Konferenza Ġenerali
Kollox se Jkun Sew Grazzi għall-Patti tat-Tempju
konferenza ġenerali April 2024


Kollox se Jkun Sew Grazzi għall-Patti tat-Tempju

M’hawn xejn aktar importanti milli tonoraw il-patti li għamiltu jew li tistgħu tagħmlu fit-tempju.

Għeżież ħuti, dan iż-żmien tal-konferenza ġenerali minn dejjem kien għalija żmien sagru. Jiena grat li ġejt mitlub inkellem lill-miljuni ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien u oħrajn ħbieb tagħna minn madwar id-dinja. Jien inħobbkom, u naf li l-Mulej iħobbkom.

Madwar 50 sena ilu, jien kelli l-privileġġ inservi bħala l-president tal-Kulleġġ ta’ Ricks ġewwa Rexburg, Idaho. Fl-għodwa tal-5 ta’ Ġunju, 1976, jien u marti, Kathy soqna minn Rexburg sat-Tempju ta’ Idaho Falls, f’Idaho, biex nattendu s-siġill ta’ ħabib mill-qrib tagħna. Bla dubju, bl-erbat itfal żgħar li kellna fid-dar dak iż-żmien, il-mawra tagħna fit-tempju setgħet isseħħ biss bl-għajnuna tal-babysitter qalbiena tagħna. Aħna ħallejna lit-tfal prezzjużi tagħna f’idejha u tlaqna fuq vjaġġ qasir ta’ 30 minuta.

L-esperjenza tagħna fit-tempju dakinhar kienet waħda mill-isbaħ, bħal dejjem. Madankollu, wara li ntemm is-siġill tat-tempju—u hekk kif konna qed nippreparaw biex immorru lura d-dar—aħna nnotajna li bosta ħaddiema u patruni tat-tempju li bdew jitkellmu fil-kuritur tempju dehru mill-aktar inkwetati. Ftit ħin wara, wieħed mill-ħaddiema tat-tempju qalilna li d-Diga ta’ Teton li kienet għadha kif inbniet fil-Lvant ta’ Idaho kienet krollat. Aktar minn 80 biljun gallun (300 miljun metru kubu) ta’ ilma kien għaddej minn ġod-diga għal ġewwa l-widien tal-madwar, medda ta’ art ta’ 300 mil kwadru (775 km kwadru). Il-biċċa l-kbira tal-belt ta’ Rexburg kienet tinsab taħt l-ilma, u bosta djar u vetturi spiċċaw inġarru mal-ilma tal-għargħar. Żewġ terzi tad-9,000 resident tal-belt f’kemm ili ngħidlek sfaw bla dar.1

Kif tistgħu timmaġinaw, ħsibijietna u moħħna kienu fuq is-sigurtà tal-għeżież uliedna, kif ukoll ta’ mijiet ta’ studenti universitarji u nies li kienu parti minn komunità li tant ħabbejna. Aħna konna ninsabu anqas minn 30 mil (50km) ’il bogħod mid-dar, u madankollu f’dan il-jum, żmien sew qabel it-telefon ċellulari u l-messaġġi bil-mowbajl, ma kellna l-ebda mod kif stajna nikkomunikaw f’ħin qasir ma’ wliedna, u ma stajniex insuqu minn Idaho Falls sa Rexburg, għax it-toroq kollha kien ġew magħluqa.

L-unika għażla li kellna kienet li nagħmlu lejl f’lukanda li kien hemm ġo Idaho Falls. Jien u Kathy inżilna għarkupptejna flimkien fil-kamra tagħna tal-lukanda u b’umiltà tlabna lil Missierna fis-Smewwiet għas-sigurtà tal-għeżież uliedna u ta’ eluf ta’ oħrajn li ġew affettwati minn din il-ġrajja traġika. Niftakar lil Kathy tippassiġġa min-naħa għall-oħra tal-kamra fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tinkwieta fuq uliedha. Minkejja l-inkwiet tiegħi, jiena rnexxieli nserraħ moħħi u rqadt.

Ma tantx kien għadda ħin meta s-sieħba eterna u għażiża tiegħi qajmitni u qaltli, “Hal, possibbli f’mument bħal dan torqod?”

Dlonk f’qalbi u f’moħħi feġġ dan il-kliem. Jiena għidt lil marti: “Kathy, jiġri x’jiġri, kollox se jkun sew grazzi għat-tempju. Aħna għamilna l-patti ma’ Alla u ġejna ssiġillati bħala familja eterna.”

