Ħalli Li Nagħmlu t-Tajjeb Ikun in-Normal Tagħna
Jekk aħna nkunu sodi u immobbli meta nagħmlu t-tajjeb, id-drawwiet tagħna jgħinuna nibqgħu fit-triq tal-patt.
Jiena dejjem grat għall-essajnments tiegħi fil-Knisja li ħaduni biex ngħix f’pajjiżi differenti. F’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi sibna diversità kbira u nies straordinarji b’drawwiet u tradizzjonijiet differenti.
Aħna lkoll għandna drawwiet u tradizzjonijiet personali, mill-familja tagħna, jew mill-komunità li fiha ngħixu, u nittamaw li nżommu dawk kollha li huma f’armonija mal-prinċipji tal-evanġelju. L-edifikazzjoni tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet hija fundamentali għall-isforzi tagħna li nibqgħu fit-triq tal-patt, u dawk li huma ta’ ostaklu, għandna nwarrbuhom.
Drawwa hija l-prattika jew il-mod ta’ ħsieb frekwenti u abitwali għal persuna, kultura, jew tradizzjoni. Ħafna drabi, il-ħwejjeġ li naħsbu u nagħmlu b’mod abitwali aħna nagħrfuhom bħala normal.
Ippermettuli nagħti eżempju ta’ dan: Patricia, marti l-għażiża, tħobb tixrob l-ilma tal-coconut u mbagħad tiekol il-coconut. Waqt l-ewwel żjara tagħna fi Puebla, il-Messiku, aħna morna f’post fejn xtrajna coconut. Wara li xorbot l-ilma, marti talbithom biex iqattgħu l-ġewż u jġibulha l-laħam tal-coconut biex tieklu. Meta ġabuh, kien aħmar. Kienu xerrdu ċ-ċili fuqu! Coconut ħelwa biċ-ċili! Dan deher verament stramb għalina. Iżda aktar tard tgħallimna li l-istrambi konna marti ju jien, li ma konniex nieklu l-coconut biċ-ċili. Fil-Messiku, madankollu, dan mhux xi ħaġa rari; huwa normali ħafna.
F’okkażjoni oħra konna qed nieklu l-Brażil ma’ xi ħbieb, u huma servewna l-avokado. Eżatt kif konna se nxerrdu l-melħ fuqha, ħbiebna qalulna, “X’qed tagħmlu? Aħna diġà tfajna z-zokkor fuq l-avokado!” Avokado biz-zokkor! Dan deher verament ħaġa stramba għalina. Iżda mbagħad tgħallimna li l-istrambi konna marti u jien, li ma niklux l-avokado biz-zokkor. Fil-Brażil, l-avokado biz-zokkor huwa n-normal.
Dak li hu n-normal għal xi wħud jista’ jkun stramb għal ħaddieħor, skont id-drawwiet u t-tradizzjonijiet tagħhom.
Liema drawwiet u tradizzjonijiet huma normali f’ħajjitna?
Il-President Russell M. Nelson qal: “Illum spiss nisimgħu dwar ‘normal ġdid.’ Jekk tridu verament ikollkom normal ġdid, nistedinkom biex iddawru qalbkom, moħħkom, u ruħkom dejjem lejn Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Ħa jkun dan in-normal l-ġdid tagħkom” (“A New Normal,” Liahona, Nov. 2020, 118).
Din l-istedina hija għal kulħadd. Ma jimpurtax jekk aħniex foqra jew sinjuri, nies ta’ skola jew le, xjuħ jew żgħażagħ, morda jew f’saħħitna. Huwa jistedinna biex inħallu l-ħwejjeġ normali f’ħajjitna jkunu dawk li jgħinuna nżommuna fit-triq tal-patt.
L-ebda pajjiż ma fih it-totalità ta’ dak li hu tajjeb jew ammirabbli. Għalhekk, kif għallmu Pawlu u l-Profeta Joseph Smith:
“Jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, li jisħoqqilha l-ġieħ jew li ħaqqha t-tifħir, aħna nfittxuha” (Artikli tal-Fidi 1:13).
“Jekk ikun hemm xi tifħir, aħsbu dwar dawn il-ħwejjeġ” (Filippin 4:8).
Innotaw li din hija eżortazzjoni, mhux sempliċiment kummentarju.
