Konferenza Ġenerali
Mozzjonijiet ta’ Nar Moħbi
konferenza ġenerali April 2024


Mozzjonijiet ta’ Nar Moħbi

Alla jisma’ kull talba li aħna noffru u jwieġeb għal kull waħda skont it-triq li hu fassal għall-perfezzjoni tagħna.

Ħuti, mill-aħħar darba li jien tkellimt minn quddiem dan il-pulptu f’Ottubru tal-2022, jien tgħallimt lezzjoni mill-aktar diffiċli. Il-lezzjoni hi din: Jekk id-diskors li tagħmel ma jkunx aċċettabbli, taf tinżamm tagħmel diskors ieħor għal bosta konferenzi li jkun imiss. Kif qed taraw ġejt mitlub biex nitkellem kmieni f’din is-sessjoni. Li ma tistgħux taraw hu li jien ninsab wieqaf fuq bieba li tinsab taħti b’lukkett mill-aktar delikat. Jekk dan id-diskors ma jinżilx tajjeb, se jgħaddu numru ta’ konferenzi qabel ma nerġa’ narakom.

Fl-ispirtu ta’ dik l-għanja mill-isbaħ minn dan il-kor mill-isbaħ, m’ilux jien tgħallimt ċerti lezzjonijiet li, bl-għajnuna tal-Mulej, nixtieq naqsam magħkom illum. B’hekk dan id-diskors huwa wieħed mill-aktar personali.

L-aktar esperjenza personali u diffiċli li kelli dan l-aħħar kienet il-mewt tal-maħbuba marti, Pat. Hija kienet l-aqwa mara li qatt kont naf—mara u omm perfetta, biex ma nsemmix is-safà, id-don tagħha tal-espressjoni, u l-ispiritwalità tagħha. Darba hi għamlet diskors bl-isem “Nilħaq il-Potenzjal Tiegħek.” Għalija jidher li hi laħqet il-potenzjal tagħha ferm aktar milli wieħed jista’ jaħseb li hu possibbli. Hija kienet bint kompluta ta’ Alla, mara eżemplari ta’ Kristu. Jiena raġel mill-aktar fortunat li għaddejt 60 sena minn ħajti magħha. Jekk jiena ninsab den, is-siġill tagħna jfisser li jien nista’ nqatta’ l-eternità kollha magħha.

Esperjenza oħra rat il-bidu tagħha 48 siegħa wara dfinna l-marti. Dakinhar, daħluni malajr l-isptar fi stat mediku mill-aktar kritiku. Imbagħad jien għaddejt l-ewwel erba’ ġimgħat minn sitt ġimgħat l-isptar dieħel u ħiereġ fit-taqsima tal-kura intensiva, fejn mument kont inkun konxju u l-mument ta’ wara ma nkunx.

Virtwalment l-esperjenza tiegħi kollha ġo l-isptar f’dak l-ewwel perjodu ma niftakar xejn minnha. Dak li ma nsejtx hija l-memorja tiegħi tal-vjaġġ barra l-isptar, li ħadni sat-tarf tal-eternità. Hawnhekk ma nistax nitkellem fuq l-esperjenza kollha, iżda nista’ ngħid ftit minn dak li rċevejt bħala twissija biex nerġa’ lura għall-ministeru tiegħi b’urġenza akbar, b’konsagrazzjoni akbar, u biex niffoka aktar fuq is-Salvatur, u jkolli aktar fidi fil-kelma tiegħu.

Nista’ ngħid li ħassejt li kont qed nirċievi l-verżjoni personali tiegħi ta’ rivelazzjoni mogħtija lit-Tnax kważi 200 sena ilu:

“Intom se tkunu xhieda ta’ ismi … [u] se xxandru kelmti ma’ truf l-art. …

“… Għodwa wara għodwa; u jum wara jum widdbu lin-nies billi ssemmgħu leħinkom; u meta jasal il-lejl l-abitanti tal-art tħalluhomx jorqdu, minħabba d-diskors tagħkom. …

“Qumu[,] … erfgħu salibkom u imxu warajja.”1

Għeżież ħuti, minn dik l-esperjenza ’l hawn, jiena ppruvajt biex b’ħerqa akbar nerfa’ salibi, b’determinazzjoni akbar li ngħolli l-leħen appostoliku ta’ mħabba u twissja kemm mal-għodwa kif ukoll mal-lejl.

