Dixxipulat Dejjiemi
Aħna nistgħu nsibu l-kunfidenza spiritwali u l-paċi hekk kif inrawmu drawwiet qaddisa u rutini xierqa li jistgħu isostnu u jkebbsu n-nirien tal-fidi tagħna.
Matul is-sajf li għadda, iktar minn 200,000 fost iż-żgħażagħ tagħna madwar id-dinja kibru fil-fidi matul waħda mill-mijiet ta’ sessjonijiet ta’ ġimgħa tal-konferenzi Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, jew GħSŻ. Hekk kif għadna ħerġin mill-iżolament tal-pandemija, għal ħafna minna kien att ta’ fidi fil-Mulej il-fatt biss li attendejna. Ħafna mill-parteċipanti żgħażagħ dehru li qed isegwu ark simili lejn konverżjoni iktar profonda. Fl-aħħar tal-ġimgħa tagħhom, kont nieħu gost insaqsi, “Allura, kif kienet?”
Xi drabi qalu xi ħaġa hekk: “Ngħidlek il-verità, nhar it-Tnejn kont verament irrabjat għal ommi għax hi ġegħlitni niġi hawn. U ma kont naf lil ħadd. U ma ħsibtx li kienet xi ħaġa adattata għalija. U ma kont se nkun ma’ ebda ħbieb tiegħi. … Iżda issa wasal il-Ġimgħa, u nixtieq ħafna li nibqa’ hawn. Nixtieq inħoss l-Ispirtu f’ħajti. Irrid ngħix kif għixt hawn.”
Ilkoll kemm huma għandhom l-istejjer individwali tagħhom x’jirrakkontaw tal-mumenti ta’ kjarezza u ta’ doni spiritwali jinfirxu fihom u jġorruhom tul dak l-ark tat-tkabbir. Jien ukoll seħħet bidla fija b’dan is-sajf tal-ĠħSŻ peress li rajt l-Ispirtu ta’ Alla jirrispondi bla heda għax-xewqat ġusti tal-qlub individwali ta’ dawn l-għadd kbir ta’ żgħażagħ li lkoll sabu l-kuraġġ li jafdaw fih matul ġimgħa taħt il-ħarsien tiegħu.
Bħal bastimenti tal-azzar jiddu fuq il-baħar, aħna ngħixu f’ambjent spiritwalment korrużiv fejn il-konvinzjonijiet l-iktar ileqqu jridu jinżammu bl-ikbar reqqa, għax inkella jistgħu jingirfu, imbagħad jissaddu, u fl-aħħar jitmermru.
X’Tip ta’ Affarjiet Nistgħu Nagħmlu biex Inżommu Mkebbes in-Nar tal-Konvinzjonijiet Tagħna?
Esperjenzi bħal konferenzi tal-GħSŻ, kampijiet, laqgħat tas-sagrament, u missjoni, jistgħu jgħinu biex nillustraw it-testimonjanzi tagħna, hekk kif jeħduna tul arki ta’ tkabbir u skopertà spiritwali sa postijiet ta’ paċi relattiva. Iżda x’irridu nagħmlu biex nibqgħu hemm u nibqgħu “mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu”(2 Nefi 31:20) minflok niżżerżqu lura? Jenħtieġ li nibqgħu nagħmlu dawk l-affarjiet li ġabuna hemm l-ewwel darba, per eżempju nitolbu ta’ spiss, naħslu lilna nfusna bl-iskrittura, u nservu b’mod sinċier.
Għal xi wħud minna, forsi se jkollna bżonn neżerċitaw il-fiduċja tagħna fil-Mulej anki biex nattendu laqgħa tas-sagrament. Iżda la darba nkunu ninsabu hemmhekk, l-influwenza tal-fejqan tas-sagrament tal-Mulej, infużjonijiet tal-prinċipji tal-evanġelju, u t-trawwim tal-komunità tal-knisja jistgħu jibagħtuna lura d-dar fuq livell ogħla spiritwalment.
Minn Fejn Tiġi l-Qawwa li Ninġabru Flimkien Fiżikament?
Fl-GħSŻ, iktar minn mitejn elf żagħżugħ u żagħżugħa minn fost iż-żgħażagħ tagħna waslu biex għarfu aħjar lis-Salvatur billi użaw formula sempliċi li jingħaqdu flimkien fejn tnejn jew iktar nġabru f’Ismu (ara Mattew 18:20), filwaqt li jingaġġaw ruħhom fl-evanġelju u fl-iskrittura, ikantaw flimkien, jitolbu flimkien, u jsibu l-paċi fi Kristu. Din hija preskrizzjoni qawwija għal qawmien spiritwali.
