Mirakli, Anġli, u l-Qawwa tas-Saċerdozju
Jekk tixtieq il-barkiet tas-saċerdozju, inklużi l-mirakli u l-ministeru tal-anġli, imxi fit-triq tal-patti li Alla għamel disponibbli.
Ħafna llum jgħidu li l-mirakli m’għadhomx jeżistu, li l-anġli huma fittizji, u li s-smewwiet huma magħluqa. Nixhed li l-mirakli ma waqfux, l-anġli qegħdin fostna, u s-smewwiet huma tassew miftuħa.
Meta s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, kien fuq l-art, hu ta l-imfietaħ tas-saċerdozju lill-Appostlu Prinċipali tiegħu Pietru.1 Permezz ta’ dawn l-imfietaħ, Pietru u l-Appostli l-oħra mexxew il-Knisja tas-Salvatur. Imma meta mietu dawk l-Appostli, l-imfietaħ tas-saċerdozju ttieħdu lura mill-art.
Nixhed li l-imfietaħ tal-qedem tas-saċerdozju ġew rrestawrati. Pietru, Ġakbu, u Ġwanni u l-profeti tal-qedem l-oħra dehru bħala ħlejjaq rxoxtati li jagħtu lill-Profeta Joseph Smith dak li l-Mulej iddeskriva bħala “l-imfietaħ tas-saltna tiegħi, u dispensa tal-evanġelju.”2
Dawk l-istess imfietaħ ġew mgħoddija minn profeta għal ieħor sal-lum il-ġurnata. Il-15-il raġel li nsostnu bħala profeti, veġġenti, u rivelaturi jużawhom biex imexxu l-Knisja tas-Salvatur. Bħal fi żminijiet tal-qedem, hemm Appostlu wieħed anzjan li għandu u huwa awtorizzat jeżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. Dan huwa l-President Russell M. Nelson, profeta u President tal-Knisja rrestawrata ta’ Kristu fi żmienna: Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Permezz tal-Knisja tas-Salvatur, aħna nirċievu l-barkiet tas-saċerdozju—inkluża l-qawwa ta’ Alla biex tgħinna f’ħajjitna. Taħt l-imfietaħ tas-saċerdozju awtorizzati, aħna nagħmlu wegħdiet sagri lil Alla u nirċievu ordinanzi sagri li jippreparawna biex ngħixu fil-preżenza tiegħu. Nibdew bil-magħmudija u l-konferma, u mbagħad fit-tempju, nimxu ‘l quddiem fi triq ta’ patti li jwassluna lura lejh.
Bl-idejn fuq rasna, aħna nirċievu wkoll barkiet tas-saċerdozju, inkluż direzzjoni, faraġ, pariri, fejqan, u s-setgħa li nimxu wara Ġesù Kristu. Tul ħajti ġejt imbierek b’din il-qawwa kbira. Kif ġie żvelat fl-Iskrittura, nirreferu għaliha bħala l-qawwa tas-Saċerdozju qaddis ta’ Melkisedek.3
Fiż-żgħożija tiegħi kelli rispett kbir għal din il-qawwa, immanifestata b’mod speċjali fil-barkiet tas-saċerdozju. Waqt li kont qed naqdi bħala missjunarju żagħżugħ fiċ-Ċili, jien u sieħbi ġejna arrestati u separati minn xulxin. Qatt ma qalulna għaliex. Kien żmien ta’ taqlib politiku kbir fil-pajjiż. Eluf ta’ persuni ttieħdu taħt arrest mill-pulizija militari u qatt ma reġgħu semgħu minnhom.
Wara li ġejt interrogat, sibtni waħdi f’ċella tal-ħabs, ma kontx naf jekk qattx se nerġa nara lill-maħbubin tiegħi. Dort lejn Missieri fis-Smewwiet, u tlabt bil-ħerqa: “Missier jien dejjem ġejt mgħallem li Int tgħasses fuq il-missjunarji tiegħek. Jekk jogħġbok Missier, jien m’inhiex speċjali, imma kont ubbidjenti u għandi bżonn l-għajnuna tiegħek illejla.”
Iż-żerriegħa tas-solliev tiegħu kienet tħawwlet ħafna snin qabel. Wara l-magħmudija tiegħi, ġejt ikkonfermat membru tal-Knisja u ngħatajt id-don tal-Ispirtu s-Santu. Waqt li tlabt, waħdi fiċ-ċella, mill-ewwel ħassejt il-faraġ tal-Ispirtu s-Santu. Fakkarni f’silta speċifika ħafna mill-barka patrijarkali tiegħi, li hija barka oħra tas-saċerdozju. Fiha, Alla wegħedni li permezz tal-fedeltà tiegħi nkun nista’ nkun issiġillat fit-tempju għal żmien u eternità ma’ mara mimlija sbuħija u virtù u mħabba, li nsiru l-ġenituri ta’ wlied u bniet maħbuba, u li jien se nkun mbierek bħal missier f’Iżrael.
