jeħtieġ li nkunu aktar konxji u napprezzaw aktar is-servizz ta’ ħaddieħor.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu kkommettiet ruħha li sservi lil dawk fil-bżonn, u kkommettiet ruħha wkoll li tikkopera ma’ oħrajn f’dak l-isforz. M’ilux aħna għamilna għotja kbira għall-Programm Dinji tal-Ikel tal-Ġnus Magħquda. Tul il-bosta għexieren ta’ snin ta’ ħidma umanitarja tagħna, kien hemm żewġ organizzazzjonijiet li spikkaw bħala kollaboraturi ewlenin; proġetti flimkien mal-aġenziji tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f’għexieren ta’ pajjiżi pprovdew lil ulied Alla solliev kruċjali waqt diżastri naturali u kunflitti. Bl-istess mod, aħna ilna ħafna nassistu fis-Servizzi tas-Solliev Kattoliċi. Dawn l-organizzazzjonijiet għallmuna ħafna dwar is-solliev tal-prima klassi.

Kellna wkoll kollaborazzjoni li taw il-frott ma’ organizzazzjonijiet oħra, fosthom il-Muslim Aid, il-Water for People, u l-IsraAID, biex inkun semmejt ftit minnhom. Filwaqt li kull organizzazzjoni umanitarja tispeċjalizza f’xi qasam partikolari, aħna lkoll għandna għan komuni li nnaqqsu t-tbatija li hemm fost ulied Alla. Dan kollu hu parti mill-ħidma ta’ Alla għal uliedu.

Ir-rivelazzjoni moderna tgħallem li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, huwa “l-veru dawl li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja.”5 Permezz t’hekk, l-ulied kollha ta’ Alla jirċievu d-dawl biex iservu lilu u lil xulxin bl-aħjar mod li jafu u li jistgħu.

Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem li “kull ħaġa li tistedinna u tħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb, u nħobbu lil Alla, u naqduh, hija ispirata minn Alla.”6

U tkompli:

“Għax araw, l-Ispirtu ta’ Kristu jingħata lil kull bniedem, sabiex ikun jista’ jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għalhekk, jiena nurikom kif għandkom tiġġudikaw; għaliex dak kollu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb, u li jipperswadikom li temmnu fi Kristu, jasal għandkom bil-qawwa u d-don ta’ Kristu. …

“U issa, ħuti, … intom tafu d-dawl li permezz tiegħu għandkom tiġġudikaw, liema dawl huwa d-dawl ta’ Kristu.”7

Dawn huma xi eżempji ta’ wlied Alla li qed jgħinu lil ulied Alla oħra fl-aktar bżonnijiet importanti tagħhom tal-ikel, tal-kura medika, u t-tagħlim.

Għaxar snin ilu, il-Kandharis, raġel Sikh u martu fl-Emirati Għarab Magħquda, personalment taw bidu għal ħidma meraviljuża biex jitimgħu lil min hu bil-ġuħ. Permezz tat-tempju Sikh ta’ Guru Nanak Darbar, huma bħalissa qed iservu ’l fuq minn 30,000 ikla veġetarjana kull tmiem il-ġimgħa lil dawk kollha li jidħlu mill-bibien tagħhom, irrispettivament ir-reliġjon jew ir-razza. Dott. Kandhari jispjega, “Aħna nemmnu li aħna lkoll ħaġa waħda; aħna wlied Alla wieħed, u qegħdin hawn biex inservu l-umanità.”8

Il-provvista ta’ kura medika u dentali lil dawk fil-bżonn hija eżempju ieħor. F’Chicago, jiena ltqajt ma’ tabib għall-kura kritika, Dott. Zaher Sahloul. Huwa wieħed mill-fundaturi ta’ MedGlobal, li torganizza professjonisti mediċi biex joffru l-ħin, il-ħiliet, l-għarfien, u t-tmexxija tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor fi kriżi, bħal fil-Gwerra Sirjana, fejn Dott. Sahloul poġġa ħajtu f’periklu biex jagħti kura medika lin-nies ċivili. MedGlobal u organizzazzjonijiet simili (fosthom ħafna professjonisti Qaddisin tal-Aħħar Żmien) juruna li Alla jinsab iqanqal nies professjonisti ta’ fidi biex iwasslu s-solliev meħtieġ lill-foqra motivanti.9

