Konferenza Ġenerali
Imxu Wara Ġesù Kristu b’Passi ta’ Fidi
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Imxu Wara Ġesù Kristu b’Passi ta’ Fidi

Kristu jista’ jġorrna llum f’mumenti diffiċli. Hu hekk għamel mal-ewwel pijunieri, u Hu jagħmel dan għal kull wieħed u waħda minna.

Nirringrazzja lill-kor, talli kantajtu “Faith in Every Footstep.” Il-mużika u l-kliem ta’ dik l-għanja ġew miktubin fl-1996 minn Brother Newell Dayley1 bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-150 anniversarju mill-wasla tal-ewwel pijunieri fil-Wied ta’ Salt Lake fl-1847.

Minkejja li din l-għanja nkitbet bi tħejjija għal dik iċ-ċelebrazzjoni, il-messaġġ tagħha japplika għad-dinja kollha.

Minn dejjem għoġobni ħafna r-ritornell:

B’fidi ma’ kull pass, wara Kristu l-Mulej aħna nimxu;

U kollna tama permezz ta’ mħabbtu safja, b’leħen wieħed ilkoll ngħannu.2

Ħuti, jiena nixhed li hekk kif aħna nimxu wara Ġesù Kristu b’passi ta’ fidi, hemm it-tama. Hemm it-tama fil-Mulej Ġesù Kristu. Hemm it-tama għal kulħadd f’din il-ħajja. Hemm it-tama biex negħlbu l-iżbalji tagħna, in-niket tagħna, u t-taqbid tagħna, u l-isfidi tagħna u l-inkwiet tagħna. Hemm it-tama fl-indiema u f’li niġu maħfura u f’li naħfru lil ħaddieħor. Nixhed li hemm it-tama u l-paċi fi Kristu. Hu jista’ jġorrna llum f’mumenti diffiċli. Hu hekk għamel mal-ewwel pijunieri, u Hu jagħmel dan għal kull wieħed u waħda minna.

Din is-sena qed infakkru l-175 anniversarju mill-wasla tal-ewwel pijunieri fil-Wied ta’ Salt Lake, li wasslitni biex nirrifletti fuq l-antenati tiegħi, li wħud minnhom mxew minn Nauvoo sal-Wied ta’ Salt Lake. Jien kelli l-bużnanniet li mxew il-pjanuri f’żgħożithom. Henry Ballard kellu 2 sena;3 Margaret McNeil kellha 13;4 u Joseph F. Smith, li aktar tard sar is-sitt President tal-Knisja, kellu biss 9 snin meta wasal fil-Wied ta’ Salt Lake.5

Huma ffaċċjaw kull tip ta’ deprivazzjoni tul it-trejqa, bħal xtiewi kesħin, mard, u nuqqas ta’ ikel u lbies adegwat. Per eżempju, meta Henry Ballard daħal fil-Wied ta’ Salt Lake, hu feraħ ferm meta ra l-“Art Imwiegħda” iżda beda jibża’ li xi ħadd se jarah għaliex l-ilbies li kien liebes tant kien imqatta’ li lanqas biss kien jgħattilu ġismu għal kollox. Huwa għadda l-jum jistaħba wara l-arbuxxelli sakemm dalam. Imbagħad mar f’dar jittallab għal xi ħaġa x’jilbes ħalli jkun jista’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu u jipprova jsib il-ġenituri tiegħu. Huwa kien grat lejn Alla li kien wasal sad-dar futura tiegħu bla periklu.6

Il-bużnanniet tiegħi mxew wara Ġesù Kristu b’passi ta’ fidi tul l-isfidi kollha tagħhom. Jiena grat għalihom li qatt ma qatgħu qalbhom. Il-passi ta’ fidi tagħhom bierku lili u ġenerazzjonijiet sussegwenti, l-istess kif il-passi ta’ fidi tagħkom illum se jbierku lin-nisel tagħkom.