Dan il-grupp ta’ aħwa rġiel u nisa li ġejjin minn diversi nħawi issa mar lura d-dar biex jidditermina x’ifisser li tibqa’ “tafda fil-Mulej” (Proverbji 3:5; tema żgħażagħ 2022) meta tkun qed tinġarr mill-kakofonija ta’ dinja sfrenata. Altru “isimgħuh” (Joseph Smith—History 1:17) f’xi post ta’ kontemplazzjoni kwiet bl-iskrittura miftuħa beraħ quddiemkom. Imma ħaġa oħra li nġorru d-dixxipulat tagħna f’din il-mixegħla mortali ta’ distrazzjonijiet, fejn irridu nistinkaw biex “nisimgħuh”, anki permezz tal-vista mċajpra ta’ awto-stima u kunfidenza tbatti. Ngħiduha kif inhi: mhumiex inqas minn eroj iż-żgħażagħ tagħna meta jagħtu ruħhom u ġisimhom biex jieqfu kontra it-tregħid morali kontinwu ta’ żmienna.
X’Jistgħu Jagħmlu l-Familji d-Dar biex Jibnu fuq il-Momentum Maħluq fl-Attivitajiet tal-Knisja?
Jiena darba servejt bħala r-raġel tal-president tat-Tfajliet tal-wited. Lejla minnhom ingħatajt il-kompitu biex nirranġa l-galettini fil-fojer waqt li marti kienet qed tmexxi serata ta’ tagħlim fil-kappella għall-ġenituri u wliedhom li kienu qed jitħejjew biex jattendu kamp tat-Tfajliet il-ġimgħa ta’ wara. Wara li spjegat fejn se jiltaqgħu u x’għandhom iġibu magħhom, hija qalet, “Issa, it-Tlieta filgħodu, meta twasslu lill-bniet grazzjużi tagħkom sal-kowċ, għannquhom waħda kbira magħkom. U agħtuhom bewsa tal-aħħar—għaliex mhumiex se jiġu lura.”
Smajt lil xi ħadd jisgħol maħnuq, u mill-ewwel irrealizzajt li kont jien stess. “Mhumiex ġejjin lura?”
Iżda mbagħad kompliet, “Meta se twasslu dawk it-tfajliet żgħar it-Tlieta filgħodu, huma se jħallu warajhom id-distrazzjonijiet ta’ affarjiet inqas importanti u ħa jqattgħu ġimgħa flimkien jitgħallmu u jikbru u jafdaw fil-Mulej. Aħna se nitgħallmu flimkien, u se nkantaw, u nsajru, u inservu flimkien u naqsmu testimonjanzi ma’ xulxin u nagħmlu affarjiet li jippermettulna li nħossu l-Ispirtu tal-Missier fis-Smewwiet, matul il-ġimgħa kollha, sakemm dan kollu jinfed fina sal-għadam stess. U s-Sibt, it-tfajliet li se taraw neżlin mill-kowċ mhumiex se jkunu l-istess li ħa tkunu wassaltu t-Tlieta. Huma se jkunu kreaturi ġodda. U jekk tgħinuhom ikomplu minn dak il-pjan ogħla, huma jaslu biex jgħaġġbukom. Huwa jkomplu jinbidlu u jikbru. U l-istess ħa jiġrilha l-familja tagħkom.”
U meta wasal is-Sibt, ġara eżatt kif kienet bassret. Jien u ngħabbi t-tined, smajt leħen marti mill-amfiteatru żgħir qalb is-siġar fejn it-tfajliet kienu nġabru qabel ma telqu lejn d-dar. Smajtha tgħidilhom, “Ara fejnhom! Ilna nistennewkom il-ġimgħa kollha. It-tfajliet tagħna tas-Sibt.”
Iż-żgħażagħ sodi ta’ Sijon qed jivvjaġġaw fi żminijiet straordinarji. Li jsibu l-ferħ fid- dinja ta’ tfixkil imbassar bla ma jsiru parti mid- dinja, bl-inkompetenza tagħha li tara l-importanza tal-qdusija, hija l-isfida partikolari tagħhom. Madwar mitt sena ilu, G. K. Chesterton tkellem daqslikieku kien qed jara din it-tfittxija ċċentrata madwar id-dar u ssapportjata mill-Knisja meta qal, “Jeħtieġ li nħossu l-univers kemm bħala l-kastell tal-ġgant, li rridu nirbħuh, u fl-istess ħin bħala l-għorfa tagħna, fejn nistgħu nirritornaw fiha kull filgħaxija” (Orthodoxy [1909], 130).
