Assigurazzjoni tal-Patti permezz ta’ Ġesù Kristu
Meta nidħlu fid-dar tal-Mulej, aħna nagħtu bidu għal vjaġġ sagru ta’ tagħlim biex insiru dixxipli ta’ Kristu aktar raffinati u qaddisa.
Għeżież ħuti, nitlob li aħna nkunu nistgħu niġġeddu spiritwalment permezz tal-messaġġi spirati mill-mexxejja tagħna f’dan il-weekend u nithennew f’dik li nħobb insejħilha “assigurazzjoni tal-patt permezz ta’ Ġesù Kristu.” Din l-assigurazzjoni hija assigurazzjoni siekta madankollu ċerta li aħna nistgħu nirċievu l-barkiet li Alla wiegħed lil dawk li jħarsu l-patti tagħhom u hija meħtieġa ferm qalb iċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ żmienna.
Il-bini ta’ djar ġodda tal-Mulej madwar id-dinja, taħt it-tmexxija spirata tal-President Russell M. Nelson, wassal għal ferħ kbir fost il-membri tal-Knisja u serva bħala simbolu importanti tal-espanzjoni tas-saltna tal-Mulej.
Meta kont qed nirrifletti dwar l-esperjenza tal-għaġeb li spiratni waqt id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Feather River f’California li ġrat Ottubru li għadda, bdejt naħseb jekk xi kultant jista’ jkun li aħna nintilfu fl-eċċitament li jkollna tempji ġodda fl-ibliet u l-komunitajiet tagħna u nittraskuraw l-għan aktar qaddis tal-patti sagri li nagħmlu li fit-tempju.
Imnaqqax fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ kull tempju nsibu dikjarazzjoni mill-aktar solenni: “Qdusija lill-Mulej.”1 Dan il-kliem ispirat huwa stedina ċara li meta nidħlu fid-dar tal-Mulej, aħna nagħtu bidu għal vjaġġ sagru ta’ tagħlim biex insiru dixxipli ta’ Kristu aktar raffinati u qaddisa. Hekk kif aħna nagħmlu ċerti patti fi qdusija quddiem Alla u nikkommettu ruħna li nimxu wara s-Salvatur, aħna nirċievu l-qawwa li nibdlu qalbna, inġeddu l-ispirti tagħna, u nsaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu. Impenn bħal dan iwassal għall-qdusija f’ruħna u jifforma rabta sagra ma’ Alla u Ġesù Kristu, li wegħdu li aħna nistgħu nirtu r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem.2 Ir-riżultat ta’ dan il-vjaġġ sagru hu li aħna niksbu kunfidenza aktar qaddisa u akbar fil-ħajja ta’ kuljum tagħna permezz tal-patti li nagħmlu permezz ta’ Ġesù Kristu.
Din il-kunfidenza hija l-qofol tar-rabta divina tagħna ma’ Alla u tista’ tgħinna nkabbru d-devozzjoni tagħna u l-gratitudni tagħna lejn Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. Hija ssaħħaħ l-abbiltà tagħna li nħobbu u naqdu lil ħaddieħor u tqawwi ruħna biex ngħixu f’dinja mhux qaddisa li aktar ma tmur aktar qed isir mudlama u skoraġġanti. Hija tqawwina biex aħna negħlbu ż-żerriegħa tad-dubju u d-disprament, tal-biża’ u l-frustrazzjoni, tal-uġigħ il-qalb u d-disperanza li l-għadu jipprova jwasslilna f’qalbna speċjalment meta l-ħajja tkun diffiċli, meta l-isfidi ma jispiċċaw qatt, jew meta ċ-ċirkustanzi huma diffiċli. Vers bibliku joffri parir tajjeb lilna lkoll hekk kif aħna nħabbtu wiċċna mar-riefnu qawwi tal-isfidi tad-dinja ta’ żmienna: Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom.”3
Għeżież ħuti, dawk li jiksbu kunfidenza ġenwina fil-patti li jsiru fid-dar tal-Mulej permezz ta’ Ġesù Kristu jippossedu waħda mill-aktar forzi qawwija li nistgħu naċċessaw f’din il-ħajja.