Il-kelma pijunier hi kemm nom kif ukoll verb. Bħala nom tista’ tfisser persuna li hi fost l-ewwel li tesplora jew li tmur toqgħod f’territorju ġdid. Bħala verb, tista’ tfisser li tiftaħ jew tħejji triq biex jgħaddi minnha ħaddieħor.7

Hekk kif f’moħħi naħseb dwar pijunieri li ħejjew it-triq għal ħaddieħor, jiġi f’moħħi l-ewwel il-Profeta Joseph Smith. Joseph kien pijunier għaliex il-passi ta’ fidi tiegħu wassluh ġo masġar fejn huwa niżel jitlob għarkupptejh u hemm fetaħ għalina t-triq biex ikollna l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-fidi ta’ Joseph li “jistaqsi lil Alla”8 f’dik l-għodwa tar-rebbiegħa tal-1820 fetħet it-triq għar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li fiha kienet tinkludi lil profeti u appostli msejħa biex iservu għal darb’oħra fuq l-art.9 Jiena naf li Joseph Smith hu profeta ta’ Alla. Naf li l-passi mimlijin fidi tiegħu wassluh biex jinżel għarkupptejh fil-preżenza ta’ Alla l-Missier u Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu.

Il-passi ta’ fidi tal-Profeta Joseph wassluh biex hu jkun l-istrument tal-Mulej fil-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon, li hu testment ieħor ta’ Ġesù Kristu u l-grazzja espjatorja tiegħu.

Permezz tal-fidi u l-perseveranza ta’ Joseph Smith meta huwa ffaċċja tbatija u oppożizzjoni inkredibbli, hu kien kapaċi jkun strument f’idejn il-Mulej biex għal darb’oħra titwaqqaf il-Knisja ta’ Ġesù Kristu fuq l-art.

Waqt l-aħħar konferenza ġenerali, jien tkellimt dwar kif jien ġejt imbierek permezz tas-servizz missjunarju full-time tiegħi. Ġejt imbierek hekk kif jien għallimt dwar il-pjan glorjuż tas-salvazzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet, l-Ewwel Dehra ta’ Joseph Smith, u t-traduzzjoni tiegħu tal-Ktieb ta’ Mormon. Dan it-tagħlim irrestawrat u dik id-duttrina rrestawrata ggwidawli l-passi ta’ fidi tiegħi meta ġejt biex ngħallem lil dawk li kienu lesti jisimgħu l-messaġġ tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju.

Il-missjunarji tagħna llum huma pijunieri ta’ żmienna għaliex huma jaqsmu dan il-messaġġ glorjuż ma’ nies minn madwar id-dinja, u b’hekk jiftħu t-triq għal ulied Missierna fis-Smewwiet biex isiru jafu lilu u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Meta wieħed jaċċetta l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa jkun qed jiftaħ għalih it-triq biex huwa jitħejja għall-ordinanzi u l-barkiet tal-Knisja u tat-tempju u biex jirċevhom.

Fl-aħħar konferenza ġenerali, il-President Russell M. Nelson irriafferma “li l-Mulej talab lil kull żagħżugħ denn u kapaċi biex jitħejja u jmur iservi missjoni” u li “missjoni hija wkoll opportunità qawwija” għall-“aħwa nisa żgħażagħ u kapaċi.”10

Għeżież ġuvintur u tfajliet, il-passi ta’ fidi tagħkom jgħinukom timxu wara l-istedina tal-Mulej li sservu missjoni—li tkunu pijunieri ta’ żmienna—billi tifħu t-riq għal ulied Alla biex huma jsibu u jibqgħu fit-triq tal-patt li twasslhom lura lejn il-preżenza glorjuża tiegħu.

Il-President Nelson huwa wieħed mill-pijunieri fil-Knisja. Bħala Appostlu huwa vvjaġġa lejn bosta artijiet, liema artijiet huwa ddedika għax-xandir tal-evanġelju. Ftit wara li huwa sar il-profeta u l-President tal-Knisja, huwa talabna biex “inkabbru l-kapaċità spiritwali tagħna biex nirċievu r-rivelazzjoni.”11 Hu kompla jgħallimna biex insaħħu t-testimonjanzi tagħna. Waqt devozzjonali għall-adulti żgħażagħ, huwa qal:

“Nitlobkom biex tiċċarġjaw it-testimonjanza tagħkom. Aħdmu għaliha. Agħmluha tagħkom. Agħtu kasha. Ħudu ħsiebha ħalli tikber. …

“Imbagħad araw il-mirakli jseħħu f’ħajjitkom.”12

Hu qed jgħallimna kif nistgħu nkunu aktar spiritwalment awto-dipendenti. Hu qal li, “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”13

Jiena nixhed li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ta’ Alla fid-dinja llum.

Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, huwa l-akbar pijunier fit-tħejjija tat-triq. Fil-fatt, Huwa hu “it-triq”14 biex il-pjan tas-salvazzjoni jkun jista’ jiġi fis-seħħ ħalli aħna nkunu nistgħu nindmu u, permezz tal-fidi fih, nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet.

