Fidili sat-Tmiem
Bil-qawwa ta’ idu, intom tkunu tistgħu tegħlbu lil kull Gulija li jidher f’ħajjitkom.
Għeżież ħbieb żgħażagħ, illum nixtieq ikellimkom direttament—lilkom iż-żgħażagħ tal-Knisja.
Ilna sena minn meta ġiet imsejħa l-Presidenza Ġenerali tagħna tal-Tfajliet. Kemm ġraw affaijiet f’din l-aħħar sena!
Aħna ltqajna ma ħafna minnkom u studjajna t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu flimkien. Aħna kantajna l-għanjiet, għamilna ħbieb ġodda, u servejna magħkom fil-komunitajiet. Aħna ssaħħaħna meta smajna t-testimonjanzi tagħkom waqt il-konferenzi taż-żgħażagħ u l-avvenimenti dinjin. U tajna qima flimkien fid-dar tal-Mulej.
Kull darba, aħna qsamna messaġġ minn Sidna Ġesù Kristu. Illejla mhux se tkun differenti; jien għandi messaġġ għalikom, iż-żgħażagħ tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
Il-Mistoqsijiet il-Kbar
Qatt ħsibtu kif tistgħu tkunu fidili lejn Alla waqt li tgħixu f’dinja ta’ dnub? Minfejn iġġibu l-qawwa li timxu ’l quddiem u tkomplu tagħmlu t-tajjeb? Kif tistgħu tesperjenzaw il-vera hena?
Naħseb li l-esperjenza ta’ David u Gulija1 tista’ tgħinkom.
David u Gulija
Fit-Testment il-Qadim, l-armata tal-Filistin kienet tinsab f’battalja mal-Iżraelin, u kull filgħodu u kull filgħaxija, ġgant Filistin jismu Gulija kien jisfida lill-Iżraelin għall-ġlied.
Fost il-poplu Iżraelit kien jgħix wieħed jismu David, ragħaj żagħżugħ ta’ statura ferm iżgħar minn Gulija iżda b’fidi ġganteska f’Ġesù Kristu! David offra li jiġġilidlu. Anke s-Sultan ipprova jipperswadih biex ma jagħmilx dan, iżda David għażel li jafda f’Ġesù Kristu.
Qabel, David kien iġġieled iljun, u ors ukoll. Mill-esperjenza tiegħu, hu kien jaf li Alla kien ipproteġieh u ħarġu rebbieħ. Għal David, il- kawża ta’ Alla kienet l-aktar kawża importanti. Għalhekk, kollu fidi f’Alla li ma kienx se jabbandunah, huwa ġabar ħames ġebliet lixxi, ħa f’idejh l-iżbandola tiegħu, u mar jiffaċċja lill-ġgant.
L-iskrittura tgħidilna li l-ewwel ġebla li xeħet David laqtet lil Gulija f’moħħu, u qatlitu.2
Infittxu t-Tweġiba
Għalkemm David uża biss ġebla waħda biex joqtol lil Gulija, huwa mar preparat b’ħamsa. B’ħamsa! Dan iwassalni biex naħseb dwar kif jien nista’ nħejji lili nnifsi biex niffaċċja d-dinja.
Xi ngħidu jekk kull ġebla ta’ David tirrappreżenta xi qawwa li aħna neħtieġu biex noħorġu rebbieħa f’ħajjitna? Kieku xi jkunu dawn il-ħames ġebliet? Jiena ħsibt dwar dawn il-possibiltajiet:
-
Il-ġebla ta’ mħabbti lejn Alla.
-
Il-ġebla tal- fidi tiegħi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
-
Il-ġebla tal- għarfien tal-vera identità tiegħi.
-
Il-ġebla tal- indiema tiegħi ta’ kuljum.
-
Il-ġebla tal- aċċess tiegħi għall-qawwa ta’ Alla.
Ejjew nitkellmu dwar kif aħna mberkin permezz ta’ dawn il-qawwiet.
