Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu fiċ-Ċentru ta’ Ħajjitna
konferenza ġenerali April 2024


Ġesù Kristu fiċ-Ċentru ta’ Ħajjitna

Il-mistoqsijiet profondi tar-ruħ, dawk li jfeġġu fl-aktar sigħat mudlama u fl-akbar sfidi tagħna, jiġu ndirizzati permezz tal-imħabba kostanti ta’ Ġesù Kristu.

Hekk kif nivvjaġġaw tul il-mortalità, ikun hemm mumenti meta jkollna nħabbtu wiċċna mal-isfidi: l-uġigħ kbir li nħossu meta nitilfu xi maħbubin tagħna, il-ġlieda diffiċli kontra l-mard, in-niggieża tal-inġustizzja, l-esperjenzi koroh tat-turment u l-abbuż, id-dell tal-qgħad, l-hemm fil-familja, il-bikja siekta tas-solitudni, jew il-konsegwenzi ta’ qtigħ il-qalb tal-kunflitti armati.1 F’mumenti bħal dawn, ruħna tixxennaq għar-refuġju.2 Aħna nfittxu b’ħerqa biex insiru nafu: Fejn nistgħu nsibu l-balzmu tal-paċi?3 F’min jista’ jkollna fiduċja li jista’ jgħinna bil-kunfidenza u l-qawwa tagħna ħalla negħlbu dawn l-isfidi?4 Min jipposedi s-sabar, l-imħabba assoluta, u l-id omnipotenti li televana ’l fuq u ssostnina?

Il-mistoqsijiet profondi tar-ruħ, dawk li jfeġġu fl-aktar sigħat mudlama u fl-akbar sfidi tagħna, jiġu ndirizzati permezz tal-imħabba kostanti ta’ Ġesù Kristu.5 Fih, u permezz tal-barkiet imwiegħda tal-evanġelju rrestawrat tiegħu,6 aħna nsibu t-tweġibiet li nkunu qed infittxu. Huwa permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu li aħna niġu offruti rigal li jiżboq kull ħaġa—wieħed ta’ tama, fejqan, u l-assigurazzjoni tal-preżenza kostanti u dejjiema tiegħu f’ħajjitna.7 Dan ir-rigal hu disponibbli għal dawk kollha li jaġixxu b’fidi, u jħaddnu l-paċi u l-fidwa li Hu lest joffrilna minn jeddu.

Il-Mulej jestendi idu lil kull wieħed u waħda minna, ġest li hu l-veru essenza tal-imħabba u t-tjieba divina tiegħu. L-istedina tiegħu għalina tittraxxendi sejħa sempliċi; hija wegħda divina, rrinforzata permezz tal-qawwa kostanti tal-grazzja tiegħu. Fl-iskrittura, Huwa b’imħabba jassigurana:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”8

Iċ-ċarezza tal-istedina tiegħu “ejjew għandi” u “ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” jaffermaw in-natura profonda tal-wegħda tiegħu—wegħda tant vasta u kompluta li turi fiha mħabbtu, u toffrilna garanzija solenni: “Intom issibu l-mistrieħ.”

Hekk kif bil-ħrara nfittxu l-gwida spiritwali,9 aħna nagħtu bidu għal odissea trasformattiva mill-aktar profonda li saħħaħ it-testimonjanzi tagħna. Hekk kif aħna nifhmu l-kobor tal-imħabba perfetta ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu,10 qalbna timtela bi gratitudni, bl-umiltà,11 u b’xewqa ġdida li nerġgħu nkomplu mexjin fit-triq tad-dixxipulat.12

Il-President Russell M. Nelson għallem li “meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-hena minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna. L-hena tiġi mingħandu u minħabba fih.”13

Alma, meta kien qed jitkellem ma’ ibnu, Ħelaman, iddikjara: U issa, ibni Ħelaman, ara, int tinsab f’żgħożitek, u għalhekk, nitolbok li tisma’ kliemi u titgħallem minni; għaliex naf tajjeb li kull min jafda f’Alla ħa jkun megħjun fl-isfidi tiegħu, u fit-taħbit tiegħu, u fl-afflizzjonijiet tiegħu, u ħa jkun merfugħ ’il fuq fl-aħħar jum.”14

