Konferenza Ġenerali
It-Tempji, Djar tal-Mulej Li Qed Jinbdew Mad-Dinja Kollha
konferenza ġenerali April 2024


It-Tempji, Djar tal-Mulej Li Qed Jinbdew Mad-Dinja Kollha

Kif intom tiġu b’mod den u fi spirtu ta’ talb fid-dar qaddisa tiegħu, intom tkunu armati bil-qawwa tiegħu.

Ma jogħġobkomx il-kliem sabiħ li għadna kif kantajna? Kemm jogħġobni l-kliem li għadna kif kantajna: “Insaħħek, u ngħinek biex wieqaf sod tkun, … B’idi l-omnipotenti inżommok jien fiż-żgur.”1 Il-Mulej qed jagħti l-qawwa lill-Qaddisin tiegħu ta’ kull età hekk kif huma jiġu fid-dar qaddisa tiegħu. Minn Kinshasa sa Zollikofen, u minn Fukuoka sa Oakland, iż-żgħażagħ, minn jeddhom, qed jiġu f’numri kbar fil-battisterji tat-tempju. Fil-passat, bosta ħaddiema tal-ordinanzi mill-aktar għeżież kellhom xagħarhom griż—iżda mhux aktar. Membri msejħa bħala missjunarji, missjunarju tas-servizz, u dawk li ġew lura minn missjoni jinsabu wara kull kantuniera. Madwar id-dinja hawn sentiment li dejjem qed jikber li qed iressaqna lejn id-dar tal-Mulej.

Ftit aktar minn sena ilu, ħabiba għażiża tal-familja tagħna, li għandha 95 sena, li tgħix mal-kosta tal-lvant tal-Istati Uniti, li kienet ilha 70 sena tiġi mgħallma mill-missjunarji, qalet lil bintha, “Irrid niġi miegħek it-tempju.”

Bintha wieġbet, “Isma’ Ma, l-ewwel jeħtieġ li titgħammed.”

Magħmudija ta’ oħt anzjana.

“Tajjeb,” weġbitha, “mela, irrid nitgħammed.” Hija tgħammdet. Ftit jiem wara, hija daħlet b’qima fil-battisterju tat-tempju. U ftit aktar minn xahar ilu, hija rċeviet id-dota u s-siġill tagħha. “L-għarfien u l-qawwa ta’ Alla qed jikbru; il-velu fuq id-dinja m’għadux hemm kif darba kien.”2

Oħt anzjana barra t-tempju.

Ġieli ħsibtu għalfejn il-Mulej qed imexxi lill-profeta tiegħu biex issa jibni t-tempji qaddisa tiegħu mad-dinja kollha?3 Għalfejn Hu, f’dan iż-żmien speċifiku, jagħti l-prosperità meħtieġa lin-nies tal-patt tiegħu biex permezz tad-dieċmi sagri tagħhom, ikunu jistgħu jinbnew mijiet ta’ djar tal-Mulej?

Dalgħodu, il-President Dallin H. Oaks wriena viżwali mill-isbaħ tat-tempji qegħdin jinbnew madwar id-dinja. Jien u Kathy m’ilux konna l-Filippini. Aħsbu ftit dwar dan il-miraklu: It-Tempju ta’ Manila ġie ddedikat fl-1984. Dan kien 26 sena qabel ma tlesta t-tieni tempju fil-Belt ta’ Cebu fl-2010. Illum, 14-il sena wara, qed jinbnew, jiġu ddisinjati, jew lesti għad-dedikazzjoni 11-il tempju. Mit-tramuntana san-nofsinhar: Laoag, Tuguegarao, Santiago, Urdaneta, Alabang, Naga, il-Belt ta’ Tacloban, Iloilo, Bacolod, Cagayan de Oro, u Davao. Hija ħaġa tal-għaġeb li tara l-ħidma meraviljuża ta’ Alla!

Tempji fil-Filippini.

Madwar id-dinja, id-djar tal-Mulej qed jersqu aktar viċin tagħna. Għalfejn fi żmienna?

