Konferenza Ġenerali
Nagħmlu Pont Bejn iż-Żewġ Kmandamenti l-Kbar
konferenza ġenerali April 2024


Nagħmlu Pont Bejn iż-Żewġ Kmandamenti l-Kbar

L-abbiltà tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu tiddependi mill-abbiltà u l-qawwa tagħna li ngħixu l-ewwel u t-tieni kmandament b’devozzjoni bbilanċjata u l-istess lejn it-tnejn li huma.

Introduzzjoni

Hekk kif jien u marti Lesa nivvjaġġaw flimkien madwar id-dinja fuq diversi assenjazzjonijiet, aħna ngħożżu l-privileġġ li għandna li niltaqgħu magħkom f’kongregazzjonijiet kbar u żgħar. Id-devozzjoni tagħkom lejn il-ħidma tal-Mulej timliena bil-ħeġġa u hija testimonjanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Wara kull mawra aħna mmoru lura d-dar nistaqsu lilna nfusna kemm aħna possibbilment tajniex daqs kemm irċevejna.

Il-Pont ta’ Rainbow.
Il-Pont ta’ Tsing Ma.
Il-Pont tat-Torri.

Meta nkunu qed nivvjaġġaw, ftit li xejn ikollna ħin li mmorru naraw xi siti turistiċi. Madankollu, meta jkun possibbli, jien ngħaddi ftit ħin ingawdi waħda mill-passjonijiet tiegħi. Jien ninteressa ruħi fl-arkitettura u fid-disinn u nafaxxina ruħi b’mod partikolari bil-pontijiet. Nimmeravilja ruħi meta nara l-pontijiet ta’ sospensjoni. Kemm jekk huwa l-Pont ta’ Rainbow f’Tokyo, il-Pont Tsing Ma f’Hong Kong, il-Pont tat-Torri f’London, jew xi oħrajn li jiena rajt, jien nimmeraviljaw ruħi bl-inġinerija ġenjali li jkun hemm f’dawn l-istrutturi kkumplikati. Il-pontijiet teħduna fl-postijiet li kieku ma kienx għalihom ma nkunux nistgħu mmorru. (Qabel inkompli, nixtieq ninnota li minn meta jien ħejjet dan il-messaġġ, seħħ aċċident traġiku f’pont ġewwa Baltimore. Aħna nibku t-telfa ta’ dawk li tilfu ħajjithom u noffru l-kondoljanzi lill-familji affettwati.

Pontijiet ta’ Sospensjoni Meraviljuż

M’ilux, mort ġejt mibgħut għal konferenza f’California, fejn għal darb’oħra qsamt il-pont ikoniku ta’ Golden Gate, meqjus bħala meravilja tad-dinja fejn tidħol l-inġinerija. Din l-istruttura monumentali fiha kemm forma mill-isbaħ, kemm għan li jiffunzjona tajjeb, kif ukoll inġinerija eċċezzjonali. Huwa pontijiet ta’ sospensjoni klassiku b’torri kull naħa, issapportjat minn molijiet massivi. Iż-żewġ torrijiet kolossali u majestużi li jifilħu piż mhux ħażinq li telgħin minn ġol-baħar kienu l-ewwel elementi li nbnew. Flimkien huma qed iġorru t-toqol tal-kejbils ta’ sospenzjoni ewlenin li hemm min-naħa għall-oħra u tal-kejbils ta’ sospenzjoni vertikali li jbennu t-triq li hemm fuq taħt. Il-kapaċità ta’ stabbilizzazzjoni straordinarja—is-saħħa tat-torri—hija l-maġija li hemm wara l-inġinerija tal-pont.

Il-Pont ta’ Golden Gate Bridge qed jinbena.

Id-Distrett tal-Pont ta’ Golden Gate

Ritratti antiki tal-pont waqt li qed jinbena huma xhieda ta’ dan il-prinċipju ta’ inġinerija. Kull element fil-pont għandu s-sapport biex iġorr il-piż mit-torrijiet sistematiċi, li t-tnejn huma magħqudin flimkien b’mod interdipendenti.

