Konferenza Ġenerali
Frott li Jibqa’
konferenza ġenerali April 2024


Frott li Jibqa’

Li l-Ispirtu s-Santu jissiġilla l-ordinanzi tagħna hija ħaġa essenzjali jekk irridu li jkollna l-barkiet imwiegħda għall-eternità kollha.

Meta kont tifel żgħir kont inħobb il-ħawħ misjur u frisk. Sal-lum, l-idea li nigdem ħawħa mmerqa u misjura b’togħma mill-aktar qawwija twassalni biex nixxennaq għaliha mhux ħażin. Meta naqtgħu l-ħawħ misjur tajjeb, hu jibqa’ tajjeb bejn jumejn u erbat ijiem qabel jibda jitħassar. Jien għandi memorji mill-isbaħ ta’ meta kont ningħaqad ma’ ommi u ħuti fil-kċina tagħna u flimkien nippreservaw il-ħawħ li nkunu ħsadna għax-xitwa li ġejja billi nissiġillawh fil-fliexken. Jekk il-ħawħ nippreservawh sewwa, dan il-frott delizzjuż idum tajjeb numru ta’ snin, mhux xi jumejn jew erbat ijiem biss. Jekk inħejjuh u nsaħħnuh tajjeb, dan il-frott jibqa’ ppreservat sakemm naqtgħu s-siġill.

Kristu qalilna: “Morru agħmlu l-frott, … ħalli l-frott tagħkom jibqa’.”1 Iżda Hu ma kienx qed jirreferi għall-ħawħ. Kien qed jitkellem dwar il-barkiet ta’ Alla għal uliedu. Jekk aħna nagħmlu u nħarsu l-patti li nagħmlu ma’ Alla, il-barkiet marbutin mal-patti tagħna jistgħu jiġu estiżi lil hinn minn din il-ħajja u jiġu ssiġillati fuqna, ippreservati, għal dejjem u jsiru għalina frott li jibqa’ għal dejjem.

L-Ispirtu s-Santu, fl-irwol divin tiegħu bħala l-Ispirtu s-Santu li Kien Imwiegħed, jissiġilla kull ordinanza fuq dawk li jibqgħu fidili lejn il-patti tagħhom ħalli huma jkunu validi wara din il-ħajja mortali.2 Li l-Ispirtu s-Santu jissiġilla l-ordinanzi tagħna hija ħaġa essenzjali jekk irridu li jkollna l-barkiet imwiegħda għall-eternità kollha, u jsiru frott li jibqa’.

Din hi ħaġa partikolarment importanti jekk irridu niġu eżaltati.3 Kif għallem il-President Russell M. Nelson li aħna “jeħtieġ nibdew bl-għan aħħari f’moħħna. … Bla dubju, għal kull wieħed u waħda minna, ‘l-għan aħħari’ li nixtiequ niksbu hu li ngħixu mal-familji tagħna fi stat eżaltat fejn inkunu fil-preżenza ta’ Alla, Missierna fis-Smewwiet, u Ibnu Ġesù Kristu.”4 Il-President Nelson qal ukoll: “Iż-żwieġ ċelestjali huwa parti kruċjali mit-tħejjija għall-ħajja ta’ dejjem. Jeħtieġ li dak li jkun jiżżewweġ lill-persuna xierqa, fil-post xieraq, bl-awtorità xierqa, u jobdi b’fedeltà dak il-patt sagru. Imbagħad, dak li jkun jiġi assigurat mill-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali ta’ Alla.”5

X’inhuma l-barkiet tal-eżaltazzjoni? Dawn jinkludu li ngħammru fil-preżenza ta’ Alla għal-eternità flimkien bħala raġel u martu, biex nirtu “tronijiet, saltniet, prinċipalitajiet, u qawwiet, … u kontinwazzjoni tan-nisel għal dejjem ta’ dejjem,”6 u niksbu dak kollu li għandu Alla l-Missier.7

Il-Mulej żvela permezz ta’ Joseph Smith:

“Fil-glorja ċelestjali jeżistu tliet smewwiet jew livelli;

“U sabiex jikseb l-ogħla waħda, bniedem jeħtieġ li jidħol f’din l-ordni tas-saċerdozju [jiġifieri l-patt ġdid u għal dejjem taż-żwieġ];

“U jekk ma jagħmilx dan, huwa ma jistax jiksibha.

