L-Amministrazzjoni Tagħna tad-Dinja
Hemm barkiet spiritwali kbar imwiegħda lil dawk li jħobbu u jieħdu ħsieb id-dinja u l-bnedmin għajrhom.
M’ilux, waqt żjara li konna qed nagħmlu fi Franza, il-pajjiż li ġejjin minnu, kien ta’ pjaċir kbir għalija u għal marti li nieħdu ftit min-neputijiet tagħna biex jesploraw il-ġnien meraviljuż li hemm fil-belt ċkejkna ta’ Giverny. Ħadna gost nimxu tul il-mogħdijiet tiegħu biex nammiraw il-ġonna bil-fjuri, il-ġilji tal-ilma, u r-riflessjoni tad-dawl fuq l-għadajjar.
Dan il-post meraviljuż huwa r-riżultat tal-passjoni kreattiva ta’ bniedem wieħed: il-pittur kbir Claude Monet, li, għal 40 sena, b’ħlewwa fassal u ħa ħsieb il-ġnien tiegħu biex jagħmlu l-post li fih joqgħod ipitter. Monet intilef fis-sbuħija tal-natura, u wara, permezz tal-pinzell tiegħu, huwa esprima dak li huwa ħass ġo fih permezz tad-daqqiet ta’ kulur u dawl. Mas-snin, huwa ħoloq ġabra straordinarja ta’ mijiet ta’ pitturi, li kienu direttament ispirati mill-ġnien tiegħu.
Ħuti, l-interazzjoni tagħna mas-sbuħija tan-natura ta’ madwarna tista’ tipproduċi xi wħud mill-aktar esperjenzi delizzjużi u li jispirawna fil-ħajja. L-emozzjonijiet li nħossu jinstigaw fina sens profond ta’ gratitudni lejn Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, li ħolqu din id-dinja meraviljuża—bil-muntanji u n-nixxigħat, u pjanti u annimali—u l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva.1
Il-ħidma tal-ħolqien ma seħħitx sempliċiment biex tkun seħħet. Hija parti integrali mill-pjan ta’ Alla għal uliedu. L-għan tagħha hu li tipprovdi post li fih il-bnedmin ikunu jistgħu jiġu ppruvati, jeżerċitaw il-volontà tagħhom, isibu l-hena, u jitgħallmu u javvanzaw ħalli xi darba jkunu jistgħu jerġgħu lura fil-preżenza tal-Ħallieq tagħhom u jirtu l-ħajja eterna.
Dawn il-ħlejjaq meraviljużi ġew imħejjija kompletament għall-benefiċċju tagħna u huma prova ħajja tal-imħabba li għandu għal uliedu l-Ħallieq. Il-Mulej iddikjara, “Iva, kull ħaġa li tiġi fid-dinja … tinħoloq għall-benefiċċju u l-użu tal-bniedem, kemm biex togħġob l-għajn kif ukoll biex tferraħ ir-ruħ.”2
Madankollu, ir-rigal divin tal-Ħolqien iġib miegħu ċerti dmirijiet u responsabbiltajiet. Dawn id-dmirijiet l-aħjar niddiskrivuhom bil-kunċett ta’ amministrazzjoni. F’termini tal-evanġelju, il-kelma amministrazzjoni tindika responsabbiltà sagra spiritwali jew temporali li nieħdu ħsieb ta’ xi ħaġa li hija ta’ Alla, li aħna responsabbli minnha.3
Kif nitgħallmu fl-iskrittura mqaddsa, l-amministrazzjoni tagħna tad-dinja tinkludi l-prinċipji li ġejjin:
L-ewwel prinċipju: Id-dinja kollha, inkluż il-ħajja kollha ta’ ġo fiha, hija ta’ Alla.
Il-Ħallieq fada f’idejna r-riżorsi tad-dinja u kull forma ta’ ħajja, iżda xorta waħda għadhom tiegħu. Huwa qal, “Jien, il-Mulej, frixt is-smewwiet, u bnejt l-art, li huma xogħol idejja; u dak kollu li hemm fihom huwa tiegħi.”4 Dak kollu li hawn fid-dinja huwa ta’ Alla, inkluż il-familji tagħna, il-ġisem tagħna, u saħansitra l-istess ħajjitna.5
It-tieni prinċipju: Bħala amministraturi tal-ħolqien ta’ Alla, aħna għandna dmir li nonorawhom u nieħdu ħsiebhom.