Il-Pont ta’ Golden Gate Bridge qed jinbena.

Arkivji Getty Images/Underwood

Meta l-pont jitlesta, biż-żewġ torrijiet sodi f’posthom, u l-molijiet ankrati f’pedament tal-blat f’qiegħ il-baħar, huma immaġni ta’ saħħa u sbuħija.

Il-Pont ta’ Golden Gate.

Illum nistedinkom biex tħarsu lejn dan il-pont statali—bit-torrijiet doppji telgħin ’il fuq mibnija fuq pedament sod—permezz tal-lenti tal-evanġelju.

Lejn it-tmien tal-ministeru ta’ Ġesù Kristu, matul dik li issa nsejħulha l-Ġimgħa Mqaddsa, wieħed Fariżew li kien għaref fil-liġi1 staqsa mistoqsija lis-Salvatur li kien jaf li kien se jkun impossibbli li tiġi mwieġba:a “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-liġi?” Dan l-għaref fil-liġi, “li beda jġarrbu” u li beda jistenna li jkollu tweġiba legalistika, b’intenzjoni li kienet tihder qarrieqa, irċieva tweġiba ġenwina, sagra, u divina.

“Qallu Ġesù, Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.” Jekk mmorru lura għall-analoġija tal-pont tagħna, l-ewwel torri!

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Dan hu t-tieni torri!

“Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti.”3 L-elementi li baqa’ tal-pont!

Ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn iż-żewġ kmandamenti l-kbar, li ġew żvelati u msemmija fit-tweġiba ta’Ġesù Kristu. Hekk kif nagħmlu dan, ħallu l-immaġni tal-pont ta’ sospensjoni meraviljuż tidwi f’moħħkom.

Ħobbu lill-Mulej

L-ewwel, li tħobbu lill-Mulej b’qalbkom kollha, b’ruħkom kollha u b’moħħkom kollu.

F’din it-tweġiba, Ġesù Kristu jiġbor flimkien l-essenza tal-liġi li nsibu fit-tagħlim sagru tat-Testment il-Qadim. Li tħobbu lill-Mulej hija ħaġa iċċentrata l-ewwel ma’ qalbkom—l-istess natura tagħkom. Il-Mulej jitlobkom li tħobbquh b’ruħkom kollha4—l-esseru sħiħ u kkonsagrat tagħkom—u finalment, li tħobbuh b’moħħkom kollu—bl-intelliġenza u l-intellett tagħkom. Għal Alla l-imħabba la għandha limitu u lanqas tmiem. Hija infinita u eterna.

Għalija, l-applikazzjoni tal-ewwel kmandament kbir xi kultant tista’ tinħass xi ftit astratta, u saħansitra intimidanti. Jiena grat li hekk kif bdejt nikkunsidra aktar kliem li qal Ġesù, dan il-kmandamen bdejt nifhmu aktar u aktar: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”5 Din hi ħaġa li nista’ nagħmilha. Jien nista’ nħobb lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù Kristu, u dan mbagħad iwassal għat-talb, għall-istudju tal-iskrittura, u għall-qima fit-tempju. Aħna nħobbu lill-Missier u l-Iben permezz tal-ħlas tad-dieċmi, meta nqaddsu Jum il-Mulej, billi ngħixu ħajja virtuża u safja, u billi nkunu ubbidjenti.

Li nħobbu lill-Mulej ħafna drabi nuruh permezz ta’ għemejjel żgħar ta’ kuljum, waqt li nimxu fit-triq tal-patt: għaż-żgħażagħ, billi nużaw il-midja soċjali biex nibnu u mhux biex inkissru; billi nitilqu ’l barra mill-party, mill-film, jew mill-attività fejn l-istandards ikunu qed jiġu sfidati; u billi nuru qima lejn il-ħwejjeġ sagri.