Dan iwassalni għat- tielet verità li jien ksibt f’dawk ix-xhur ta’ telfien, mard, u tbatija. Dan kien xhieda li mlietni bi gratitudni mill-aktar kbira għat-talb determinat tal-membri ta’ din il-Knisja—talbkom—li minnu jien ibbenifikajt. Jien għal dejjem grat għat-talb ta’ eluf ta’ nies li, bħall-armla persistenti,2 kontinwament fittxew l-intervent tas-smewwiet f’ismi. Jiena rċevejt barkiet tas-saċerdozj u rajt lil dawk li kienu miegħi fil-klassi tal-iskola sekondarja jsumu għalija, l-istess kif għamlu għadd ta’ oqsma madwar il-Knisja. U ismi spiċċa fuq ir-reġistru tat-talb ta’ prattikament kull tempju fil-Knisja.

Bi gratitudni profonda għal dan kollu, jien ningħaqad ma’ G.K. Chesterton, li darba qal “li r-ringrazzjament huwa forma ta’ ħsieb; u … l-gratitudni hija kuntentizza mmultiplikata bil-meravilja.”3 Bil-“kuntentizza mmultiplikata bil-meravilja,” jien nirringrazzja lilkom ilkoll u nirringrazzja lil Missieri fis-Smewwiet, li sema’ t-talb tagħkom u berikli ħajti.

Ħuti, jiena nixhed li Alla jisma’ kull talba li aħna noffru u jwieġeb għal kull waħda skont it-triq li hu fassal għall-perfezzjoni tagħna. Jiena nagħraf li tista’ tgħid fl-istess ħin kienu ħafna li kienu qed jitolbu biex nieħu saħti lura mill-ġdid, u numru ta’ nies oħra daqshom—inkluż jien—konna qed nitolbu biex marti tieħu saħħitha lura mill-ġdid. Nixhed magħkom li kemm talba u kemm oħra ġew mismugħa u mwieġba minn Missier fis-Smewwiet mimli ħniena divina, anke jekk il-talb għal Pat ma kienx imwieġeb bil-mod li tlabt jien. Alla biss jaf għalfejn it-talb jiġi mwieġeb b’mod differenti milli nittamaw—iżda jien inwegħidkom li talbna jiġi mismugħ, u jiġi mwieġeb skont l-imħabba bla limitu u l-orarju kożmiku tiegħu.

Jekk aħna “ma nitolbux ħażin,”4 m’hemmx limitu dwar meta, fejn jew dwar xiex għandna nitolbu. Skont ir-rivelazzjonijiet, aħna għandna “nitlobu dejjem.”5 Amuleki qal li għandna nitlobu għal “dawk ta’ madwarkom,”6 u nemmnu li “t-talba tal-bnedmin ġusti magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira.”7 Aħna għandna nsemmgħu leħinna meta nitolbu u jkollna l-privatezza li nagħmlu dan.8 Jekk din ma tkunx ħaġa prattika, għandna nagħmlu dan fis-skiet ta’ qalbna.9 Aħna nkantaw li talbna huwa “mozzjonijiet ta’ nar moħbi,”10 u dejjem għandna noffruh, skont is-Salvatur innifsu, lill-Missier Etern f’isem ibnu l-Waħdieni.11

Għeżież ħuti, talbna hu l-aktar siegħa ħelwa tagħna,12 l-aktar “xewqa sinċiera” tagħna,13 l-aktar forma sempliċi u pura ta’ qima tagħna.14 Aħna għandna nitlobu individwalment, fil-familji tagħna, u fil-kongregazzjonijiet ta’ kull daqs.15 Aħna jeħtieġ li nużaw it-talb bħala tarka kontra t-tentazzjoni,16 u jekk ikun hemm xi ħin li ma nħossux li għandna nitlobu, tajjeb nagħrfu li l-eżitazzjoni ma tkunx ġejja minin Alla, li jkun jixtieq jikkomunika ma’ wliedu f’kull ħin. Fil-fatt, ċerti sforzi li jżommuna milli nitolbu jkunu ġejjin direttament mill-avversarju.17 Meta ma nkunux nafu kif jew eżattament għal xiex għandna nitlobu, għandna nibdew, u nkomplu, sakemm l-Ispirtu s-Santu jiggwidana biex noffru t-talb tagħna.18 Dan il-mod jaf ikun il-mod li għandna nużaw meta nitolbu għal għedewwa tagħna u għal dawk li japprofittaw ruħhom minnkom.19