Nixtieq li lkoll kemm aħna nsibu mument li fih nimmeditaw fuq id-drawwiet tagħna u l-mod kif qed jinfluwenzaw il-familji tagħna.
Fost id-drawwiet meraviljużi li għandhom ikunu n-normal għall-membri tal-Knisja hemm dawn l-erbgħa:
-
L-istudju personali u tal-familja tal-iskrittura. Biex issir ikkonvertita għall-Mulej Ġesù Kristu, kull persuna hija responsabbli biex titgħallem l-evanġelju. Il-ġenituri huma responsabbli biex jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom (ara Doctrine and Covenants 68:25; 93:40).
-
It-talb personali u tal-familja. Is-Salvatur jordnalna biex nitolbu dejjem (ara Doctrine and Covenants 19:38). It-talb jagħtina ċ-ċans li nikkomunikaw personalment ma’ Missierna fis-Smewwiet f’isem Ibnu, Ġesù Kristu.
-
Attendenza għal-laqgħa tas-sagrament ta’ kull ġimgħa (ara 3 Nephi 18:1–12; Moroni 6:5–6). Aħna nagħmlu dan biex niftakru f’Ġesù Kristu hekk kif aħna nieħdu s-sagrament. F’din l-ordinanza l-membri tal-Knisja jġeddu l-patt tagħhom li jieħdu fuqhom infushom isem is-Salvatur, li dejjem jiftakru fih u li jżommu l-kmandamenti tiegħu (ara Doctrine and Covenants 20:77, 79).
-
Parteċipazzjoni frekwenti fil-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja. Din il-ħidma hija l-mezz biex il-familji jingħaqdu u jiġu ssiġillati għall-eternità (ara Doctrine and Covenants 128:15).
Kif inħossuna meta nisimgħu dawn l-erba’ ħwejjeġ? Huma parti minn ħajjitna?
Hemm bosta tradizzjonijiet oħra li jistgħu jkunu parti min-normalità li aħna adottajna, u b’hekk nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna.
Kif nistgħu niddeterminaw x’se jkunu l-ħwejjeġ normali f’ħajjitna u fil-familja tagħna? Fl-iskrittura nsibu mudell kbir; f’ Mosija 5:15 li jgħid, “Nitlobkom sabiex iżżommu sħiħ u ma titħarrkux, u tħabirku dejjem f’għemejjel tajba,.”
Jiena nħobb dan il-kliem għaliex naf li l-ħwejjeġ li jsiru n-normal f’ħajjitna huma dawk li aħna nerġgħu nirrepetu ripetutament Jekk aħna nkunu inżommu sħiħ u ma nitħarrkux, meta nagħmlu t-tajjeb, id-drawwiet tagħna jkunu skont il-prinċipji tal-evanġelju u huma jgħinuna nibqgħu fit-triq tal-patt.
Il-President Nelson ta dan il-parir ukoll: “Ħaddnu n-normal il-ġdid tagħkom billi tindmu kuljum. Fittxu li tkunu dejjem aktar safja fil-ħsieb, fil-kelma, u fl-għemil. Imministraw lil ħaddieħor. Araw li jkollkom dejjem perspettiva eterna. Kabbru s-sejħiet tagħkom. U jkunu xi jkunu l-isfidi tagħkom, għeżież ħuti, għixu kull jum b’tali mod li intom tkunu aktar preparati biex tiltaqgħu mal-Ħallieq tagħkom” (“A New Normal,” 118).
Issa m’għadhiex xi ħaġa insolita għal marti, Patricia, jew għalija li nieklu coconut biċ-ċili u avokado biz-zokkor—fil-fatt, aħna nħobbu nagħmlu dan. Madankollu, l-eżaltazzjoni hija xi ħaġa ferm aktar traxxendenti minn sens ta’ togħma; huwa suġġett relatat mal-eternità.
Nitlob li n-normalità tagħna tippermettilna nesperjenzaw dak l-istat ta’ “ferħ bla tmiem” (Mosija 2:41) li huwa mwiegħed lil dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla u li, filwaqt li nagħmlu dan, aħna nkunu kapaċi ngħidu, “U ġara li aħna għexna b’mod kuntent” (2 Nefi 5:27).
Ħuti, jiena nixhed dwar il-15-il raġel li aħna nsostnu bħala profeti, bassara u rivelaturi, inkluż il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. Jiena nixhed li Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija vera. Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, f’isem Ġesù Kristu, ammen.