Ikkunsidraw dan l-eżempju ħelu. Kien jum ħadd is-Sawm hekk kif Vance6 u jien ħabbatna fuq il-bieb ta’ dar żgħira u sempliċi. Aħna u djakni oħra fil-kworum konna drajna nistennew li nisimgħu l-kliem, “Jekk jogħġobkom idħlu,” b’aċċent qawwi Ġermaniż imtenni b’leħel għoli biżżejjed li nisimgħuh min-naħa l-oħra tal-bieb. Sister Muellar kienet waħda minn bosta romol immigranti fil-qasam. Kien ftit diffiċli għaliha li tiġi tiftaħ il-bieb, għax kienet tista’ tgħid għamja għal kollox. Hekk kif dħalna fid-dar mixgħula b’dawl baxx, hija laqgħetna b’mistoqsijiet simpatiċi: X’jisimkom? Kif intom? Tħobbuh lill-Mulej? Aħna weġibniha u għednielha li konna morna biex nirċievu l-offerta tas-sawm tagħha. Anke ta’ età żgħira li konna, stajna ninnotaw iċ-ċirkustanzi diffiċli tagħha, u r-rispons kollu fidi tagħha kien mill-aktar kommoventi: “Kmieni dalgħodu poġġejt sitt ħabbiet fuq il-bank. Jiena grata li noffri l-offerta tas-sawm tiegħi. Jekk jogħġobkom tistgħu tpoġġuhom fl-envelop u timlew il-formola tal-offerta tas-sawm tiegħi?” L-imħabba tagħha lejn il-Mulej qawwiet il-fidi tagħna kull darba li tlaqna minn darha.

Is-Sultan Benjamin wiegħed qawwa tal-għaġeb għal dawk li jimxu wara l-ewwel kmandament kbir. “Nixtieq li intom tirriflettu dwar l-istat imbierek u hieni ta’ dawk li jħarsu l-kmandamenti Huma mberkin f’kull ħaġa, … u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem huma jintlaqgħu fis-smewwiet … fi stat ta’ hena bla tmiem.”7

Li nħobbu lill-Mulej iwassalna għall-kuntentizza eterna!

Ħobbu lil Għajrkom

Ġesù mbagħad qal, “U t-tieni jixbhu, Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”8 Dan huwa t-tieni torri tal-pont.

Hawnhekk Ġesù qed jagħmel pont bejn il-ħarsa tagħna lejn is-smewwiet, li nħobbu lill-Mulej, u l-ħarsa tagħna fid-dinja, li nħobbu lil għajrna. Kull waħda hija interdipendenti fuq l-oħra. L-imħabba lejn il-Mulej mhijiex kompluta jekk aħna ma nagħtux każ ta’ għajrna. Din l-imħabba esterjuri tinkludi lil ulied Alla kollha bla ma nħarsu lejn ġeneru tas-sess, klassi soċjali, razza, sesswalità, dħul ta’ flus, età, jew etniċità. Aħna nilħqu lil dawk li huma mweġġgħin u mifluġa, l-emarġinati, għax “kulħadd l-istess għal Alla.”9 Aħna “ngħinu lil min hu dgħajjef, inqawwu l-idejn mitruħa u nsaħħu l-irkubbtejn imriegħda.”10

Ikkunsidraw dan l-eżempju: Brother Evans11 kien sorpiż meta ġie mitlub jieqaf bil-karozza u jmur iħabbat fuq bieb ta’ familja li ma jafx. Meta ġiet tiftaħ il-bieb waħda armla, omm ta’ aktar minn 10, hu seta’ jara biċ-ċar iċ-ċirkustanzi diffiċli li kienu jinsabu fihom u l-bżonnijiet kbar li kellhom. L-ewwel waħda kienet sempliċi, li titbajjad id-dar tagħhom, u wara għaddejna snin twal naqdu b’mod temporali u spiritwali lil din il-familja.

Din l-omm kollha gratitudni kitbet lill-ħabib mibgħuta mis-smewwiet: “Inti għaddejt ħajtek tgħin lill-iċken fostna. Kemm nixtieq nisma’ l-ħwejjeġ li l-Mulej għandu xi jgħidlek hekk kif Huwa jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ġid li inti għamilt lin-nies kemm finanzjarju kif ukoll spiritwali, li int u Hu biss tafu dwaru. Grazzi talli beriktna b’diversi modi, … għall-missjunarji li inti bgħattilna. … Kultant nistaqsi jekk il-Mulej għażiltx lilek b’mod esklussiv, jew jekk inti kontx dak li kont lest biex timsa’.”