Fl-aħħar mill-aħħar, aħna nistgħu nħarsu lejn l-eżempju tas-Salvatur li kien jitlob ta’ spiss ħafna. Iżda minn dejjem rajtha xi ħaġa intriganti li Ġesù kien iħoss il-bżonn li jitlob. Huwa mhux perfett kien? Dwar xiex kellu bżonn jitlob? Mela, jiena tgħallimt li Huwa wkoll, magħna, ried “ifittex wiċċ il-Missier, jemmen kelmtu, u jafda fil-grazzja tiegħu.”20 Kemm-il darba Huwa kien iwarrab minn qalb in-nies biex jgħaddi ħin waħdu qabel ma jippenetra is-smewwiet b’talbu.21 F’ħinijiet oħra, Huwa talab fil-kumpanija ta’ ftit kollegi tiegħu. Imbagħad kien jitkellem mas-smewwiet f’isem il-folol li kienu jimlew l-għolja. Xi kultant it-talb kien jigglorifika lbiesu.22 Xi kultant kien jigglorifika wiċċu.23 Xi kultant Huwa kien jitlob bilwieqfa, xi kultant għarkupptejh, u tal-anqas darba minnhom Huwa nxteħet wiċċu fl-art biex jitlob.24

Luqa ddeskriva d-dulur ta’ Ġesù fil-mument espjatorju tiegħu li wasslu biex jitlob “b’aktar qawwa.”25 Kif jista’ xi ħadd li hu perfett jitlob b’aktar qawwa? Aħna nassumu li t-talb tiegħu kollu kien mimli qawwa, madankollu biex iġib fis-seħħ is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu u permezz tal-uġigħ li bata biex jilħaq lil kulħadd, Huwa ħass li kellu jitlob sewwasew b’qawwa akbar, hekk li t-toqol tal-offerta tiegħu finalment wasslu biex id-demm joħroġ mill-pori kollha tiegħu.

B’dan l-isfond tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u r-rigal li tani dan l-aħħar billi ħallieni ftit aktar ġimgħat jew xhur fil-mortalità, jiena naqsam ix-xhieda solenni tiegħi dwar ir-realtà tal-ħajja ta’ dejjem u l-ħtieġa li aħna nippjanaw għaliha bis-serjetà.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li meta jiġi Kristu, Huwa jkollu bżonn jagħrafna—mhux bħala membri nominali li isimna jidher fuq reġistru tal-magħmudija iżda bħala dixxipli b’impenn li b’fedeltà nemmnu u nħarsu l-patti. Din hi ħaġa urġenti għalina lkoll, biex ma mmorrux nisimgħu b’dispjaċir devastanti: “Lilek qatt ma kont nafek,”26 jew, kif ittraduċa dik il-frażi Joseph Smith, “[Inti] qatt ma kont tafni.”27

Fortunatament, aħna għandna l-għajnuna f’din il-ħaġa—ħafna għajnuna. Jeħtieġ li nemmnu fl-anġli u fil-mirakli u fil-wegħdiet tas-saċerdozju mqaddes. Jeħtieġ li nemmnu fid-don tal-Ispirtu s-Santu, fl-influwenza ta’ familji u ħbieb tajbin, u fil-qawwa tal-imħabba pura ta’ Kristu. Jeħtieġ li nemmnu fir-rivelazzjoni u fii-profeti, veġġenti, u rivelaturi u fil-President Russell M. Nelson. Jeħtieġ li nemmnu li permezz tat-talb u ta’ ħajja personali tajba, aħna verament nistgħu nitilgħu fuq il- “Muntanja ta’ Sijon, … il-belt ta’ Alla l-ħaj, il-post divin, l-eqdes wieħed fosthom kollha.”28

Ħuti, hekk kif aħna nindmu minn dnubietna u nersqu b’determinazzjoni quddiem “it-tron tal-grazzja,”29 u hemm npoġġu quddiemu l-opri ta’ karità tagħna u t-talb offrut minn qalbna, aħna nsibu l-ħniena u l-kompassjoni u l-maħfra fl-idejn benevolenti tal-Missier Etern tagħna u tal-Iben ubbidjenti u mill-aktar pur tiegħu. Imbagħad, flimkien ma’ Ġob u mal-fidili raffinati, aħna nkunu nistgħu naraw dinja “sabiħa wisq”30 biex nifhmuha. F’isem Ġesù Kristu, ammen.