Bosta wlied altruwisti ta’ Alla huma involuti wkoll fi sforzi ta’ tagħlim, anki madwar id-dinja. Eżempju tajjeb, li sirna nafu bih permezz tal-isforzi umanitarji tagħna, hu dak li qed jagħmel raġel magħruf bħala s-Sur Gabrijel, li kemm-il darba spiċċa refuġjat minħabba diversi kunflitti. M’ilux huwa osserva li mijiet ta’ eluf ta’ tfal refuġjati fil-Lvant tal-Afrika kienu jeħtieġu l-għajnuna biex iżommu t-tama tagħhom ħajja u moħħhom attiv. Hu organizza għalliema oħra minn fost il-popolazzjoni tar-refuġjati f’dawk li jsejħulhom “skejjel fis-siġar,” li fihom jinġabru t-tfal għal-lezzjonijiet taħt id-dell ta’ siġra. Hu ma qagħadx jistenna lil ħaddieħor biex jorganizza jew imexxi iżda personalment mexxa l-isforzi li pprovdew opportunitajiet ta’ tagħlim lil eluf ta’ tfal tal-iskola tal-primarja waqt is-snin stressanti ta’ spostament.

Bla dubju, dawn it-tliet eżempji ma jfissrux li dak kollu li jgħidu jew jagħmlu ċerti organizzazzjonijiet jew individwi li jiddikjaraw li huma tajbin jew ġejjin minn Alla ifisser li huwa minnu. Dawn l-eżempji juruna li Alla jispira bosta organizzazzjonijiet u individwi biex jagħmlu ħafna tajjeb. Juri wkoll li ħafna aktar fostna għandna nagħrfu t-tajjeb li jwettaq ħaddieħor u nappoġġjawh hekk kif ikollna l-ħin u l-mezzi biex nagħmlu dan.

Dawn huma xi eżempji ta’ servizz li l-Knisja tappoġġja u li l-membri tagħna u nies u organizzazzjonijiet twajba oħra jappoġġjaw ukoll billi joffru l-ħin u l-flus individwali tagħhom:

Nibda bil-libertà reliġjuża. Li nappoġġjaw dan, aħna nkunu qed inservu l-interessi tagħna, kif ukoll l-interessi ta’ reliġjonijiet oħra. Kif għallem l-ewwel President tagħna, Joseph Smith, “Aħna nitolbu li jkollna l-privileġġ li nqimu lil Alla li Jista’ Kollox kif tgħidilna l-kuxjenza tagħna, u nagħtu lill-bnedmin kollha l-istess privileġġ, li huma jkunu ħielsa li jqimu kif, fejn, u lil min iridu huma.”10

Fost eżempji oħra tal-ħidma umanitarja u assistenza oħra mill-Knisja rrestawrata li huma ssapportjati volontarjament mill-membri tagħna hemm l-iskejjel, il-kulleġġi, u l-universitajiet magħrufin tagħna kif ukoll id-donazzjonijiet anqas magħrufa iżda li issa ġew ippubblikati għas-solliev ta’ dawk li qed ibatu minn qerda u spostament minħabba diżastri naturali bħal trombi tal-arja u terrimoti.

Il-lista ta’ attivitajiet karitattevoli oħra li l-membri tagħna jissapportjaw permezz tad-donazzjonijiet u l-isforzi volontarji tagħhom hi twila wisq biex insemmuhom kollha, iżda jekk insemmi biss li ġejjin inkun qed nuri l-varjetà u l-importanza tagħhom: nikkumbattu r-razziżmu u preġudizzji oħra; riċerka dwar kif nipprevjenu u nikkuraw il-mard; ngħinu lil dawk b’xi diżabbiltà; nissapportjaw organizzazzjonijiet ta’ mużika; u ntejbu l-ambjent morali u fiżiku għal kulħadd.

L-isforzi kollha umanitarji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jippruvaw jimxu wara l-eżempju ta’ nies twajbin kif deskritti fil-Ktieb ta’ Mormon: “U b’hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ ġid tagħhom, ma bagħtu ’l hemm lil ħadd li kien għeri, jew bil-ġuħ, jew bil-għatx jew marid, … u huma … taw lil kulħadd b’id miftuħa, miż-żgħir sal-kbir, kemm lill-ilsir kif ukoll lill-ħieles, kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, kemm jekk kienu barra l-knisja jew fil-knisja.”11

Jien nixhed dwar Ġesù Kristu, li d-dawl u l-Ispirtu tiegħu jiggwidaw lill-ulied kollha ta’ Alla biex huma jgħinu lill-foqra u lill-imnikktin madwar id-dinja. F’isem Ġesù Kristu, ammen.