Li tħobb lil għajrek jinkludi l-għemejjel Kristjani tat-tjubija u s-servizz. Tistgħu tinsew il-mibegħda, taħfru lill-għedewwa, tilqgħu u timministraw lil għajrkom, u tassistu lill-anzjani? Intom ilkoll tkunu spirati hekk kif tibnu t-torri tal-imħabba tagħkom għal għajrkom.

Il-President Russell M. Nelson għallem: “Li ngħinu lil ħaddieħor—li nagħmlu sforz kuxjenzjuż biex nieħdu ħsieb ħaddieħor daqs jew aktar milli nieħdu ħsieb tagħna nfusna—huwa l-hena tagħna. Speċjalment … meta dan ma jkunx konvenjenti u jeħodna lil hinn miz-zona li nħossuna komdi fiha. Li tgħixu dak it-tieni kmandament kbir huwa s-sigriet kif nistgħu nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.”12

Interdipendenza

Ġesù kompla jgħallem, “Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti.”13 Din hi ħaġa mill-aktar istruttiva. Teżisti interdipendenza importanti bejn li nħobbu lill-Mulej u li nħobbu lil xulxin. Biex il-Pont ta’ Golden Gate iwettaq il-funzjoni li maħluq għaliha, kien hemm bżonn li ż-żewġ torrijiet ikunu b’saħħithom it-tnejn u t-tnejn kapaċi jġorru l-piż tal-kejbils tas-sospenzjoni, tat-triq, u tat-traffiku li jaqsail-pont. Mingħajr din is-simetrija fl-inġinerija, il-pont jista’ jkollu l-problemi, u anke jaf iċedi. Biex pontijiet ta’ sospensjoni jagħmel dak li ġie mibni biex jagħmel, it-torrijiet tiegħu jeħtieġ li jiffunzjonaw flimkien f’armonija. Bl-istess mod, l-abbiltà tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu tiddependi mill-abbiltà u l-qawwa tagħna li ngħixu l-ewwel u t-tieni kmandament b’devozzjoni bbilanċjata u l-istess lejn it-tnejn li huma.

Il-Pont ta’ Golden Gate.

It-tilwim dejjem jiżdied fid-dinja jissuġġerixxi madankollu, li aħna xi kultant ma jirnexxilniex naraw jew niftakru dan. Xi wħud tant huma ffokati fuq li jħarsu l-kmandamenti li ftit li xejn huma tolleranti lejn dawk li jħarsu lejhom bħala anqas twajbin. Xi wħud isibuha diffiċli jħobbu lil dawk li qed jagħżlu li jgħixu ħajjithom lil hinn mill-patt jew saħansitra ’il bogħod minn xi parteċipazzjoni reliġjuża.

Alternattivament, hemm dawk li jenfasizzaw l-importanza li nħobbu lil ħaddieħor mingħajr ma jagħrfu li aħna lkoll kontabbli lejn Alla. Xi wħud jirrifjutaw għal kollox il-kunċett li hawn xi verità assoluta, jew tajjeb jew ħażin, u jemmnu li l-unika ħaġa meħtieġa minna hija t-tolleranza u l-aċċettazzjoni sħiħa għall-għażliet ta’ ħaddieħor. Xi waħda jew oħra minn dawn l-iżbilanċi jistgħu jwasslu biex il-pont personali tagħkom jitmejjel lejn naħa waħda jew saħansitra jikrolla.