F’dak il-mument, kien l-Ispirtu tal-Mulej li kkonferma f’qalbna u f’moħħna dak li diġà kollna nafu li kien veru: l-ordinanzi tas-siġill, li nsibuhom biss fid-dar tal-Mulej u li jiġu amministrati permezz tal-awtorità xierqa tas-saċerdozju, rabtuna flimkien bħala raġel u martu, u wliedna ġew issiġillati magħna. Tassew ma kellniex għalfejn nibżgħu, u aktar tard aħna konna grati meta sirna nafu li wliedna kienu jinsabu ’l bogħod mill-periklu.

Jista’ jkun li din id-dikjarazzjoni mill-President Thomas S. Monson turi bl-aħjar mod dak li ħassejna jien u Kathy f’dak il-lejl indimentikabbli. “Hekk kif nattendu t-tempju, nistgħu niksbu dimensjoni ġdida ta’ spiritwalità u sentimenti ta’ paċi. … Hemmhekk nifhmu t-tifsira vera ta’ kliem is-Salvatur meta qal: ‘Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi. … Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’ [Ġwanni 14:27].’”2

Jiena ġejt imbierek b’dik il-paċi kull darba li nidħol fit-tempju sagru. Għadni niftakar l-ewwel jum li fih dħalt fit-Tempju ta’ Salt Lake. Kont għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ.

Ħarist ’il fuq lejn is-saqaf abjad u għoli li kien jimla l-kamra b’tant dawl bħallikieku kellna s-sema fuq rasna. U f’dak il-mument, feġġ ħsieb f’moħħi li kien jgħid b’mod mill-aktar ċar: “Jiena diġà żort dan il-post imdawwal qabel.” Iżda f’daqqa waħda feġġ f’moħħi, iżda mhux b’fommi, dan il-kliem: “Le, inti qatt ma ġejt hawn qabel. Inti qed tiftakar mument ta’ qabel twelidt. Inti kont tinsab f’post sagru bħal dan fejn il-Mulej seta’ jiġi jżuru.”

Ħuti, b’umiltà jiena nixhed li hekk kif aħna nattendu t-tempju, aħna nistgħu niftakru fin-natura eterna tal-ispirti tagħna, fir-relazzjoni tagħna mal-Missier u ma’ Ibnu d-divin, u fix-xewqa aħħarija tagħna li nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet.

F’diskors minn konferenza riċenti, il-President Russell M. Nelson għallem:

“L-aktar post sigur li tistgħu tkunu fih spiritwalment hu meta tkunu tgħixu ġewwa l-patti tagħkom tat-tempju!”

Kull ħaġa li nemmnu fiha u kull wegħda li Alla għamel lill-poplu tiegħu tal-patt jiltaqgħu flimkien fit-tempju.”3

“Kull persuna li tagħmel il-patti … fit-tempji—u tħarishom—għandha aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu.”4

Huwa għallem ukoll li “la darba nagħmla patt ma’ Alla, qatt iżjed ma nistgħu nerġgħu lura. Alla mhux se jabbanduna r-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li jkunu sawru relazzjoni bħal din miegħu. Fil-fatt, dawk kollha li għamlu patt ma’ Alla għandhom aċċess għal tip speċjali ta’ mħabba u ħniena.”5

Taħt it-tmexxija spirata tal-President Nelson, il-Mulej aċċellera u se jkompli jaċċellera, il-bini tat-tempji madwar id-dinja. Dan jagħti ċ-ċans biex ulied Alla kollha jkollhom l-opportunità li jirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni u li jagħmlu u jħarsu patti sagri tagħhom. Li nikkwalifikaw biex nagħmlu l-patti sagri mhuwiex xi sforz ta’ darba iżda mudell ta’ kif ngħixu ħajjitna. Il-Mulej qal li jeħtieġ li aħna noffrulu qalbna kollha, is-setgħa u l-qawwa tagħna kollha u moħħna kollu.6

Il-parteċipazzjoni frekwenti fl-ordinanzi tat-tempju tista’ toħloq fina mudell ta’ devozzjoni lejn il-Mulej. Meta intom tħarsu l-patti tagħkom tat-tempju u tiftakru fihom, intom tistiednu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu li tqawwikom u ssaffikom.

Imbagħad intom tistgħu tesperjenzaw sentiment ta’ dawl u tama li jixhed magħkom li l-wegħdiet huma vera. Intom ssiru tafu li kull patt li tagħmlu ma’ Alla huwa opportunità li tersqu aktar viċin tiegħu, u dan iwassal biex tfeġġ f’qalbkom ix-xewqa li tħarsu l-patti tagħkom tat-tempju.

