Konferenza Ġenerali
Afdaw fil-Mulej
konferenza ġenerali April 2024


Afdaw fil-Mulej

Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tikber biss skont kemm aħna lesti li nafdawh.

Fil-familja tagħna, aħna xi kultant nilagħbu logħba li nsejħulha “L-Eżerċizzju tal-Ġenn ta’ Fiduċja.” Jista’ jkun li anke intom lgħabtuha. Tnejn min-nies jieqfu ftit piedi ’l bogħod minn xulxin, wieħed minnhom dahru lejn l-ieħor. Mas-sinjal tal-persuna li tkun fuq wara, il-persuna li tkun quddiem tinxteħet lura f’dirgħajn seħibha.

Il-fiduċja hija s-sisien ta’ kull relazzjoni. Tajjeb li qabel nibdew xi relazzjoni nistaqsu l-mistoqsija importanti “Nista’ jien nafda lill-persuna l-oħra?” Relazzjoni tiġi ffurmata biss meta n-nies ikunu lesti li jifdaw lil xulxin. Mhijiex relazzjoni jekk persuna waħda tafda bis-sħiħ iżda l-persuna l-oħra ma tafdax.

Ilkoll kemm aħna iben jew bint spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba.1 Iżda filwaqt li l-arblu tar-razza spiritwali tagħna jipprovdilna ċertu pedament, fih innifsu ma joħloqx relazzjoni sinifikanti ma’ Alla. Aħna nistgħu nibnu relazzjoni biss jekk nagħżlu li nafdaw fih.

Missierna fis-Smewwiet jixtieq li jibni relazzjoni mill-viċin u personali ma’ kull wieħed u waħda mill-ulied spirti tiegħu.2 Ġesù esprima dik ix-xewqa meta talab, “Li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”3 Ir-relazzjoni li Alla jixtieq li jkollu ma’ kull iben jew bint spirtu hi waħda tant mill-viċin u personali li Hu jkun jista’ jaqsam miegħu jew magħha dak kollu li għandu u dak li Hu.4 Din it-tip ta’ relazzjoni profonda u li tibqa’ tista’ tiżviluppa biss meta tkun mibnija fuq il-fiduċja perfetta u sħiħa.

Min-naħa tiegħu, Missierna fis-Smewwiet ilu jaħdem mill-bidu biex jikkomunika l-fiduċja assoluta tiegħu fil-potenzjal divin ta’ kull wieħed u waħda minn uliedu. Il-fiduċja hija l-pedament tal-pjan li Huwa ppreżenta għat-tkabbir u l-progressjoni tagħna qabel ġejna fid-dinja. Huwa jgħallimna liġijiet eterni, joħloq dinja, jipprovdilna ġisem mortali, jagħtina d-don li nagħżlu għalina nfusna, u jippermettilna li nitgħallmu u nikbru billi nagħmlu l-għażliet tagħna. Huwa jridna nagħżlu li nimxu wara l-liġijiet tiegħu u nerġgħu lura biex ingawdu l-ħajja ta’ dejjem miegħu u ma’ ibnu.

Peress li kien jaf li aħna mhux dejjem se nagħmlu għażliet tajba, Huwa ħejja għalina wkoll mod kif nistgħu naħarbu mill-konsegwenzi tal-għażliet ħżiena tagħna. Huwa pprovdielna Salvatur—lil Ibnu, Ġesù Kristu—biex ipatti għal dnubietna u jerġa’ jnaddafna bil-kundizzjoni li aħna nindmu.5 Huwa jistedinna biex nużaw ir-rigal prezzjuż tal-indiema regolarment.6

Kull ġenitur jaf kemm hu diffiċli li nafdaw li t-tfal biżżejjed li nħalluhom jiddeċiedu għalihom infushom, speċjalment meta l-ġenituri jafu li hemm ċans li t-tfal sejrin jiżbaljaw u minħabba f’hekk jispiċċaw ibatu. Madankollu Missierna fis-Smewwiet jippermetti li aħna nagħmlu l-għażliet li jgħinuna nilħqu l-potenzjal divin tagħna! Kif għallem il-Presbiteru Dale G. Renlund, “L-għan ta’ Missierna tas-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu dak li hu tajjeb; hu li jwassal lil uliedu biex jagħżlu li jagħmlu dak li hu tajjeb u ultimament isiru bħalu.”7

Minkejja l-fiduċja li Alla għandu fina, ir-relazzjoni tagħna miegħu tista’ tikber biss skont kemm aħna lesti li nafdawh. L-isfida hi li aħna qed ngħixu f’dinja mitlufa u lkoll esperjenzajna telfien ta’ fiduċja minħabba d-diżonestà, il-manipulazzjoni, it-theddid ta’ ħaddieħor, jew ċirkustanzi oħra. Ladarba niġu ttraduti, nafu nsibuha diffiċli nerġgħu nafdaw. Dawn l-esperjenzi ta’ fiduċja negattivi li jkollna ma’ nies imperfetti jafu anke jaffettwaw ir-rieda tagħna li nafdaw f’Missier fis-Smewwiet li hu perfett.