L-ewwel, il-ġebla ta’ mħabbti lejn Alla. Li nħobbu lil Alla huwa l-akbar kmandament.3 Il-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tgħallimna: “Alla jħobbkom. Huwa missierkom. L-imħabba perfetta tiegħu tista’ tispirakom biex tħobbuh. Meta l-imħabba tagħkom lejn Missierna fis-Smewwiet hija l-aktar influwenza importanti f’ħajjitkom, ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli.”4
L-imħabba tagħna għal Alla u r-relazzjoni mill-viċin tagħna miegħu jagħtuna l-qawwa li neħtieġu biex nittrasformaw qalbna u b’mod aktar faċli negħlbu l-isfidi tagħna.
It-tieni, il-ġebla tal- fidi tiegħi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Meta Ġesù Kristu ġie fid-dinja, Huwa bata għal dnubietna,5 u ħa fuqu nnifsu n-niket tagħna, l-uġigħ tagħna, id-dgħufijiet tagħna, u l-mard fiżiku u mentali tagħna. Għalhekk jaf kif għandu jgħinna. Li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu jfisser li nafdaw kompletament fl-għerf tiegħu, fl-orarju tiegħu, fl-imħabba tiegħu, u fil-qawwa tiegħu li jpatti għal dnubietna. Il-ġebla tal-fidi f’Ġesù Kristu tasal biex tegħleb kull “ġgant” f’ħajjitna.6 Aħna nistgħu negħlbu lil din id-dinja mitlufa għaliex Huwa għelibha qabilna.7
Numru tlieta, il-ġebla tal- għarfien tal-vera identità tiegħi. Il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, għallimna li l-aktar identitajiet importanti tagħna huma li aħna wlied Alla, ulied il-patt, u dixxipli ta’ Ġesù Kristu.8
Kollox jieħu tifsira differenti meta jiena nkun naf min jien verament.9 Meta jien niddubita l-abbiltajiet tiegħi, jien spiss intenni f’moħħi jew b’leħen għoli, Jiena bint Alla, jiena bint Alla,” kemm ikun hemm bżonn possibli sakemm nerġa’ nħossni kunfidenti li nkompli għaddejja.
Ir-raba, il-ġebla tal- indiema tiegħi ta’ kuljum. Fil-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ naqraw: “L-indiema mhijiex kastig għad-dnub; hija l-mod kif is-Salvatur jeħlisna mid-dnub. Li nindmu jfisser li ninbidlu―li nitbiegħdu mid-dnub u nersqu viċin Alla. Ifisser li ninbidlu għall-aħjar u nirċievu l-maħfra. Din it-tip ta’ bidla mhijiex xi avveniment ta’ darba; hija proċess kontinwu.”10
M’hemm xejn li jista’ jeħlisna aktar milli nħossu l-maħfra ta’ Alla u li nkunu nafu li aħna nodfa u rrekonċiljati miegħu. Il-maħfra hi possibbli għal kulħadd.