“Hu jkun jista’ jidħol fl-oħra, iżda sa hemm jista’ jasal fis-saltna tiegħu; huwa ma jistax joktor.”8

Hawnhekk nitgħallmu li dak li jkun jista’ jkun fis-saltna ċelestjali, jew jgħammar fil-preżenza ta’ Alla, u jkun single. Iżda biex ikun eżaltat fl-ogħla glorja tas-saltna ċelestjali, dak li jkun jeħtieġ li jidħol fiż-żwieġ permezz ta’ awtorità xierqa u mbagħad jibqa’ leali lejn il-patti li jagħmel f’da iż-żwieġ. Hekk kif aħna nibqgħu fidili lejn dawk il-patti, l-Ispirtu s-Santu tal-Wegħda jista’ jissiġilla l-patti tagħna taż-żwieġ.9 Dawn it-tip ta’ barkiet tas-siġill isiru frott li jibqa’.

X’jeħtieġ minna biex inħarsu b’fedeltà l-patt ġdid u għal dejjem taż-żwieġ?

Il-President Russell M. Nelson għallem li hemm żewġ tipi ta’ rabtiet meta nidħlu f’dan il-patt taż-żwieġ etern: rabta laterali bejn raġel u martu, u rabta vertikali ma’ Alla.10 Biex ikollna l-barkiet tal-eżaltazzjoni ssiġillati fuqna u jibqgħu wara din il-ħajja, jeħtieġ li aħna nibqgħu leali kemm mar-rabta laterali kif ukoll dik vertikali tal-patt.

Biex inħarsu r-rabta laterali mal-konjuġi tagħna, Alla qalilna: “ħobbu lil martkom [jew lil żewġkom] b’qalbkom kollha, u … ibqgħu fidili lejha [jew lejh] u lejn ħadd aktar.”11 Għal dawk li huma miżżewġin, li tibqgħu fidili lejha jew lejh u lejn ħadd aktar ifisser li intom tiddiskutu flimkien f’imħabba, tħobbu u tieħdu ħsieb xulxin, taraw li l-ħin tagħkom mal-konjuġi tagħkom jieħu priorità fuq xi interessi oħra, u li intom idduru fuq Alla biex jgħinkom tegħlbu dgħufitkom.12 Ifisser ukoll li ma jkollkom l-ebda intimità emozzjonali jew relazzjonijiet sesswali ta’ kwalunkwe tip barra miż-żwieġ, inkluż li toqogħdu tifflertjaw jew tinnamraw, u evitaw il-pornografija, li żżid fikom il-ġibda sesswali.13

Biex tħarsu din ir-rabta laterali fil-patt, kull partner jeħtieġ ikollu x-xewqa li jkun parti miż-żwieġ. Il-President Dallin H. Oaks m’ilux għallem: “Nafu wkoll li Hu mhu se jisforza lil ħadd f’xi relazzjoni ta’ siġill mingħajr ir-rieda tagħhom. Il-barkiet ta’ relazzjoni ta’ siġill huma żguri għal dawk kollha li jħarsu l-patti tagħhom iżda żgur li relazzjoni ta’ siġill ma tiġix sfuzata fuq xi persuna oħra li mhijiex dejna jew kontra qalbha.”14

X’inhi r-rabta vertikali li rrefera għaliha l-President Nelson? Ir-rabta vertikali hi rabta li nagħmlu ma’ Alla.

Biex inħarsu r-rabta vertikali ma’ Alla, jeħtieġ li nibqgħu leali lejn il-patti tat-tempju li aħna nkunu għamilna li jirrigwardaw il-liġijiet tal-ubbidjenza, is-sagrifiċċju, l-evanġelju, il-kastità, u l-konsagrazzjoni. Aħna nagħmlu patt ma’ Alla wkoll li nirċievu għandna lis-sieħeb etern (jew sieħba etena) u li nkunu konjuġi u ġenituri ġusti. Hekk kif aħna nħarsu r-rabta vertikali, aħna nikkwalifikaw għall-barkiet li nkunu parti mill-familja ta’ Alla permezz tal-patt Abrahamiku.15 Dawn il-barkiet huma wkoll il-frott li jibqa’.

Filwaqt li nittamaw li dawk kollha li jidħlu fil-patt ġdid u għal dejjem jibqgħu leali u jkollhom il-barkiet issiġillati fuqhom għall-eternità kollha, xi kultant dak l-ideal jaf jidher mhux daqstant possibli għalina. Tul il-ministeru tiegħi jiena ltqajt ma’ membri li jagħmlu u jħarsu l-patti, waqt li l-konjuġi tagħhom ma jagħmlux dan. Hekk ukoll dawk li huma single, u qatt ma kellhom l-opportunità li jiżżewġu f’din il-ħajja mortali. U hemm dawk li mhumiex fidili lejn il-patti tagħhom taż-żwieġ. X’jiġri mill-individwi f’kull waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi?