B’dak il-kliem ispirat dwar il-futur tiegħi ruħi mliet bil-paċi. Kont naf li kienu ġejjin minn Missieri fis-Smewwiet, li dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu.4 F’dak il-mument, kelli l-assigurazzjoni li se ninħeles u ngħix biex nara dawk il-wegħdiet jitwettqu.
Madwar sena wara, Missierna fis-Smewwiet berekni b’mara mimlija sbuħija u virtù u mħabba. Lynette u jien konna ssiġillati fit-tempju. Konna mberkin bi tliet subien u erbaʼ bniet prezzjużi. Sirt missier, kollox skont il-wegħdiet t’Alla fil-barka patrijarkali li rċevejt bħala tifel ta’ 17-il sena.
“Għalhekk, ħuti għeżież, tassew li l-mirakli waqfu għax Kristu tela’ fis-sema? …
“… Le; lanqas l-anġli ma waqfu jimministraw lill-ulied il-bnedmin.”5
Nixhed li l-mirakli u l-amministrazzjonijiet qed iseħħu kontinwament f’ħajjitna, ħafna drabi bħala riżultat dirett tal-qawwa tas-saċerdozju. Xi barkiet tas-saċerdozju jitwettqu immedjatament, b’modi li nistgħu naraw u nifhmu. Oħrajn qed jiżvolġu gradwalment u mhux se jiġu realizzati għal kollox f’din il-ħajja. Imma Alla jżomm il-wegħdiet kollha tiegħu, dejjem, kif muri f’dan ir-rakkont mill-istorja tal-familja tagħna:
In-nannu tiegħi, Grant Reese Bowen kien raġel ta’ fidi kbira. Niftakar b’mod ċar li smajtu jirrakkonta kif irċieva l-barka patrijarkali tiegħu stess. Fid-djarju tiegħu, hu kiteb: “Il-patrijarka wegħedni d-don tal-fejqan. Huwa qal, ‘Il-morda għandu jitfejjaq. Iva, il-mejtin iqumu taħt idejk.’”
Snin wara, in-nannu kien qed jiġbor it-tiben meta ħassu mħeġġeġ biex jirritorna d-dar. Huwa kien milqugħ minn missieru. “Grant, ommok għadha kif mietet,” qallu missieru.
Nerġa’ nikkwota mid-djarju tan-Nannu: “Ma waqaftx imma mort ngħaġġel id-dar u ħriġt fuq fid-daħla ta’ quddiem fejn kienet mimduda fuq mitraħ. Ħarist lejha u stajt nara li ma kien fadal ebda sinjal ta’ ħajja fiha. Ftakart fil-barka patrijarkali tiegħi u fil-wegħda li, permezz tal-fidi tiegħi l-morda kien se jfiequ; u l-mejtin kienu se jqumu. Poġġejt idejja fuq rasha, u għidt lill-Mulej li jekk il-wegħda li hu kien għamel miegħi mill-patrijarka kienet vera, biex nagħmilha manifesta f’dan iż-żmien u nqajjem lil ommi lura għall-ħajja. Jien wegħedtu li jekk se jagħmel dan, qatt ma għandi noqgħod lura milli nagħmel dak kollu li jista’ għall-bini tas-saltna tiegħu. Hekk kif tlabt, fetħet għajnejha u qalet, ‘Grant, qajjimni. Jien kont fid-Dinja tal-Ispirti, imma int sejjaħtli lura. Ħalli din tkun dejjem xhieda għalik u għall-bqija tal-familja tiegħi.’”
Il-President Russell M. Nelson għallimna nfittxu u nistennew mirakli.6 Nixhed li minħabba li s-saċerdozju ġie rrestawrat, il-qawwa u l-awtorità ta’ Alla jinsabu fuq l-art. Permezz ta’ sejħiet u kunsilli, irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tas-saċerdozju. Hija ħidma ta’ mirakli, magħmula mill-anġli. Hija l-ħidma tas-sema, u tbierek lil ulied Alla.
Fl-1989, il-familja tagħna ta’ seba’ nies kienet qed tirritorna minn ħarġa organizzata mill-qasam. Kien tard. Lynette kienet qed tistenna s-sitt wild. Ħasset ġibda qawwija biex taqfel iċ-ċinturin tas-sigurtà, li kienet insiet tagħmel. Ftit wara wasalna madwar liwja fit-triq; karozza qasmet il-linja għal karreġġjata tagħna. B’sewqan ta’ madwar 70 mil (112 km) fis-siegħa, dawwart f’salt biex nevita li nolqot il-karozza li kienet ġejja. Il-vann tagħna rrumbla, jaqa’ fl-awtostrada, u jiżżerżaq ‘l barra mit-triq jinżel bin-naħa tal-passiġġier fil-ħmieġ.