Il-ħames ġebla hija l-ġebla tal- aċċess tiegħi għall-qawwa ta’ Alla. Il-patti li nagħmlu ma’ Alla, bħal dawk li nagħmlu fl-ordinanza tal-magħmudija, jagħtuna aċċess għall-qawwa tad-divinità.11 Il-qawwa ta’ Alla hija qawwa reali li tgħinna niffaċċjaw l-isfidi, nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u nkabbru l-kapaċità tagħna li nikkumbattu sitwazzjonijiet diffiċli. Hija qawwa li permezz tagħha nistgħu nikbru f’abbiltajiet speċifiċi li neħtieġu.12
Il-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tispjega: “II-patti jorbtukom ma’ Missierkom fis-Smewwiet u mas-Salvatur. Huma jkabbru l-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom.”13
Ejjew nitkellmu dwar ir-rabta. Tiftakru meta Kristu għallem dwar id-differenza bejn dar mibnija fuq il-blat u oħra fuq ir-ramel?14 Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf spjega: “Dar ma tiġġarrafx filmaltemp għax id-dar hija b’saħħitha. Lanqas ma tiġġarraf għax sempliċiment il-blat huwa b’saħħtu. Id-dar ma tiġġarrafx fil-maltemp għax hijamqiegħda sew f’dak il-blat b’saħħtu. Hija l-qawwa tar- rabta mal-blat li hija importanti.”15
Ir-rabta personali tagħna ma’ Ġesù Kristu tagħtina l-kuraġġ u l-kunfidenza biex nimxu ’l quddiem minkejja n-nies li ma jirrispettawx it-twemmin tagħna jew li jgħadduna biż-żmien. Kristu jistedinna biex inżommuh fi ħsibijietna l-ħin kollu; Huwa jgħidilna, “Ħarsu lejja f’kull ħsieb.”16 Li naħsbu dwar is-Salvatur jagħtina ċarezza fil-moħħ biex nieħdu deċiżjonijiet u naġixxu bla biża’, u ngħidu le għal dak li huwa kontra t-tagħlim ta’ Alla.17 Meta l-jum ikun diffiċli u nħossni li ma niflaħx aktar, li naħseb fi Kristu jġibli l-paċi u jagħtini t-tama.
Kif nistgħu ngawdu minn din il-qawwa ta’ Ġesù Kristu? Importanti ħafna li nobdu l-patti tagħna u nkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.
Fil-fatt nixtieq li David kellu ġebla oħra; dik kienet tkun il-ġebla tat- testimonjanza tiegħi. It-testimonjanza tagħna tinbena permezz ta’ esperjenzi spiritwali personali li fihom nagħrfu l-influwenza divina f’ħajjitna.18 Ħadd ma jista’ joħdilna dak l-għarfien. Li nafu dak li nafu għax għexna l-esperjenzi spiritwali hija ħaġa imprezzabbli. Li nkunu leali lejn dak l-għarfien jagħtina l-ħelsien. Jagħtina l-hena! Jekk aħna nħobbu l-verità, aħna nfittxuha, u ladarba nsibuha, niddefenduha.19
Stedina
L-istess kif jiena għażilt ġebla numru sitta, nistedinkom biex tiltaqgħu mal-klassi, mal-kworum, jew mal-familja tagħkom, u taħsbu ftit dwar qawwiet oħra li teħtieġu li tiksbu biex tibqgħu fidili lejn Alla u, għalhekk, tegħlbu d-dinja.
Wegħda
Għeżież ħbieb tiegħi, Kristu jinsab ħerqan biex jakkumpanjakom fil-vjaġġ ta’ ħajjitkom. Inwegħidkom, hekk kif iżżommu sod mal-bastun tal-ħadid, intom timxu id f’id ma’ Ġesù Kristu.20 Hu jkun qed jiggwidakom, u Hu jkun qed jgħallimkom.21 Bil-qawwa ta’ idu intom tkunu tistgħu tegħlbu lil kull Gulija li jidher f’ħajjitkom.
Testimonjanza
Nixhed li aħna nesperjenzaw l-hena meta nitolbu kull jum, meta naqraw il-Ktieb ta’ Mormon, meta nieħdu sehem fis-sagrament kull nhar ta’ Ħadd, u meta nattendu s-seminarju—anke daqstant kmieni filgħodu! Nesperjenzaw l-hena meta nagħmlu t-tajjeb.
Nesperjenzaw l-hena meta nkunu fidili lejn l-Alla tal-univers, is-Salvatur tad-dinja, is-Sultan tas-slaten. Nesperjenzaw l-hena meta nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Alla huwa Missierna. Huwa jaf ix-xewqat ta’ qalbkom u l-possibbiltajiet tagħkom, u Hu jafdakom.
Għeżież żgħażagħ, Ġesù Kristu żgur jgħinkom tibqgħu fidili sat-tmiem. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed f’isem Ġesu Kristu, ammen.