Għall-grazzja t’Alla, m’għandhomx bżonn joħorġu għall-battalja waħedhom. Huma għandhom lil xulxin. U huma għandhom lilek. U huma jimxu wara profeta ħaj, il-President Russell M. Nelson, li jmexxi bl-ottimiżmu ċert ta’ veġġent meta jipproklama li l-ikbar sforz ta’ dawn iż-żminijiet—il-ġabra ta’ Iżrael—se tkun kemm grandjuża u majestuża (ara “Hope of Israel” [devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018], HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org).
Dan is-sajf, jien u marti Kalleen konna qed inbidlu l-ajruplan f’Amsterdam fejn, ħafna snin qabel, jien kont missjunarju ġdid. Wara li kont qattajt xhur sħaħ nitħabat niex nitgħallem l-Olandiż, l-ajruplan tal-KLM tagħna kienet wasal biex jillendja, u l-kaptan annuzja xi ħaġa bilkemm tinstema’ fuq is-sistema PA. Wara mument ta’ silenzju, is-sieħba tiegħi qalet minn taħt l-ilsien, “Naħseb bl-Olandiż tkellem.” Ħarisna minn taħt lejn xulxin, u qrajna l-ħsieb ta’ xulxin: Xejn ma kien inftiehem.
Iżda mhux kollox kien mitluf. Jien u nistagħġeb dwar il-qabżiet ta’ fidi li konna għamilna hekk kif mxejna mill-ajruport fi triqitna għall-mirakli li kellhom jinżlu bħal xita fuqna bħala missjunarji, minnufih kont miġjub lura fil-preżent minn missjunarju ħaj, jieħu n-nifs, li kien tiela’ l-ajruplan biex imur lura d-dar. Huwa introduċa ruħu u staqsa, “President Lund, x’għandi nagħmel issa? X’għandi nagħmel biex nibqa’ b’saħħti?”
Infatti, din hija l-istess mistoqsija li hi fuq moħħ iż-żgħażagħ tagħna meta jħallu l-konferenzi tal-GħSŻ, il-kampijiet taż-żgħażagħ, u vjaġġi lejn it-tempju, u kull darba li jħossu l-qawwiet tas-smewwiet: “Li nħobb lil Alla kif jista’ jinbidel f’dixxipulat dejjiemi?”
Ħassejt żieda qawwija ta’ mħabba għal dan il-missjunarju b’għajnejh ċari huwa u jservi l-aħħar sigħat tal-missjoni tiegħu, u f’dak is-skiet momentarju tal-Ispirtu jien smajt leħni jikser il-ħemda u sempliċiment jgħid, “M’għandekx għalfejn tilbes il-beġġ biex iġġorr ismu fuqek.”
Jien xtaqt inpoġġi idi fuq spallejh u ngħidlu, “Ħa ngħidlek x’għandek tagħmel. Mur id-dar, u ibqa’ hekk. Tant inti tajjeb li kważi tiddi fid-dlam. Id-dixxiplina u s-sagrifiċċji tal-missjoni għamluk iben manjifiku ta’ Alla. Ibqa’ għamel id-dar dak li mar tant tajjeb għalik hawnhekk. Int tgħallimt titlob u lil min għandek titlob u l-lingwa tat-talb. Int studjat il-kelma tiegħu u sirt tħobb lis-Salvatur billi ppruvajt tkun bħalu. Int ħabbejt lill-Missier fis-Smewwiet bħalma Hu ħabb lill-Missieru, servejt lill-oħrajn bħalma Hu serva lill-oħrajn, u għext il-kmandamenti bħalma għexhom Hu—u meta m’għamiltx hekk, inti ndimt. Id-dixxipulat tiegħek mhuwiex biss slogan fuq T-shirt—huwa sar parti minn ħajtek mgħajxa b’għan għall-oħrajn. Mela, mur id-dar u agħmel hekk. Kun hekk. Ġorr dan il-momentum spiritwali għall-kumplament ta’ ħajtek.”
Jien naf li, meta nafdaw fil-Mulej Ġesù Kristu u fit-triq tal-patt tiegħu, aħna nistgħu nsibu l-kunfidenza u l-paċi spiritwali hekk kif inrawmu drawwiet qaddisa u rutini xierqa li jistgħu isostnu u jkebbsu n-nirien tal-fidi tagħna. Jalla li aħna dejjem nibqgħu noqorbu lejn n-nirien li jsaħħuna u, jiġri x’jiġri, nibqgħu nagħmlu dan. F’isem Ġesù Kristu, ammen.