Bħala wlied Alla, aħna ġejna mitluba sabiex inkunu l-amministraturi, il-kustodji, u l-gwardjani tal-ħlejjaq divini tiegħu. Il-Mulej qal li Hu għamel lil “kull bniedem kontabbli, bħala amministratur tal-barkiet fid-dinja, li jiena għamilt u ħejjejt għall-ħlejjaq tiegħi.”6
Missierna fis-Smewwiet jagħtina ċ-ċans nużaw ir-riżorsi tad-dinja skont ir-rieda ħielsa tagħna. Madankollu, il-volontà tagħna m’għandniex ninterpretawha bħala xi liċenzja li permezz tagħha nistgħu nużaw jew nikkunsmaw il-ġid ta’ din id-dinja mingħajr għaqal jew kontroll. Il-Mulej widdeb: “Kien ta’ pjaċir għal Alla li hu ta dan kollu lill-bniedem; għax kien għal dan l-għan li huma nħolqu biex jintużaw b’għaqal, mhux b’mod eċċessiv, u lanqas b’estorsjoni.”7
Il-President Russell M. Nelson darba rrimarka: “Bħala benefiċjarji tal-Ħolqien divin, x’għandna nagħmlu? Għandn nieħdu ħsieb id-dinja, nagħmlu dan b’għaqal, u nippreservawha għal ġenerazzjonijiet futuri.”8
Minn barra li hi sempliċiment neċessità xjentifika jew politika, li nieħdu ħsieb id-dinja u l-ambjent naturali tagħna hija responsabbiltà sagra li ġiet fdata f’idejna minn Alla, ħaġa li għandha timliena b’sens profond ta’ dover u umiltà. Hija wkoll komponent integrali tad-dixxipulat tagħna. Kif nistgħu nonoraw u nħobbu lil Missier fis-Smewwiet u lil Ġesù Kristu mingħajr ma’ nonoraw u nħobbu l-ħlejjaq tagħhom?
Hemm ħafna ħwejjeġ li nistgħu nagħmlu—b’mod kollettiv u individwali—biex inkunu amministraturi tajbin. Hekk kif nikkunsidraw iċ-ċirkustanzi individwali tagħna, ilkoll kemm aħna nistgħu nużaw ir-riżorsi abbundanti tad-dinja b’aktar riverenza u prudenza. Aħna nistgħu nissapportjaw l-isforzi fil-komunità biex nieħdu ħsieb id-dinja. Nistgħu nadottaw stil ta’ ħajja u mġiba personali li jirrispettaw il-ħlejjaq ta’ Alla u nagħmlu mill-postijiet fejn noqogħdu postijiet aktar nodfa, u isbaħ, u li aktar jispirawk.9
L-amministrazzjoni tagħna tal-ħlejjaq ta’ Alla tinkludi wkoll, fl-ogħla turija tagħha, dmir sagru li nħobbu, nirrispettaw, u nieħdu ħsieb tan-nies kollha li qed ngħixu magħhom f’din id-dinja. Huma wlied Alla, ħutna, u l-kuntentizza eterna tagħhom hija l-veru għan tal-ħidma tal-ħolqien.
L-awtur Antoine de Saint-Exupéry qal dan li ġej: Darba waħda, waqt li kien qed jivvjaġġa fuq ferrovija, hu spiċċa bilqiegħda f’nofs grupp refuġjati. Meta ħassu mill-aktar kommoss minħabba d-disperanza li ra fuq wiċċ tfajjel ċkejken, huwa ddikjara: “Meta permezz ta’ mutazzjoni titwieled warda ġdida fi ġnien, il-ġardinara kollha jithennew. Huma jisseparaw il-warda, jieħdu ħsiebha, u jmantnuha. Iżda m’hawn l-ebda ġardinar għall-bnedmin.”10
Ħuti, m’għandniex aħna nkunu l-ġardinara tal-bnedmin għajrna? M’aħniex aħna l-għassiesa ta’ ħuna? Ġesù ordnalna biex inħobbu lil għajrna bħalna nfusna.11 Minn fommu, il-kelma għajrna ma tfissirx sempliċiment xi ħadd qrib tagħna minħabba d-distanza ġeografika, iżda timplika d-distanza lejn qalbna. Tinkludi l-abitanti kollha ta’ din il-pjaneta—irrispettivament jgħixux qrib tagħna jew f’xi pajjiż ’il bogħod, irrispettivament l-oriġni, l-isfond personali, jew iċ-ċirkustanzi tagħhom.
Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna għandna d-dmir solenni li naħdmu qatigħ għall-paċi u l-armonija fost il-ġnus kollha tal-art. Jeħtieġ nagħmlu l-almu tagħna biex nipproteġu u nġibu s-serħan u s-solliev lil min hu dgħajjef u fil-bżonn, u lil dawk kollha li qed ibatu jew li huma oppressi. Fuq kollox, l-akbar rigal ta’ mħabba li nistgħu noffru lil għajrna hu li naqsmu magħhom il-ferħ tal-evanġelju u nistednuhom biex jiġu għand is-Salvatur tagħhom permezz ta’ patti u ordinanzi sagri.
It-tielet prinċipju: Aħna mistiedna nipparteċipaw fil-ħidma tal-ħolqien.