  1. Jekk intom tibqgħu fidili lejn il-patti li għamiltu meta ġejtu ddotati, intom tirċievu l-barkiet personali mwiegħda lilkom fid-dota anke jekk il-konjuġi tagħkom kisru l-patti tagħhom jew abbandunaw iż-żwieġ. Jekk intom ġejtu ssiġillati u aktar tard ġejtu divorzjati, u jekk is-siġill tagħkom ma ġiex ikkanċellat, il-barkiet personali ta’ dak is-siġill jibqgħu jgħoddu għalikom jekk intom tibqgħu fidili.16

    Xi kultant, minħabba sentimenti ta’ tradiment u għax persuna tkun ħassitha mweġġa’ bil-kbir, konjuġi fidili jafu jkun iridu jikkanċellaw is-siġill tagħhom mal-konjuġi tagħhom li ma jibqgħux fidili biex jitbiegħdu kemm jista’ jkun minnhom, kemm fid-dinja kif ukoll fl-eternità. Jekk intom qed tinkwetaw li b’xi mod se tkunu marbutin ma’ xi konjuġi li kellkom li baqa’ ma nidimx, ftakru, mhux se jkun il-każ! Alla mhux se jitlob lil xi ħadd biex jibqa’ f’relazzjoni ta’ siġill tul l-eternità kontra r-rieda tagħha jew tiegħu. Missierna fis-Smewwiet jiżgura li aħna nirċievu kull barka li jippermettu x-xewqat u l-għażliet tagħna.17

    Madankollu, jekk tkunu tixtiequ li s-siġill jiġi kkanċellat, il-volontà tagħkom tiġi rrispettata. Intom tkunu meħtieġa li ssegwu ċerti proċeduri. Iżda dan m’għandux isir b’mod każwali! L-Ewwel Presidenza tħaddan l-imfietaħ li torbot fid-dinja u fis-smewwiet. Ladarba jiġi kkanċellat is-siġill mill-Ewwel Presidenza, il-barkiet relatati ma’ dak is-siġill ma jibqgħux jgħoddu aktar; huma jiġu kkanċellati kemm b’mod laterali kif ukoll vertikali. Huwa importanti nifhmu li biex nirċievu l-barkiet tal-eżaltazzjoni, jeħtieġ nuru li aħna lesti li nidħlu f’dan il-patt ġdid u għal dejjem u nibqgħu fidili lejh, kemm f’din il-ħajja u f’li ġejja.

  2. Għal dawk li huma membri single tal-Knisja, jekk jogħġobkom ftakru li “Bil-mod u fil-ħin li jiddeċiedi l-Mulej, l-ebda barka mhi se tinżamm mill-Qaddisin fidili tiegħu. Il-Mulej se jiġġudika u jippremja lil kull individwu skont ix-xewqa ta’ qalbu kif ukoll skont għemilu.”18

  3. Jekk intom ma bqajtux leali lejn il-patti tagħkom tat-tempju, għandu jkollkom tama? Iva! L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ tama. Dik it-tama tiġi permezz ta’ Ġesù Kristu permezz ta’ ndiema sinċiera u billi nimxu b’ubbidjenza wara t-tagħlim ta’ Kristu. Jiena rajt individwi li jagħmlu żbalji gravi, u jiksru l-patti sagri. Fuq bażi regolari, jiena nara lil dawk li jindmu b’mod sinċier, u jiġu maħfura, u jerġgħu lura fit-triq tal-patt. Jekk intom ksirtu l-patti tagħkom tat-tempju, nitlobkom biex idduru lejn Ġesù Kristu, tiddiskutu mal-isqof tagħkom, tindmu, u tiftħu qalbkom għall-qawwa setgħana tal-fejqan li hi disponibbli minħabba l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Ħuti, Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba tana ċerti patti biex aħna jkun jista’ jkollna aċċess għal dak kollu li Hu għandu lest għalina. Dawn il-barkiet sagri minn Alla huma aktar delizzjużi minn kull frott ieħor fid-dinja. Dan il-frott jista’ jiġi ppreservat għalina għal dejjem, u jsir frott li jibqa’, jekk nibqgħu fidili lejn il-patti tagħna.