L-Aħħar Żminijiet

Il-Mulej widdeb li fl-aħħar żminijiet, se jkun hawn miżerja kbira fost il-ġnus,4 in-nies se “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom,”5 “kollox se jseħħ fl-istess ħin,”6 se jkun hawn konfużjoni sħiħa,7 u “qlub il-bnedmin jonqsilhom il-kuraġġ.”8 Aħna ċertament rajna diversi nies jonqsilhom il-kuraġġ: il-ħajra tad-dinja, id-distrazzjoni tal-ilħna li jħajruk, in-negliġenza tan-nutriment spiritwali, l-għeja mid-domanda tad-dixxipulat.9 Jista’ jkun li intom tnikkittu hekk kif rajtu lil xi ħadd li tħobbu, li xi darba kien jitkellem b’sinċerità dwar il-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu, li kien jaqsam ix-xhieda tiegħu tal-Ktieb ta’ Mormon, u b’ħerqa għen jibni s-saltna ta’ Alla, jitbiegħed, tal-anqas għalissa, mit-twemmin tiegħu u jersaq fil-periferija tal-Knisja. Il-parir tiegħi lilkom huwa la tiddisprawx! Kollox sew. Għax għal Alla, xejn mhu impossibbli.10

B’din il-konfużjoni kollha u n-nuqqas ta’ twemmin fid-dinja, il-Mulej wiegħed li se jkun hawn poplu tal-patt, poplu lest għar-ritorn tiegħu; poplu li jieqaf f’postijiet qaddisa u ma jiċċaqlaqx minn postu.11 Huwa tkellem dwar nies ġusti li jirreżistu l-qerq tal-avversarju, iddixxiplinati fil-fidi tagħhom, li ħsibijietkom huma ċelestjali, u li jafdaw kompletament fis-Salvatur Ġesù Kristu.

Għalfejn il-Mulej qed iġib mijiet tat-tempji tiegħu aktar viċin tagħna? Raġuni waħda hi li fost l-inkwiet u t-tentazzjoni tad-dinja, Huwa wiegħed li Hu lest iqawwi, u jbierek lill-Qaddisin tal-patt tiegħu, u l-wegħdiet tiegħu qed jiġu fis-seħħ!

Wegħdiet mit-Tempju ta’ Kirtland

Allura dawn id-djar qaddisa kif iqawwuna, ifarrġuna, u jipproteġuna? Aħna nsibu t-tweġiba fit-talba tal-Profeta Joseph Smith fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland. Kien f’dan it-tempju li l-Qaddisin kantaw, “Ejjew inkantaw mal-armati tas-sema.”12 Is-Salvatur innifsu deher hemmhekk, u l-profeti tal-imgħoddi reġgħu lura, fejn taw imfietaħ oħra tas-saċerdozju għar-restawrazzjoni tal-evanġelju.13

F’dik l-okkażjoni sagra fit-Tempju ta’ Kirtland, il-Profeta talab li fid-dar qaddisa tal-Mulej, il-Qaddisin ikunu armati bil-qawwa ta’ Alla, li l-isem ta’ Ġesù Kristu jkun fuqhom, li l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebhom, u li huma jikbru fil-Mulej u “jirċievu l-milja tal-Ispirtu s-Santu.”14 Dawn is-suppliki mill-aktar qawwija qed jiġu fis-seħħ f’ħajjitna hekk kif b’fedeltà nqimu fid-dar tal-Mulej.

Armati bil-Qawwa

F’daru, aħna letteralment niġu ddotati bil-qawwa ċelestjali.15 Il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u l-imħabba tagħna lejh jiġu kkonfermati u ffortifikati. Aħna niksbu l-assigurazzjoni spiritwali dwar l-identità vera tagħna u l-għanijiet tal-ħajja.16 Hekk kif nibqgħu fidili, aħna nkunu mberkin bil-protezzjoni mit-tentazzjoni u d-distrazzjoni. Aħna nħossu l-imħabba tas-Salvatur tagħna hekk kif huwa jgħollina ’l fuq mid-diffikultajiet u n-niket tagħna. Aħna armati bil-qawwa ta’ Alla.