Ġesù qal, “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”15 Hu wegħedna li mhux se jħallina ltiema; Huwa jiġi għandna waqt l-isfidi tagħna .16 Hu stedinna biex “immorru għandu b’impenn sħiħ f’qalbna, u Huwa jfejjaqna.”17

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna u l-Feddej tagħna, l-Avukat tagħna mal-Missier. Missierna fis-Smewwiet fetaħ it-triq għalina biex nerġgħu lura għandu billi nimxu wara Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, b’fidi ma’ kull pass.

Il-bużnanniet tiegħi u pijunieri oħra tal-ewwel żminijiet ffaċċjaw bosta ostakli hekk kif huma ġew bil-mixi u bil-vaguni u bill-karrijiet tal-idejn fil-Wied ta’ Salt Lake. Aħna wkoll se niffaċċjaw ċerti sfidi fil-vjaġġi individwali tagħna tul ħajjitna. Aħna m’aħniex nimbuttaw il-karrijiet jew insuqu l-vaguni mgħottija fuq muntanji għoljin u qalb silġ mill-aktar fond; aħna qed nippruvaw bħalhom negħlbu spiritwalment it-tiġrib u l-isfidi ta’ żmienna. Għandna diversi trejqiet x’nimxu; għandna għandna—u xi kultant muntanji—x’nitilgħu. Minkejja li l-isfidi llum huma differenti minn dawk tal-ewwel pijunieri, mhumiex anqas diffiċli.

Huwa importanti li nimxu wara l-profeta u nżommu riġlejna mħawlin sew fit-triq tal-patt tal-fidi kif għamlu l-ewwel pijunieri.

Ejjew nimxu wara Ġesù Kristu b’fidi ma’ kull pass li nagħmlu. Jeħtieġ inservu lill-Mulej u nservu lil xulxin. Jeħtieġ li nsaħħu lilna nfusna spiritwalment billi nżommu u nonoraw il-patti tagħna. M’għandniex nitilfu s-sens ta’ urġenza fil-ħarsien tal-kmandamenti. Satana jipprova jberred l-impenn tagħna u l-imħabba tagħna lejn Alla u l-Mulej Ġesù Kristu. Jekk jogħġobkom ftakru li jekk xi ħadd kellu jitlef it-triq, aħna qatt ma nkunu mitlufin għas-Salvatur tagħna. Bil-barka tal-indiema, nistgħu nduru lejh. Huwa jgħinna nitgħallmu, nikbru, u ninbidlu hekk kif nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu fit-triq tal-patt.

Jalla nibqgħu nimxu dejjem fil-passi ta’ Ġesù Kristu u, b’fidi ma’ kull pass li nagħmlu, niffokaw fuqu, inżommu riġlejna mħawlin sew fit-triq tal-patt, hija t-talba umli tiegħi f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara K. Newell Dayley, “Faith in Every Footstep,” Ensign, Jan. 1997, 15; Liahona, Fr. 1997, 22–23.

  2. Dayley, “Faith in Every Footstep,” Ensign, Jan. 1997, 15; Liahona, Fr. 1997, 23.

  3. Ara Henry Ballard diary, L. Tom Perry Special Collections, Harold B. Lee Library, Brigham Young University, Provo, Utah, archives.lib.byu.edu/repositories/ltpsc/resources/upb_msssc998.

  4. Ara “A ‘Small Glimpse’ into Pioneer Experiences,” Church News, Ġunju 15, 1996, thechurchnews.com.

  5. Ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), xiv.

  6. Ara Douglas O. Crookston, ed., Henry Ballard: The Story of a Courageous Pioneer, 1832–1908 (1994), 14–15.

  7. Ara Merriam-Webster.com Dictionary, “pioneer.”

  8. Ġakbu 1:5

  9. Ara Joseph Smith—History 1:5-20.

  10. Russell M. Nelson, “Inxandru l-Evanġelju tal-Paċi,” Liahona, Mejju 2022, 6; mneħħija l-enfażi oriġinali.

  11. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.

  12. Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022), broadcasts.churchofJesusChrist.org.

  13. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” 96.

  14. Ġwanni 14:6.

  15. Ġwanni 14:6.

  16. Ara Ġwanni 14:16–18.

  17. 3 Nephi 18:32.

Ipprintja