Aħna ġejna mwiegħda, “Minħabba l-patt tagħna ma’ Alla, Huwa qatt mhu se jegħja fl-isforzi tiegħu biex jgħinna, u aħna qatt m’aħna se naħlu s-sabar mimli ħniena tiegħu għalina.”7

Huwa biss permezz tal-patti tas-siġill fit-tempju li aħna nistgħu nirċievu l-assigurazzjoni tar-rabta ta’ mħabba tal-familja li jkomplu wara l-mewt tul l-eternità kollha. Li aħna nonoraw iż-żwieġ u l-patti tal-familja li nagħmlu fit-tempji ta’ Alla jipprovdilna l-protezzjoni mill-ħażen tal-egoiżmu u l-kburija.

Li l-aħwa b’mod konsistenti jieħdu ħsieb xulxin huwa riżultat ta’ sforz kontinwu li jmexxi lill-familja tagħkom fit-triq tal-Mulej. Araw li lil uliedkom tagħtuhom l-opportunita li jitolbu għal xulxin. Agħrfu mill-ewwel il-bidu ta’ xi diżgwid, u b’mod pożittiv agħrfu l-għemejjel ta’ servizz altruwista, speċjalment li jitwettqu bejnietkom. Meta l-aħwa jitolbu għal xulxin u jaqdu lil xulxin, il-qlub jirtabu u jduru lejn xulxin u lejn il-ġenituri tagħhom.

Sa ċertu punt, dan huwa dak li ddeskriva Malakija hekk kif huwa bassar il-miġja tal-Profeta Elija: “Huwa se jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet, u se jraġġa’ l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom. Li ma kienx hekk, id-dinja għad tispiċċa tinqered għal kollox fil-miġja tiegħu.”8

M’hemmx dubju li kulħadd se jesperjenza ċerti sfidi, diffikultajiet, u wġigħ il-qalb. Ħadd ma huwa eżentat mix- “xewka fil-ġisem.”9 Madankollu, hekk kif aħna nattendu t-tempju u niftakru fil-patti tagħna, aħna nkunu nistgħu nitħejjew biex nirċievu direzzjoni personali mingħand il-Mulej.

Meta jiena u Kathy iżżewwiġna u ġejna ssiġillati fit-Tempju ta’ Logan, f’Utah, dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru Spencer W. Kimball kien wettaq is-siġill tagħna. Fil-ftit kliem li qal, hu tana dan il-parir: “Hal u Kathy, għixu b’tali mod li meta tirċievu s-sejħa, issibuha faċli biex tmorru.”

Għall-ewwel, aħna ma stajniex nifhmu x’kien ifisser għalina l-parir li tagħna, iżda aħna għamilna li stajna biex ngħixu ħajjitna b’tali mod li nkunu dejjem lesti nitilqu biex naqdu lill-Mulej meta nirċievu s-sejħa. Wara li konna ilna miżżewġin kważi 10 snin, aħna rċevejna sejħa mhux mistennija mill-Kummissarju tal-Edukazzjoni tal-Knisja, Neal A. Maxwell.

Il-parir kollu mħabba li kien tana l-President Kimball fit-tempju li għanda “nsibuha faċli biex tmmorru” kienet saret realtà. Jien u Kathy irċevejna s-sejħa biex inħallu warajna ambjent familjari mill-aktar idilliku f’California u mmorru nservu f’post li jien ma kont naf xejn dwaru. Madankollu, il-familja tagħna kienet lesta tħalli darha u titlaq għaliex profeta, ġo tempju mqaddes, f’post ta’ rivelazzjoni, ra avveniment li se jseħħ fil-futur li għalih aħna konna diġà ppreparati.

Għeżież ħuti, jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li m’hawn xejn aktar importanti milli tonoraw il-patti li għamiltu jew li tistgħu tagħmlu fit-tempju. Tinsabu fejn tinsabu fit-triq tal-patt, inħeġġiġkom biex tikkwalifikaw u ssiru eleġibbli biex tattendu t-tempju. Araw li żżuruh ta’ spiss skont kif jippermettu ċ-ċirkustanzi. Agħmlu u ħarsu l-patti sagri ma’ Alla. Jiena nassigurakom dwar dik l-istess verità li jiena qsamt ma’ Kathy f’nofs ta’ lejl madwar ħamsin sena ilu f’kamra ta’ lukanda ġewwa Idaho Falls: “Jiġri x’jiġri, kollox se jkun sew grazzi għall-patti tat-tempju.”

Jiena nħallikom bix-xhieda ċerta tiegħi li Ġesù huwa l-Kristu. Huwa jgħix u jmexxi l-Knisja tiegħu. It-tempji huma d-djar tal-Mulej. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla fid-dinja. Jiena nħobbu, u nħobb ukoll lilkom ilkoll. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.