Bosta snin ilu, żewġ ħbieb tiegħi, Leonid u Valentina, esprimew miegħi l-interess tagħhom li jsiru membri tal-Knisja. Hekk kif Leonid beda jitgħallem l-evanġelju, huwa beda jsibha diffiċli biex jitlob. Aktar kmieni f’ħajtu, Leonid kien bata minħabba manipulazzjoni u kontroll mis-superjuri tiegħu u żviluppa fih nuqqas ta’ fiduċja fl-awtorità. Dawn l-esperjenzi affettwaw l-abbiltà tiegħu li jiftaħ qalbu u jesprimi s-sentimenti personali tiegħu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Maż-żmien u bl-għajnuna tal-istudju, Leonid kiseb għarfien aħjar tal-karattru ta’ Alla u huwa esperjenza fih l-imħabba ta’ Alla. Eventwalment, it-talb sar għalih xi ħaġa naturali u beda jesprimi r-ringrazzjament u l-imħabba li beda jħoss għal Alla. Il-fiduċja akbar tiegħu f’Alla eventwalment wasslet biex hu u Valentina jidħlu f’patti sagri biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u ma’ xulxin.

Jekk nuqqas ta’ fiduċja li kellkom qabel qed iżommkom milli tafdaw f’Alla, jekk jogħġobkom imxu wara l-eżempju ta’ Leonid. Bis-sabar komplu tgħallmu aktar dwar Missierna fis-Smewwiet, u dwar il-karattru, il-kwalitajiet, u l-għanijiet tiegħu. Fittxu u rrekordjaw esperjenzi li fihom ħassejtu l-imħabba u l-qawwa tiegħu f’ħajjitkom. Il-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson, għallem li aktar ma nitgħallmu dwar Alla, aktar ikun faċli għalina li nafdaw fih.8

Xi kultant l-aqwa mod biex nitgħallmu nafdaw f’Alla huwa sempliċiment billi nafdaw fih. Bħall-“L-Eżerċizzju tal-Ġenn ta’ Fiduċja,” xi kultant aħna sempliċiment ikollna bżonn naqgħu lura u nħalluh jilqagħna. Il-ħajja mortali tagħna hija prova. L-isfidi li jippruvawna lil hinn mill-kapaċità tagħna nesperjenzawhom ta’ spiss. Meta d-dehen u l-għarfien ma jkunux biżżejjed, aħna naturalment infittxu riżorsi li jistgħu jgħinuna. F’dinja kkunsmata mill-informazzjoni, mhawnx nuqqas ta’ sorsi li jippromwovu s-soluzzjonijiet tagħhom għall-isfidi tagħna. Madankollu, il-parir sempliċi u etern li nsibu fil-Proverbji jipprovdilna l-aqwa parir: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.”9 Aħna nuru l-fiduċja tagħna f’Alla meta nħabbtu wiċċna mal-isfidi tal-ħajja.

Wara li temmejt l-iskola tal-liġi f’Utah, bħala familja kellna nieħdu d-deċiżjoni importanti dwar fejn kellna mmorru naħdmu u noqogħdu. Wara li ddiskutejna bejnietna u mal-Mulej, aħna ħassejna l-ispirazzjoni li kellna mmorru bħala familja fil-lvant tal-Istati Uniti, ’il bogħod mill-ġenituri u minn ħutna. Għall-ewwel, kollox mar sew, u aħna ħassejna fina l-konferma tad-deċiżjoni tagħna. Iżda mbagħad inbidel kollox. Fil-kumpanija tal-liġi bdew inaqqsu l-ispejjeż, u jiena kelli ċans verament li nispiċċa mingħajr impjieg jew assigurazzjoni fiż-żmien li fih twieldet it-tifla tagħna Dora bi sfidi mediċi serji u bżonnijiet speċjali li kienu se jibqgħu jkarkru tul iż-żmien. Waqt li konna qed inħabbtu wiċċna ma’ dawn l-isfidi, jiena ġejt mitlub inservi f’sejħa li kienet se teħodli ħin mhux ħażin u kienet se timpenjani bil-kbir.

Qatt ma kont ifaċċjajt sfida bħal din u ħassejtni nitħawwad bil-kbir. Jiena bdejt niddubita d-deċiżjoni li konna ħadna u l-konferma li ħassejna wara. Aħna konna afdajna fil-Mulej, u l-affarijiet suppost kellhom jaħdmu għall-aħjar tagħna. Jiena kont waqajt għal dahri, u issa kollox beda jidher li ħadd ma kien se jilqagħni.