Ħelaman, meta kien qed ikellem lil uliedu, għallem dwar dan il-prinċipju etern li npoġġu lis-Salvatur fiċ-ċentru ta’ ħajjitna: “Ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla.”15

F’ Mattew 14 nitgħallmu li wara li sema’ fil-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù ried iqatta’ ftit ħin waħdu. Madankollu, marret warajh folla kbira. Imqanqal bil-kompassjoni u l-imħabba, u bla ma ried li n-niket tiegħu jaljenah mill-missjoni tiegħu, Ġesù laqagħhom għandu, fejn Huwa fejjaq lill-morda li kien hemm fosthom. Hekk kif bdiet riesqa l-lejla, id-dixxipli kellhom quddiemhom sfida diffiċli: folla nies bi ftit li xejn ikel. Huma pproponew li Ġesù jibgħat ’l hemm il-folla ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw l-ikel, iżda Ġesù, b’imħabba u aspettattiva mill-aktar għolja, talab lid-dixxipli biex minflok jitimgħu lin-nies.

Waqt li d-dixxipli kienu priokkupati bl-isfida immedjata, Ġesù wera l-fiduċja tiegħu f’Missieru u wera mħabbtu lejh, flimkien ma’ mħabba bla rażan għan-nies. Huwa talab lill-folla biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, u wara li ħa f’idejh sempliċiment ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, Huwa għażel li jrodd ħajr lil Missieru, billi jirrikonoxxi l-provvista ta’ Alla fuq l-awtorità u l-qawwa tiegħu.

Wara li radd il-ħajr, Ġesù qasam il-ħobż, u d-dixxipli tiegħu tawh lin-nies. B’mod mirakoluż, l-ikel mhux biss kien biżżejjed iżda kien baqa’ żżejjed, fejn inġabru 12-il qoffa loqom. In-nies kollha li kielu kienu jinkludu ħamest elef raġel, flimkien man-nisa u t-tfal.16

Dan il-miraklu jgħallimna lezzjoni profonda: meta nħabbtu wiċċna mal-isfidi, ikun faċli li aħna nispiċċaw niffokaw fuq id-diffikultajiet tagħna. Madankollu, Ġesù Kristu tana eżempju dwar il-qawwa li niffokaw fuq il-Missier, noffru l-gratitudni, u nagħrfu li s-soluzzjonijiet għall-isfidi tagħna mhux dejjem ikunu jinsabu f’fina, iżda f’Alla.17

Meta nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet, aħna naturalment għandna tendenza li nikkonċentraw fuq l-ostakli li nkunu qed niffaċċjaw. L-isfidi tagħna huma tanġibbli u jeħtieġu l-attenzjoni tagħna, madankollu aħna għandna niffokaw l-attenzjon tagħna fuq il-prinċipju li negħlbuhom. Jekk aħna npoġġu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħsibijietna u għemilna, aħna nallinjaw irwieħna mar-rieda u l-qawwa tiegħu.18 Dan it-tibdil ma jeliminax l-isfidi tagħna; minflok, huma jgħinna ninnavigaw fost l-isfidi taħt il-gwida divina tiegħu.19 B’riżultat ta’ dan, aħna niskopru s-soluzzjonijiet u s-sapport li jaslu għandna minn għerf ogħla. Li aħna nadottaw din il-perspettiva ċċentrata fuq Kristu jqawwina bil-qawwa u d-dehen li nbiddlu l-isfidi tagħna f’rebħiet,20 u jfakkarna li bl-għajnuna tas-Salvatur, dik li tidher bħala problema ewlenija tista’ ssir mogħdija għal progress spiritwali akbar.