Ismu Fuqna

Fid-dar qaddisa tiegħu, aħna nieħdu fuqna l-isem tiegħu b’mod aktar sħiħ. Meta nitgħammdu, aħna nistqarru t-twemmin tagħna fih u r-rieda tagħna li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Fit-tempju, aħna nwiegħdu b’mod sagru permezz tal-patti tagħna li lesti nimxu warajh għal dejjem.

Disinn tat-Tempju ta’ Heber Valley, Utah.

Iż-żgħażagħ ta’ din il-Knisja huma inkredibbli. F’dinja diffiċli, huma jieħdu fuqhom infushom l-isem ta’ Kristu. Fil-Belt ta’ Heber, Utah, saret laqgħa pubblika biex jiġu diskussi d-dettalji ta’ tempju ppjanat biex jinbena. Tliet mitt żagħżugħ imlew park fil-viċin biex juru s-sapport tagħhom għat-tempju propost. Wieħed żagħżugħ, li beda jkellem lill-mexxejja ġo forum fil-miftuħ, spjega b’kuraġġ, “Jien qed nittama li niżżewweġ f’dan it-tempju. It-tempju jgħini nżomm lili nnifsi nadif u safi.” Żagħżugħ ieħor iddeskriva t-tempju bħala simbolu ta’ dawl u tama. Il-ġuvintur u t-tfajliet tal-Knisja madwar id-dinja qed iħaddnu isem Ġesù Kristu.17

Żgħażagħ jimlew park ġewwa l-Belt ta’ Heber.

Anġli Magħna

Fit-Tempju ta’ Kirtland, il-Profeta Joseph talab li “l-anġli jieħdu ħsieb il-Qaddisin tiegħu.”18 Li fit-tempju nwettqu regolarment l-ordinanzi għall-antenati tagħna jwasslilna konferma ħelwa u ċerta li l-ħajja tkompli lil hinn mill-velu.

Minkejja li bosta mill-esperjenzi tagħna fid-dar tal-Mulej huma sagri wisq biex naqsmuhom pubblikament, hemm xi wħud li nistgħu. Erbgħin sena ilu, waqt li konna qed ngħixu ġewwa Florida, jien u Kathy morna fit-tempju ta’ Atlanta, Georgia. Nhar id-9 ta’ Mejju, 1984 filgħaxija, li kien l-Erbgħa, hekk kif lestejna sessjoni fit-tempju, ħaddiema tal-ordinanzi ġie fuqi u staqsieni jekk kellix ħin biex nagħmel ordinanzi inizjali u preparatorja waħda. L-isem tal-persuna li kont qed nirrappreżenta ma kienx tas-soltu. Ismu kien Eleazer Cercy.

L-għada, it-tempju kien mimli Qaddisin. Hekk kif jiena ppreparajt biex nagħmel it-tieni dota tiegħi tal-jum, jien ġejt mogħti l-isem tal-persuna li kont se nirrappreżenta. B’sorpriża kbira, l-isem kien l-istess individwu mil-lejla ta’ qabel, Eleanzer Cercy. Jien ħassejt l-Ispirtu tal-Mulej hekk kif id-dota tlestiet. Aktar tard wara nofsinhar, waqt li konna għadna fit-tempju, Kathy rat ħabiba anzjana tal-familja, Sister Dolly Fernandez, li issa kienet qed toqgħod f’Atlanta. Peress li magħha ma kien hemm l-ebda membri maskili mill-familja tagħha, hija staqsiet jekk kienx possibbli li jien nassisti fis-siġill ta’ missierha mal-ġenituri ta’ missierha. Jien bla dubju ħassejtni onorat.