Hekk kif din is-sena qed nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon f’ Come, Follow Me, aħna naraw kif Nefi b’mod mill-isbaħ tana eżempju tal-qawwa ta’ din it-tip ta’ kunfidenza tal-patt permezz tal-fedeltà tiegħu meta ħabbat wiċċu ma’ ċerti ostakli u sfidi bħal meta pprova jikseb il-pjanċi kif ordnalu l-Mulej. Nefi, minkejja li kien iħossu mnikket bil-kbir minħabba l-biża’ u n-nuqqas ta’ fidi ta’ Laman u Lemwel, baqa’ kunfidenti li l-Mulej kien sejjer jgħaddi l-pjanċi għandhom. Huwa qal lil ħutu, “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm aħna ħajjin, aħna m’aħniex se ninżlu għand missierna fid-deżert qabel ma nwettqu dak li ordnalna l-Mulej.”4 Minħabba l-kunfidenza ta’ Nefi fil-wegħdiet tal-Mulej, huwa kien kapaċi jwettaq dak li kien ġie ordnat jagħmel.5 Aktar tard, fid-dehra li kellu, Nefi ra l-influwenza ta’ din it-tip ta’ kunfidenza, fejn kiteb, “jien, Nefi, rajt il-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, … u huma kienu armati bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.”6
Jiena rajt b’għajnejja l-wegħdiet kollha mħabba u l-qawwa tal-Mulej ibierku l-ħajja ta’ wlied Alla, li qawwewhom biex huma jkunu jistgħu jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tal-ħajja. L-aħħar darba marti ġiet id-dar wara l-qima tagħha fit-tempju u qaltli kemm ħassitha kommossa b’dak li kienet esperjenzat hemm ġew. Hekk kif hija daħlet fid-dar tal-Mulej, hija rat raġel ġo siġġu tar-roti jiċċaqlaq bilmod u rat mara miexja b’diffikultà kbira permezz ta’ bastun, it-tnejn li huma ġew b’kuraġġ biex iqimu lill-Mulej fid-dar tiegħu. Hekk kif marti daħlet fil-kamra tal-inizjali, hija rat oħt mill-aktar dħulija, li kellha biss driegħ wieħed—li parti minnu kienet nieqsa—u li b’mod sabiħ u ċelestjali bdiet twettaq kull ħaġa li bdiet tingħata.
Hekk kif jiena u marti tkellimna dwar dik l-esperjenza, aħna ġejna fil-konklużjoni li hija biss kunfidenza safja u mill-qalb fil-wegħdi eterni li jipprovdi Alla permezz tal-patti qaddisa li jsiru miegħu fid-dar tiegħu li twassal lil dawk id-dixxipli meraviljużi ta’ Kristu biex joħorġu minn darhom f’dak il-jum mill-aktar kiesaħ, minkejja ċ-ċirkustanzi fil-ħajja personali tagħhom.
Għeżież ħbieb tiegħi, jekk hemm xi ħaġa li għandu jkollna—u xi ħaġa li nistgħu ngħaddu lil uliedna u lil ulied uliedna li tgħinhom ilkoll fil-provi u fl-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom—hija l-kunfidenza fil-patti li aħna nagħmlu permezz ta’ Ġesù Kristu. Li niksbu possessjoni divina bħal din tgħinhom jgħixu kif il-Mulej wiegħed lid-dixxipli fidili tiegħu: “Id-dixxipli tiegħi se jieqfu f’postijiet qaddisa, u minnhom ma jitħarrkux.”7
Kif nistgħu niksbu kunfidenza bħal din permezz ta’ Ġesù Kristu? Nistgħu niksbuha permezz tal-umiltà, billi niċċentraw ħajjitna fuq is-Salvatur, billi ngħixu skont il-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, billi nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni, u billi nonoraw il-patti li nagħmlu ma’ Alla fid-dar imqaddsa tiegħu.
Fir-rimarki tal-għeluq tiegħu fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2019, il-maħbub profeta tagħna fakkarna dwar pass importanti biex niksbu l-kunfidenza tal-patt, meta qal: “Id-dinjità individwali biex tidħol fid-dar tal-Mulej teħtieġ tħejjija spiritwali individwali kbira. … Id-dinjità individwali teħtieġ konverżjoni sħiħa fil-moħħ u fil-qalb biex inkunu nixbhu aktar lill-Mulej, inkunu ċittadini onesti, inkunu eżempju aħjar, u nkunu nies aktar qaddisa.”8 Għalhekk, jekk aħna nibdlu t-tħejjija tagħna biex nidħlu fit-tempju, aħna nibdlu l-esperjenza tagħna fit-tempju, li tittrasforma ħajjitna barra mit-tempju. “Imbagħad timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla; u d-duttrina tas-saċerdozju tinżel fuq ruħkom bħan-nida mis-sema.”9
Wieħed isqof ħabib tiegħi jirreferi għall-aktar klassi ta’ età ogħla fil-Primarja mhux bħala klassi tal-“Primarja” iżda bħala klassi tat-“tħejjija għat-tempju.” F’Jannar dan l-isqof jgħid lill-membri tal-klassi u l-għalliema tagħhom biex imorru fl-uffiċċju tiegħu fejn hemm jitkellmu kif sejrin iqattgħu s-sena sħiħa jitħejjew biex jidħlu fit-tempju. L-isqof jiddedika ħin biex idur il-mistoqsijiet tal-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju applikabbli, li mbagħad jiġu nklużi fil-lezzjonijiet tagħhom tal-Primarja. Huwa jistieden lit-tfal biex iħejju ruħhom ħalli meta fi żmien sena huma jmorru fl-uffiċċju tal-isqof, huma jkunu kunfidenti, kunfidenti fil-patt, lesti biex jirċievu r-rakkomandazzjoni tat-tempju u jidħlu fid-dar tal-Mulej. Din is-sena l-isqof kellu erbat ibniet li kienu mħejjija u kunfidenti u tnat kienu jinsabu fuq ix-xwiek biex imorru fit-tempju li riedu lill-isqof jipprintjalhom ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’Jum l-Ewwel tas-Sena, minuta wara nofsillejl.