Jiena nixhed li Alla rrestawra l-awtorità li dak li jiġi marbut fid-dinja u fis-smewwiet. Dik l-awtorità nsibuha fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Tinsab f’idejn l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax u tiġi mħaddma taħt id-direzzjoni tal-President Russell M. Nelson. Dawk li jidħlu fil-patt ġdid u għal dejjem taż-żwieġ u jħarsu dak il-patt jistgħu jiġu pperfezzjonati u eventwalment jirċievu l-milja tal-glorja tal-Missier, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li m’għandhomx kontroll fuqhom.19

Dawn il-barkiet imwiegħda marbuta mal-patti tagħna jistgħu jiġu ssiġillati fuqna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed u jsiru frott li jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ġwanni 15:16.

  2. Ara Dale G. Renlund, “Naċċessaw il-Qawwa ta’ Alla permezz tal-Patti,” Liahona, Mejju 2023, 35–38; Doctrine and Covenants 132:7.

  3. Ordinanza tiġi ssiġillata meta tkun valida kemm fis-smewwiet kif ukoll fl-art għax tiġi mwettqa minn xi ħadd li għandu l-awtorità u tiġi ratifikata mill-Ispirtu s-Santu.

    “Aħna nafu nħarsu lejn l-awtorità tas-siġill bħala xi ħaġa li tapplika biss għal ċerti ordinanzi tat-tempju, iżda dik l-awtorità hija neċessarja biex kwalunkwe ordinanza tkun valida u torbot lil hinn mill-mewt. Il-qawwa tas-siġill tikkonferixxi siġill leġittimu fuq il-magħmudija tagħkom, per eżempju, ħalli tkun tista’ tiġi rikonoxxuta hawnhekk u fis-smewwiet. Ultimament, l-ordinanzi kollha tas-saċerdozju jiġu mwettqa taħt l-imfietaħ tal-President tal-Knisja, u kif spjega l-President Joseph Fielding Smith ‘Huwa [il-President tal-Knisja] tana l-awtorità, huwa poġġa l-qawwa tas-siġill fis-saċerdozju tagħna, għax huwa jħaddan dawk l-imfietaħ’ [ikkwotat minn Harold B. Lee, f’Conference Report, Ott. 1944, 75]” (D. Todd Christofferson, “Il-Qawwa tas-Siġill,” Liahona, Nov. 2023, 20).

    “Att li huwa ssiġillat permezz tal-Ispirtu s-Santu li Kien Imwiegħed huwa att li ġie rratifikat permezz tal-Ispirtu s-Santu; huwa att li hu approvat mill-Mulej. … Ħadd ma jista’ jigdeb lill-Ispirtu s-Santu bla ma jinqabad. Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għal kull ordinanza u prestazzjoni oħra fil-Knisja. Għalhekk jekk iż-żewġ naħat fiż-żwieġ huma ‘ġusti u leali’ [Doctrine and Covenants 76:53], jekk huma denji, jitpoġġa siġill ta-ratifika fuq iż-żwieġ tagħhom tat-tempju; jekk huma ma jkunux denji, huma ma jiġux iġġustifikati mill-Ispirtu u r-ratifika tal-Ispirtu s-Santu ma tkunx tgħodd. Id-denjità sussegwenti tattiva s-siġill u l-ħażen ikisser kull siġill” (Bruce R. McConkie, “Holy Spirit of Promise,” f’ Preparing for an Eternal Marriage Student Manual [2003], 136).

    L-Ispirtu s-Santu li Kien Imwiegħed huwa l-Ispirtu s-Santu li jittimbra l-approvazzjoni fuq kull ordinanza: il-magħmudija, il-konferma, l-ordinazzjoni, u ż-żwieġ. Il-wegħda hi li l-barkiet jiġu milqugħin permezz tal-fedeltà. Jekk xi persuna tikser xi patt, kemm jekk hu l-magħmudija, l-ordinazzjoni, iż-żwieġ jew xi ħaġa oħra, l-Ispirtu jħassar it-timbru tal-approvazzjoni, u l-barkiet ma jiġux milqugħin. Kull ordinanza tiġi ssiġillata, permezz ta’ wegħda li magħha hemm premju skont il-fedeltà tal-persuna. L-Ispirtu s-Santu jħassar it-timbru tal-approvazzjoni meta jinkisru l-patti” (Joseph Fielding Smith, Doctrines of Salvation, miġ. Bruce R. McConkie [1954], 1:45).