Hekk kif inżilt mal-artal għal din l-ordinanza sagra, jiena smajt għal darb’oħra l-isem li issa kien tnaqqax f’moħħi, missierha Eleazer Cercy. Jiena nemmen bis-sħiħ li wara din il-ħajja, jiena se niltaqa’ ma’ raġel li f’din il-ħajja mortali kien jismu Eleazer Cercy u jiena se nħaddnu miegħi.

Il-biċċa l-kbira tal-esperjenzi tagħna fid-dar tal-Mulej iġibulna l-paċi kollha hena u r-rivelazzjoni siekta aktar minn xi intervent drammatiku. Ara qatt tiddubitaw: l-anġli verament jieħdu ħsiebna!

Milja tal-Ispirtu s-Santu

Id-don tal-Ispirtu s-Santu jingħata lilna hekk kif niġu kkonfermati bħala membri tal-Knisja. Kull ġimgħa hekk kif nieklu l-ħobż u nixorbu l-ilma b’tifkira tas-Salvatur tagħna, aħna niġu mwiegħda li l-Ispirtu tiegħu ikun magħna dejjem.19 Hekk kif immorru minn qalbna fid-dar tal-Mulej, l-aktar post qaddis fid-dinja, aħna nikbru fil-Mulej u nistgħu “nirċievu l-milja tal-Ispirtu s-Santu.”20 Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, aħna nimtlew bil-paċi u l-hena u b’tama li ma titfissirx bil-kliem.21 Aħna nirċievu l-qawwa li nibqgħu d-dixxipli tiegħu anke meta nsibu lilna nfusna lil hinn mill-postijiet qaddisa.

Il-President Russell M. Nelson iddikjara: “Is-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, se jwettaq uħud mill-aktar ħidmiet setgħana Tiegħu bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ jiġi. Aħna se naraw indikazzjonijiet mirakolużi li Alla l-Missier u … Ġesù Kristu … qed jippresedu fuq din il-Knisja bil-majestà u l-glorja kollha.”22 Li nimlew id-dinja bid-djar tal-Mulej hija ħidma setgħana u indikazzjoni mirakoluża.23

Għeżież ħbieb tiegħi, jekk aħna nistgħu u s’issa għadna m’aħniex qed nattendu t-tempju b’mod aktar frekwenti, ejjew regolarment insibu ħin biex inqimuh fid-dar tal-Mulej. Ejjew nitlobu għat-tempji li ġew imħabbra, biex il-propjetà tinxtara, biex il-gvernijiet japprovaw il-pjanti, biex il-ħaddiema kapaċi jaraw it-talenti tagħhom jikbru, u biex id-dedikazzjonijiet sagri jkollhom l-approvazzjoni tas-smewwiet u ż-żjara tal-anġli.

Wegħdiet

It-tempju huwa letteralment id-dar tal-Mulej. Inwegħidkom li kif intom tiġu b’mod den u fi spirtu ta’ talb fid-dar qaddisa tiegħu, intom tkunu armati bil-qawwa tiegħu, ikollkom fuqkom ismu, l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebkom, u intom tikbru fil-barka tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej wiegħed, “Kull ruħ li tiċħad dnubietha u tiġi għandi, u ssejjaħ ismi u tobdi leħni u żżomm il-kmandamenti tiegħi, tasal biex tara wiċċi u tkun taf li jiena jien.”24 Hekk diversi modi kif nistgħu naraw wiċċ Kristu, u m’hawnx post aħjar mid-dar qaddisa tiegħu.25

F’dan iż-żmien ta’ konfużjoni u taqlib, jiena nixhed li t-tempju huwa d-dar qaddisa tiegħu u jgħin jippreservana, jipproteġina, u jħejjina għall-jum glorjuż meta, flimkien mal-anġli mqaddsa tiegħu, is-Salvatur tagħna jerġa’ lura bil-majestà, bil-qawwa u bil-glorja kbira tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. “X’Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 6.

  2. “L-Ispirtu ta’ Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 28.