Jum fost l-oħrajn, feġġ f’moħħi u f’qalbi l-kliem “Tistaqsinix għalfejn; staqsini x’irridek titgħallem minn dan.” Issa aktar bdejt inħossni mħawwad. F’dak il-mument li kont qed niddubita d-deċiżjoni li ħadt qabel, Alla kien qed jistedinni biex nafdah aktar. Meta nħares lura, nara li dan kien mument kritiku f’ħajti—kien il-mument meta ndunajt li l-aħjar mod kif nitgħallem nafda f’Alla kien billi sempliċiment nafda fih. Fil-ġimgħat ta’ wara, jiena rajt b’għaġeb kbir lill-Mulej b’mod mirakoluż iħaddem il-pjan tiegħu biex ibierek lill-familja tagħna.

Għalliema u kowċis tajbin jafu li t-tkabbir intelletwali u s-saħħa fiżika huma possibbli biss meta neżerċitaw moħħna u l-muskoli tagħna. Bl-istess mod, Alla jistedinna biex nikbru billi nafdaw fit-tagħlim spiritwali tiegħu permezz ta’ esperjenzi li jwassluna biex neżerċitaw ruħna. Għalhekk, aħna nistgħu nkunu ċerti li l-fiduċja tagħna kollha f’Alla li nkunu wrejna fil-passat, tkun qed tħejjina għal esperjenza oħra li għad tippruvalna l-fiduċja tagħna. Alla huwa ffokat fuq it-tkabbir u l-progress tagħna. Huwa l-Għalliem Prim, il-kowċ komplut li dejjem jaħdem biex jgħinna nirrealizzaw ftit aktar mill-potenzjal divin tagħna. Dan dejjem jinkludi stedina li se jkollna fil-futur biex nafdaw ftit aktar fih.

Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna l-mudell li Alla juża biex jippruvana ħalli Huwa jibni relazzjonijiet b’saħħithom magħna. F’ Come, Follow Me, aħna m’ilux studjajna kif il-fiduċja ta’ Nefi f’Alla ġiet ippruvata meta hu u ħutu ġew ordnati biex jerġgħu lura Ġerusalemm ħalli jiksbu l-pjanċi tar-ram. Wara li l-ewwel attentati tagħhom fallew, ħutu qatgħu qalbhom u kienu lesti jerġgħu lura mingħajr il-pjanċi. Iżda Nefi għażel li jafda kompletament fil-Mulej u rnexxielu jikseb il-pjanċi.10 Dik l-esperjenza probabbilment wasslet biex Nefi jkabbar il-kunfidenza tiegħu f’Alla meta l-qaws tiegħu nqasam u l-familja bdiet tiffaċċja l-ġuħ fid-deżert. Għal darb’oħra, Nefi għażel li jafda f’Alla, u l-familja ġiet salvata.11 Dawn l-esperjenzi suċċessivi lin-Nefi mlewh sewwasew b’aktar kunfidenza f’Alla, liema kunfidenza kellu bżonnha biex jibni d-dgħajsa, biċċa xogħol diffiċli li ma kienx se jkun ma jiffaċċja li ppruvatlu bil-kbir il-fiduċja tiegħu f’Alla.12

Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, Nefi saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla billi konsistentement u kontinwament kompla jafda fih. Alla juża l-istess mudell magħna. Huwa jestendi l-istedina personali tiegħu lilna biex isaħħaħna u biex aħna nkabbru l-fiduċja tagħna fih.13 Kull daba li aħna naċċettaw u naġixxu fuq xi stedina, il-fiduċja tagħna f’Alla tikber. Jekk aħna ma nagħtux każ jew ma naċċettawx dik l-istedina, il-progress tagħna jieqaf sakemm aħna nkunu ninsabu lesti biex naġixxu fuq stedina ġdida.

L-aħbar it-tajba hi li irrispettivament mill-fiduċja li għandna jew li għażilna li jkollna f’Alla fil-passat, aħna nistgħu nagħżlu li llum nafdaw f’Alla u nimxu kull jum ’il quddiem. Inwegħidkom li kull darba li nagħmlu dan, Alla jkun jinsab hemm biex jilqagħna, u r-relazzjoni tagħna ta’ fiduċja aktar ma tmur aktar tissaħħaħ sal-jum li fih aħna nsiru ħaġa waħda miegħu u ma’ Ibnu. Imbagħad inkunu nistgħu niddikjaraw flimkien ma’ Nefi, “O Mulej, jiena afdajt fik, u nafda fik għal dejjem.”14 F’isem Ġesù Kristu, ammen.