  4. Russell M. Nelson, Heart of the Matter: What 100 Years of Living Have Taught Me (2023), 15. Il-patti kollha jeħtieġ li jiġu ssiġillati permezz tal-Ispirtu s-Santu li Kien Imwiegħed, jekk iridu jibqgħu jgħoddu wara l-qawmien mill-imwiet (ara Doctrine and Covenants 132:7).

  5. Russell M. Nelson, “Celestial Marriage,” Liahona, Nov. 2008, 94.

  6. Doctrine and Covenants 132:19.

  7. Ara Doctrine and Covenants 84:38.

  8. Doctrine and Covenants 131:1–4.

  9. Ara Doctrine and Covenants 132:19–20. “Dik l-ogħla destinazzjoni—l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali—hija l-fokus tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien” (Dallin H. Oaks, “Saltniet ta’ Glorja,” Liahona, Nov. 2023, 26).

  10. “L-istess kif iż-żwiġijiet u l-familji għandhom rabta unika laterali li toħloq imħabba speċjali, l-istess nistgħu ngħidu għar-relazzjoni ġdida li tiġi ffurmata meta aħna nintrabtu b’mod vertikali permezz ta’ patt ma’ … Alla” meta nidħlu fil-patt ġdid u għal dejjem taż-żwieġ (Russell M. Nelson, Heart of the Matter, 41–42).

  11. Doctrine and Covenants 42:22; ara wkoll General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 38.6.16. Waqt li hawn qed niddiskuti ż-żwieġ, jien qed nirreferi għaż-żwieġ skont il-liġi ta’ Alla, li jiddefinixxi ż-żwieġ bħala għaqda legali u skont il-liġi bejn raġel u mara (ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Gospel Library).

  12. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Librerija tal-Evanġelju.

  13. Ara Doctrine and Covenants 42:22–24.

  14. Dallin H. Oaks, “Saltniet ta’ Glorja,” 29; enfażi miżjuda.

  15. Ara Doctrine and Covenants 86:8–11; 113:8; Abraham 2:9–11.

  16. Ara General Handbook, 38.4.1.

    Waqt li kont qed inservi missjoni full-time fl-Isvizzera, jien u l-kollega tiegħi qsamna l-evanġelju ma’ koppja Svizzera meraviljuża li kellhom 60 sena. Hekk kif għallimna lil din il-koppja dwar il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, il-mara wriet interess f’dak li konna qed ngħallmu. Fil-ġimgħat ta’ wara, hija kisbet testimonjanza dwa ir-realtà li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu ġiet irrestawrata b’awtorità xierqa minn Alla, u li Ġesù Kristu jmexxi l-Knisja tiegħu permezz ta’ profeti u appostli ħajjin. Aħna bdejna nħarsu ’l quddiem biex ngħallmu lil din il-koppja dwar waħda mill-aktar duttrina sublimi tar-Restawrazzjoni, l-opportunità ta’ żwieġ etern. B’sorpriża kbira għalina, madankollu, hekk kif bdejna ngħallmu lil din il-koppja dwar id-duttrina taż-żwieġ etern, il-mara Svizzera qaltilna li ma kellha l-ebda interess li tgħaddi l-eternità kollha ma’ żewġha. Għaliha, is-smewwiet ma kienx jinkludi li hija tkun ma’ żewġha li kienet ilha miżżewġa lilu għal 36 sena. Din l-oħt ġiet mgħammda, iżda żewġha le. Huma qatt ma ġew issiġillati fit-tempju.

    Għal ħafna, madankollu, is-smewwiet ma jkunx smewwiet mingħajr ma jkunu mal-persuna li lilha żżewġu. Li nkunu flimkien mal-konjuġi li nħobbu għal dejjem, verament hu dak li rridu fis-smewwiet. Kif qasam magħna l-Presbiteru Jeffrey Holland dwar l-għażiża maħbuba martu, Pat, is-smewwiet ma jkunx smewwiet mingħajrha (ara “Scott Taylor: For Elder Holland, Heaven without His Wife and Children ‘Wouldn’t Be Heaven for Me,’” Church News, 22 ta’ Lulju, 2023, thechurchnews.com).

  17. Ara Dallin H. Oaks, “Saltniet ta’ Glorja,” 26.

  18. Russell M. Nelson, “Żwieġ Ċelestjali,” 94.

  19. Ara Ġwanni 15:16.