L-istorja ta’ Alma ż-Żgħir fil-Ktieb ta’ Mormon tirrappreżenta narrattiva mill-aqwa ta’ fidwa u tal-impatt profond li jesperjenza dak li jiċċentra ħajtu madwar Kristu. Għall-ewwel, Alma kien jopponi l-Knisja tal-Mulej, u wassal lil ħafna biex jitbiegħdu mit-triq tas-sewwa. Madankollu, intervent divin, rappreżentat permezz ta’ dehra anġelika, fetaħlu għajnejh u wrieh il-ħażin li kien qed iwettaq.

Fl-aktar siegħa tad-dlam tiegħu, itturmentat bil-ħtija u ħerqan bil-kbir li joħroġ min-niket spiritwali tiegħu, Alma ftakar fit-tagħlim ta’ missieru dwar Ġesù Kristu u l-qawwa tal-Espjazzjoni tiegħu. B’qalb imxennqa għall-fidwa, huwa nidem b’ħerqa u talab b’mod ferventi għall-ħniena tal-Mulej. Dan il-mument kruċjali li fih ta lilu nnifsu kompletament lil Kristu u ħallieh jokkupalu ħsibijietu hekk kif Alma fittex b’ħerqa l-ħniena tiegħu wassal biex fih seħħet trasformazzjoni tal-għaġeb. Il-ktajjen tqal tal-ħtija u d-disprament għebu u posthom ittieħed minn sens enormi ta’ hena u paċi.21

Ġesù Kristu huwa t-tama tagħna u t-tweġiba għall-akbar uġigħ tal-ħajja. Permezzz tas-sagrifiċċju tiegħu, Huwa ħallas għal dnubietna u ħa fuqu nnifsu t-tbatija kollha tagħna—l-uġigħ, l-inġustizzja, in-niket, u l-biża’—u Huwa jaħfrilna u jfejjaqna meta aħna nafdaw fih u nfittxu li nibdlu ħajjitna għall-aħjar. Huwa l-Fejjieq tagħna,22 li jfarraġ u jfejjaq qalbna permezz tal-imħabba u l-qawwa tiegħu, l-istess kif Huwa fejjaq lil ħafna waqt iż-żmien li għadda fid-dinja.23 Huwa l-ilma ħaj, li jaqta’ l-għatx fl-aktar mumenti ta’ ħtieġa ta’ ruħna permezz tal-imħabba u t-tjieba kostanti tiegħu. Din tixbah il-wegħda li Huwa għamel lill-mara Samaritana ħdejn il-bir, fejn offrielha għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”24

Jien naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi li Ġesù Kristu jgħix, li Huwa jippresedi fuq din, il-Knisja sagra tiegħu, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.25 Nixhed li Huwa s-Salvatur tad-dinja, il-Prinċep tal-Paċi,26 is-Sultan tas-slaten, Sid is-Sidien,27 il-Feddej tad-dinja. Jien nafferma b’ċertezza li aħna ninsabu dejjem f’moħħu u f’qalbu. Xhieda ta’ dan, Huwa rrestawra l-Knisja tiegħu f’dawn l-aħħar żminijiet u sejjaħ lill-President Russell M. Nelson bħala l-profeta tiegħu u l-President tal-Knisja f’dawn iż-żminijiet.28 Jiena naf li Ġesù Kristu ta ħajtu biex aħna jkun jista’ jkollna l-ħajja eterna.

Hekk kif aħna nagħmlu li nistgħu biex inpoġġuh fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, aħna nirċievu r-rivelazzjonijiet, u l-paċi profonda tiegħu tgħammar magħna, u l-Espjazzjoni infinita tiegħu twasslilna l-maħfra u l-fejqan.29 Huwa sewwasew fih li aħna niskopru l-qawwa tagħna li negħlbu l-isfidi, il-kuraġġ li nibqgħu nipperseveraw, u l-paċi li tmur lil hinn minn kulma l-moħħ jista’ jifhem. Jalla kuljum aħna nagħmlu li nistgħu biex nersqu aktar viċin tiegħu, Hu li hu s-sors ta’ kull ħaġa tajba,33 id-dawl ta’ tama fil-vjaġġ tagħna lura għall-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.