Il-President Dallin H. Oaks iddeskriva dan meta qal: “Aħna lkoll mitlubin inħobbu lil kulħadd, peress li l-parabbola ta’ Ġesù dwar is-Samaritan it-Tajjeb tgħallem li kulħadd huwa l-proxxmu tagħna. Iżda l-ħeġġa tagħna li nżommu dan it-tieni kmandament m’għandhiex twassalna biex ninsew l-ewwel wieħed, li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu.”14

Konklużjoni

Għalhekk il-mistoqsija għal kull wieħed u waħda minna hija, Kif nistgħu nibnu l-pont ta’ fidi u devozzjoni tagħna—li nibnu torrijiet tal-pont għoljin fejn inħobbu kemm lil Alla kif ukoll lil għajrna? Mela, jeħtieġ li nibdew. L-ewwel sforzi tagħna jafu jinkludu xi pjan miktub fuq xi karta jew xi disinn ta’ pjanta ta’ xi pont li nittamaw li nibnu. Dan jaf jikkonsisti f’xi ftit għanijiet realistiċi biex nifhmu aktar l-evanġelju tal-Mulej jew nagħmlu wegħda li sejrin jiġġudikaw anqas lil ħaddieħor. Ħadd mhu żgħir wisq jew xiħ wisq biex jibda.

Skeċċ ta’ disinn ta’ pont.

Maż-żmien, bi pjanar maħsub fi spirtu ta’ talb, ideat li għadhom mhux żviluppati jistgħu jiġu raffinati. Għemejjel ġodda jsiru drawwiet. Disinni fuq biċċa karta jafu jsiru pjanti raffinati. Aħna nibnu l-pont personali u spiritwali tagħna b’qalbna u moħħna devoti lejn Missierna fis-Smewwiet u l-Iben il-Waħdieni tiegħu kif ukoll devoti lejn ħutna li magħhom aħna naħdmu, nilagħbu, u ngħixu.

Fil-jiem li ġejjin, meta tgħaddu miniin fuq xi pont ta’ sospensjoni majestuż jew anke meta tieħdu xi ritratt, bit-torrijiet tiegħu jħarsu lejn is-sema, nistedinkom biex tiftakru fiż-żewġ kmandamenti l-kbar, li Ġesù Kristu ddeskriva fit-Testment il-Ġdid. Jalla l-istruzzjonijiet tal-Mulej jispirawna. Jalla qalbna u moħħna jkunu jħarsu lejn is-smewwiet, biex inħobbu lill-Mulej, u jħarsu madwarna, biex inħobbu lil għajrna.

Jalla dan iwassal biex aħna nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, li dwarhom jiena nixhed. f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. “Fit-Testment il-Ġdid, [it-terminu għaref fil-liġi kien ekwivalenti għal kittieb, wieħed li skont il-professjoni tiegħu kien student u għalliem tal-liġi, inkluż il-liġi miktuba tal-Pentatewku, kif ukoll ‘tradizzjonijiet ta’ missirijiethom’ (Matt. 22:35; Mark 12:28; Luqa 10:25)” (Bible Dictionary, “Lawyer”).

  2. Fl-antik, studjużi Lhud għoddew 613-il kmandament fit-Torah u b’mod attiv kienu jiddibattu l-importanza relatata ta’ wieħed mqabbel ma’ ieħor. Jista’ jkun li l-għaref fil-liġi pprova juża t-tweġiba ta’ Ġesù kontrih. Jekk Huwa qal li kmandament minnhom kien l-aktar importanti, seta’ jwassal biex Ġesù jiġi akkużat li Huwa injora aspett ieħor tal-liġi. Iżda t-tweġiba tas-Salvatur għalqet ħalq dawk li ġew biex jaqbduh f’xi nassa b’dikjarazzjoni fundamentali li, illum, hija l-pedament ta’ dak kollu li nagħmlu fil-Knisja.

  3. Mattew 22:36–40.

  4. Ara Doctrine and Covenants 88:15.

  5. Ġwanni 14:15.

  6. Iż-żewġ ismijiet huma mibdula f’din l-istorja biex jipproteġu l-privatezza.

  7. Mosija 2:41.

  8. Mattew 22:39.

  9. 2 Nefi 26:33.

  10. Doctrine and Covenants 81:5.

  11. L-isem mibdul biex jipproteġi l-privatezza.

  12. Russell M. Nelson, “It-Tieni Kmandament Kbir,” Liahona, Nov. 2019, 100.

  13. Mattew 22:40.

  14. Dallin H. Oaks, “Iż-Żewġ Kmandamenti l-Kbar,” Liahona, Nov. 2019, 73–74.