It-tħejjija mhijiex biss għal dawk li sejrin it-tempju għal-ewwel darba. Aħna lkoll għandna nkunu mħejjija kontinwament biex immorru fid-dar tal-Mulej. Pal li jien naf sew adotta l-motto “Iċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja, u marbutin mat-tempju.” Marbutin 11hija kelma interessanti għax tfisser li aħna ninsabu ffokati fuq direzzjoni, iżda tfisser ukoll li aħna ninsabu siguri, risolvi, determinati u ċerti. Għalhekk li nkunu marbutin mat-tempju jwassalna biex inkunu marbutin mas-Salvatur, u dan jagħtina direzzjoni u stabilità xierqa waqt li jiżgura li aħna għanda kunfidenza fil-patt permezz ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk, ilkoll kemm aħna intenzjonalment inkabbru din ir-rabta billi niskedaw l-appuntament li jmiss mal-Mulej fid-dar imqaddsa tiegħu, sew jekk it-tempju hu viċin u sew jekk ’il bogħod.11
L-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, ifakkarna dwar dawn il-prinċipji mill-aktar importanti meta qal: It-tempju jinsab fiċ-ċentru tat-tisħiħ tal-fidi u l-fortitudni spiritwali tagħna għax is-Salvatur u d-duttrina tiegħu jinsabu fil-qalba tat-tempju. Kulma jiġi mgħallem fit-tempju, permezz ta’ istruzzjoni u permezz tal-Ispirtu, ikabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. L-ordinanzi essenzjali jagħmluna ħaġa waħda miegħu permezz ta’ patti sagri tas-saċerdozju. Hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu .” U kemm verament se neħtieġu l-qawwa tiegħu fiż-żmien li ġej.”12
Is-Salvatur jixtieq li aħna nkunu mħejjija biex nifhmu, b’ċarezza kbira, eżattament kif għandna naġixxu hekk kif nagħmlu l-patti ma’ Missierna fis-Smewwiet f’ismu. Huwa jridna nkunu mħejjija biex nesperjenzaw il-privileġġi, il-wegħdiet u r-responsabbiltajiet tagħna; biex inkunu mħejjija ħalli jkollna ċerti ħsibijiet u qawmien spiritwali li neħtieġu f’din il-ħajja. JIena naf li meta l-Mulej jara saħansitra daqsxejn ta’ xewqa jew ta’ sforz ġust fir-rieda tagħna li niċċentraw ħajjitna fuqu, u fuq l-ordinanzi u l-patti li nagħmlu fid-dar tiegħu, Huwa jberikna, bil-mod perfett tiegħu, permezz tal-mirakli u l-ħniena li tant neħtieġu.
Id-dar tal-Mulej hija l-post fejn nistgħu nittrasformaw ruħna b’modi ogħla u aktar qaddisa. Għalhekk, meta aħna noħorġu mit-tempju, ittrasformati permezz tat-tama tagħna fil-wegħdiet tal-patti, u armati b’qawwa mill-għoli, aħna nkunu qed nieħdu magħna t-tempju fi djarna u f’ħajjitna. Nassigurakom li jekk aħna jkollna fina l-ispirtu tad-dar tal-Mulej, dan jibdilna kompletament.
Mit-tempju aħna nafu wkoll li jekk aħna rridu li l-Ispirtu tal-Mulej jibqa’ jgħammar f’ħajjitna, aħna sempliċiment ma nistgħux u m’għandniex ikollna xi sentimenti mhux tajba lejn xi ħadd. Li nħallu dawn is-sentimenti jew ħsibijiet jidħlu f’qalbna u f’moħħna jwasslu għal kliem u għemejjel xejn tajba, kemm permezz tal-midja soċjali jew fi djarna, u jwasslu biex l-Ispirtu tal-Mulej ma jibqax jgħammar f’qalbna. Għalhekk, jekk jogħġobkom titilfux il-kunfidenza tagħkom, iżda pjuttost, araw li timtlew b’kunfidenza kbira.
Il-bini kontinwu u b’rata mgħaġġla tat-tempji se jkompli jqanqalna, jispirana, u jberikna. Iżda aktar importantili hekk kif aħna nibdlu t-tħejjija tagħna biex nidħlu fit-tempju, aħna nibdlu l-esperjenza tagħna fit-tempju, li tittrasforma ħajjitna barra mit-tempju. Jalla din it-trasformazzjoni timliena bil-kunfidenza fil-patti mqaddsa li aħna nagħmlu ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Alla jgħix, Ġesù huwa s-Salvatur tagħna, u din hija l-Knisja rrestawrata tiegħu fid-dinja. Jiena b’qima niddikjara dawn il-veritajiet fl-isem sagru ta’ Sidna Ġesù Kristu, ammen.