Li nista’ niftakar li smajt dak il-ħin kienet il-vuċi ta’ Lynette: “Shayne, irridu noħorġu minn bieba tiegħek.” Kont imdendel fl-arja maċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħi. Ħadt ftit sekondi biex niġi f’tiegħi. Bdejna nerfgħu lit-tfal mill-vann mit-tieqa tiegħi, li issa kien is-saqaf tal-vann. Mbikkija staqsew x’kien ġara.
Malajr indunajna li t-tifla tagħna ta’ 10 snin, Emily, kienet nieqsa. Għajjatna isimha, iżda ma kien hemm l-ebda tweġiba. Membri tal-qasam, li wkoll kienu qed jivvjaġġaw lejn id-dar, kienu fuq il-post qed ifittxuha b’mod frenetiku. Kien dlam ċappa. Erġajt fittixt fil-vann bil-flashlight u għall-biża’ tiegħi, rajt il-ġisem ċkejken ta’ Emily maqbud taħt il-vann. Għajjat iddisprat, “Irridu nerfgħu l-vann minn fuq Emily.” Qbadt is-saqaf u ġbidt lura. Kien hemm biss ftit oħrajn jerfgħu, iżda l-vann mirakoluż inqaleb fuq ir-roti tiegħu, u kixef il-ġisem bla ħajja ta’ Emily.
Emily ma kinitx qed tieħu n-nifs. Wiċċha kien kulur ta’ għajnbaqar vjola. Jien għedt, “Għandna bżonn nagħtuha barka.” Ħabib għażiż u membru tal-qasam niżel għarkobbtejha miegħi u bl-awtorità tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek, f’isem Ġesù Kristu, ikkmandajniha tgħix. F’dak il-mument, Emily ħadet nifs twil maħsud.
Wara dak li dehru sigħat twal, fl-aħħar waslet l-ambulanza. Emily ttieħed b’urġenza l-isptar. Waqfilha l-pulmun u kellha ligament maqtugħ fl-irkoppa. Il-ħsara fil-moħħ kienet ta’ tħassib minħabba l-ħin li kienet mingħajr ossiġnu. Emily kienet f’koma għal ġurnata u nofs. Aħna komplejna nsumu u nitolbu għal miraklu. Hija kienet mbierka b’fejqan sħiħ. Illum, Emily u żewġha, Kevin, huma l-ġenituri ta’ sitt’ibniet.
Mirakolożament, kulħadd harab mill-vann. It-tarbija li kienet tqila bih Lynette kien Tyson. Hu wkoll ħeles minn kull ħsara u twieled fi Frar li għaddha. Tmien xhur wara, wara li rċieva l-ġisem tiegħu fuq l-art, Tyson mar lura d-dar għand Missierna fis-Smewwiet. Huwa l-iben l-anġlu kustodju tagħna. Inħoss l-influwenza tiegħu fil-familja tagħna u ħerqana li nerġgħu nkunu miegħu.7
Dawk li għollew il-vann minn fuq Emily osservaw li l-vann ma kienx daqshekk tqil. Kont naf li anġli tas-sema kienu ngħaqdu ma’ l-anġli ta’ l-art biex jerfgħu l-vettura minn fuq il-ġisem ta’ Emily. Naf ukoll li Emily ingħatat il-ħajja mill-qawwa tas-saċerdozju qaddis.
Il-Mulej wera din il-verità lill-qaddejja tiegħu: “Għax jien nimxi quddiemek. Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.”8
Nixhed li “is-Saċerdozju Qaddis, wara l-Ordni tal-Iben ta’ Alla”9—is-Saċerdozju ta’ Melkisedek—bl-imfietaħ, l-awtorità u l-qawwa tiegħu ġie rrestawrat fid-dinja f’dawn l-aħħar żmien. Naf li filwaqt li mhux iċ-ċirkostanzi kollha jirriżultaw bħalma nistgħu nittamaw u nitolbu għalihom, il-mirakli ta’ Alla dejjem jiġu skont ir-rieda tiegħu, iż-żmien tiegħu u l-pjan tiegħu għalina.
Jekk tixtieq il-barkiet tas-saċerdozju, inklużi l-mirakli u l-ministeru tal-anġli, nistedinkom timxu fit-triq tal-patti li Alla għamel disponibbli għal kull wieħed minna. Membri u mexxejja tal-Knisja li jħobbuk jgħinuk tagħmel il-pass li jmiss.
Nixhed li Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, jgħix u jmexxi l-Knisja tiegħu permezz ta’ profeti ħajjin li jżommu u jeżerċitaw l-imfietaħ tas-saċerdozju. L-Ispirtu s-Santu huwa reali. Is-Salvatur ta ħajtu biex ifejjaqna, iġibna lura, u jġibna d-dar.
Jiena xhud li l-mirakli ma waqfux, l-anġli huma fostna, u s-smewwiet huma miftuħa. U tassew li huma miftuħa! F’isem Ġesù Kristu, ammen.