Il-proċess divin tal-ħolqien għadu mhux komplut. Kull jum, il-ħlejjaq ta’ Alla jkompli jikbru, jespandu, u jitkattru. Ħaġa mill-aktar meraviljuża hi li Missierna fis-Smewwiet jistedinna biex nieħdu sehem fil-ħidma kreattiva tiegħu.
Aħna nieħdu sehem fil-ħidma tal-ħolqien kull meta nikkultivaw id-dinja jew inżidu dak li aħna noħolqu fid-dinja—sakemm nibqgħu nuru rispett lejn il-ħlejjaq ta’ Alla. Il-kontribuzzjonijiet tagħna nistgħu nesprimuhom kull meta noħolqu xi opra ta’ arti, arkitettura, mużika, letteratura, u kultura, li jsebbħu l-pjaneta tagħna, jagħtu ħajja lis-sensi tagħna, u jdawlu ħajjitna. Aħna nikkontribwixxu wkoll permezz ta’ skoperti xjentifiċi u mediċi li jippreservaw id-dinja u l-ħajja ta’ fuqha. Il-President Thomas S. Monson ġabar dan il-kunċett permezz ta’ dan il-kliem sabiħ: “Alla ħalla d-dinja għadha mhux lesta ħalli l-bniedem ikun jista’ juri l-ħiliet tiegħu … ħalli l-bniedem ikun jista’ jesperjenza l-hena u l-glorja tal-ħolqien.”12
Fil-parabboli ta’ Ġesù tat-talenti, meta l-imgħallem ġie lura mill-vjaġġ tiegħu, huwa faħħar u ppremja ż-żewġ qaddejja li kabbru u kattru t-talenti tagħhom. B’kuntrast għal dan, lill-qaddej li mar jaħbi fl-art l-uniku talent tiegħu Huwa sejjaħlu “ma jiswa għal xejn,” u ħadlu saħansitra dak li kien irċieva.13
Bl-istess mod, l-irwol tagħna bħala amministraturi tal-ħlejjaq tad-dinja mhuwiex biss li nikkonservawhom jew nippreservawhom. Il-Mulej jistenna minna li naħdmu b’diliġenza, kif immexxija mill-Ispirtu Qaddis tiegħu, biex inkabbru, insebbħu, u intejbu r-riżorsi li Hu fada f’idejna—mhux biss għall-benefiċċju tagħna iżda biex inbierku lil ħaddieħor.
Fost il-kisbiet kollha tal-bniedem, xejn mhu akbar mill-esperjenza li nsiru ħallieqa sħab ma’ Alla f’li nagħtu l-ħajja jew f’li ngħinu lit-tfal jitgħallmu, jikbru, u jirnexxu—kemm fl-irwol tagħna bħala ġenituri, għalliema jew mexxejja, kif ukoll f’kwalunkwe rwol ieħor. M’hemm l-ebda amministrazzjoni aktar sagra, aktar sodisfaċenti, u fl-istess ħin aktar impenjattiva, minn dk li nkunu ġenituri flimkien mal-Ħallieq tagħna fejn nipprovdu ġisem fiżiku għall-ulied spirti tiegħu u mbagħad ngħinuhom jilħqu l-potenzjal divin tagħhom.
Ir-responsabbiltà ta’ ħallieqa sħab isservi biex aħna niftakru kontinwament li l-ħajja u l-ġisem ta’ kull persuna huma sagri, li huma biss ta’ Alla u ta’ ħadd iżjed, u lilna Hu għamilna gwardjani biex nirrispettawhom, nipproteġuhom, u nieħdu ħsiebhom. Il-kmandamenti ta’ Alla, li jmexxu l-qawwiet tal-prokreazzjoni u t-twaqqif ta’ familji eterni, jiggwidawna f’din l-amministrazzjoni qaddisa, li hija kruċjali għall-pjan tiegħu.
Ħuti, jeħtieġ nagħrfu li kollox hu spiritwali għall-Mulej—inkluż l-aktar aspetti temporali ta’ ħajjitna. Jiena nixhed li hemm barkiet spiritwali kbar imwiegħda lil dawk li jħobbu u jieħdu ħsieb id-dinja u l-bnedmin għajrhom. Hekk kif tibqgħu fidili f’din l-amministrazzjoni sagra u tonoraw il-patti eterni tagħkom, intom tikbru fl-għarfien ta’ Alla u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, u tħossu l-imħabba tagħhom u l-influwenza tagħhom b’aktar abbundanza f’ħajjitkom. Dan kollu jħejjikom biex tgħammru magħhom u tirċievu aktar qawwa kreattiva14 fil-ħajja li jmiss.
Fi tmien din l-eżistenza mortali, l-Imgħallem jitlobna rendikont tal-amministrazzjoni sagra tagħna, inkluż kif ħadna ħsieb tal-ħlejjaq tiegħu. Nitlob li f’dak il-waqt aħna nisimgħu l-kliem kollu mħabba tiegħu jfesfes f’qalbna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.”15 F’isem Ġesù Kristu, amen.