  3. Bħalissa hawn 182 tempju li qed jopera. Hawn sitta qed jiġu rrinovati. Sebgħa qed jistennew li jiġu ddedikati u wieħed qed jistenna li jerġa’ jiġi ddedikat. Hawn 34 li qed jinbnew u 94 li ġew imħabbra jew jinsabu fl-istadju ta’ pjanar u disinn.

  4. Ara Luqa 21:10.

  5. 2 Timotju 3:2.

  6. Doctrine and Covenants 88:91.

  7. Il-Presbiteru David A. Bednar qal:”Għalija u għalik il-prinċipji tal-evanġelju huma dak li tmun hu għal vapur. Il-prinċipji korretti tal-evanġelju jagħmluha possibbli li aħna nsibu t-triq tagħna u li nieqfu sodi, fermi, u immobbli ħalli ma nitilfux il-bilanċ tagħna u nispiċċaw naqgħu fil-maltemp qalil tad-dlam u l-konfużjoni tal-aħħar żminijiet” (“Il-Prinċipji tal-Evanġelju Tiegħi,” Liahona, Mejju 2021, 126).

  8. Doctrine and Covenants 45:26.

  9. “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mattew 16:24).

  10. Ara Luqa 1:37.

  11. Ara Doctrine and Covenants 87:8.

  12. Hymns, nu. 2.

  13. Ara Doctrine and Covenants 110. Qabel dan iż-żmien, il-Profeta Joseph Smith irċieva s-Saċerdozju ta’ Aron u l-imfietaħ tiegħu mingħand Ġwanni l-Battista, u huwa rċieva s-Saċerdozju ta’ Melkisedek u l-imfietaħ tiegħu mingħand Pietru, Ġakbu u Ġwanni (ara Doctrine and Covenants 13:1; 27:12–13).

  14. Doctrine and Covenants 109:15; ara wkoll vers 22.

  15. Il-President Russell M. Nelson qal: “It-tempju jista’ jgħinna f’dan. Hemmhekk aħna niġu ddotati bil-qawwa ta’ Alla, li tagħtina l-abbiltà li negħlbu lil Satana, l-instigatur ta’ kull tilwim” (“Meħtieġa Dawk li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Mejju 2023, 101).

  16. Ara Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022),Gospel Library.

  17. Il-Presbiteru Colin Stauffer, korrispondenza personali, 30 ta’ Jan., 2024.

  18. Doctrine and Covenants 109:22.

  19. Ara Doctrine and Covenants 20:77, 79.

  20. Doctrine and Covenants 109:15.

  21. Ara Rumani 15:13.

  22. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.

  23. Il-President Brigham Young qal, “Għad ikollna mijiet ta’ tempji u eluf ta’ rġielu nisa jiffunzjonaw fihom għal dawk li raqdu mingħajr ma kellhom il-privileġġ li jisimgħu u jobdu l-Evanġelju” (Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young [1997], 312). U l-President Ezra Taft Benson qal: “Ta’ qabilna ħabbru li t-tempji sejrin jimlew l-art tal-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel, il-gżejjer tal-Paċifiku, l-Ewropa, u kullimkien. Jekk din il-ħidma ta’ fidwa se sseħħ fuq skala li għandha sseħħ, se jkun hawn bżonn ta’ mijiet ta’ tempji” (The Teachings of Ezra Taft Benson [1988], 247).

  24. Doctrine and Covenants 93:1.

  25. Il-Presbiteru David B. Haight qal:

    “Huwa minnu li xi wħud raw tassew lis-Salvatur, iżda meta wieħed jikkonsulta d-dizzjunarju, hu jintebaħ li hemm bosta tifsiriet oħra tal-kelma ra, bħal li ssir tafu, ikollok l-għarfien tiegħu, tagħraf lilu u lil ħidmietu, tifhem l-importanza tiegħu, jew li tasal biex tifhmu.

    “Din l-illuminazzjoni divina u dawn il-barkiet divini huma disponibbli għal kull wieħed u waħda minna” (“Temples and Work Therein,” Ensign, Nov. 1990, 61).