Konferenza Ġenerali
B’Appoġġ lejn il-Ġenerazzjoni li Tielgħa
konferenza ġenerali April 2024


B’Appoġġ lejn il-Ġenerazzjoni li Tielgħa

Huma r-relazzjonijiet fil-ħajja taż-żgħażagħ li jħallu l-akbar influwenza fuq l-għażliet tagħhom.

Meta kont qed inħejji biex inkellimkom, moħħi mar fuq l-istorja ta’ Ħelaman u l-ġuvintur żgħażagħ tan-nies ta’ Għammon. Jien stajt inħoss il-qawwa tal-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon jgħallmu lill-ġenituri, lill-isqfijiet, u lill-membri tal-qasam permezz tal-istudju ta’ dan ir-rakkont.

Ħelaman kien raġel li ż-żgħażagħ Għammonin setgħu jafdaw fih. Huwa għenhom jiżviluppaw u jimmaturaw fis-sewwa. Huma kienu jafuh u jħobbuh u “rieduh ikun il-mexxejja tagħhom.”1

Ħelaman kien iħobb ferm lil dawn il-ġuvintur daqslikieku kienu wliedu u seta’ jara l-potenzjal tagħhom.2 Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallimna li “biex inservu lil ħaddieħor b’mod effettiv jeħtieġ inħarsu lejh … permezz ta’ għajnejn Missierna fis-Smewwiet. Hekk biss aħna nibdew nifhmu l-veru valur ta’ persuna. Hekk biss aħna nkunu nistgħu nagħrfu l-imħabba li Missierna fis-Smewwiet għandu għal uliedu kollha.”3 Illum l-isqfijiet huma mberkin bid-dixxerniment li jagħrfu l-identità divina taż-żgħażagħ li huma responsabbli minnhom.

Ħelaman “ħa rendikont”4 tal-ġuvintur li kien responsabbli minnhom. Huwa ta priorità li jibni relazzjonijiet b’saħħithom magħhom.

Fi żmien kritiku ta’ ħajja u mewt, Ħelaman u l-gwerriera żgħażagħ tiegħu ma kenux jafu aktar fejn kienet tinsab l-armata li kienet qed issegwihom. Ħelaman ta dan il-parir liż-żgħażagħ:

“Araw, ma nafux iżda naħsbu li huma waqfu bil-għan li aħna mmorru naffrontawhom. …

“Għalhekk intom xi tgħidu, uliedi … ?”5

Dawn il-ġuvintur fidili wieġbu, “Missier, ara Alla tagħna jinsab magħna, u hu mhux se jippermettilna li niġu megħluba; għalhekk ħallina mmorru.”6 Huma rebħu l-battalja, hekk kif Ħelaman wera l-appoġġ tiegħu lil dawn il-ġuvintur fir-rieda li urew7 li jaġixxu.8

Iż-żgħażagħ Għammonin kellhom quddiemhom kawża ġusta u b’mod qalbieni bdew “jassistu lin-nies.”9 “Din il-forza żgħira ,” immexxija minn Ħelaman, wasslet “tama u hena mill-aktar kbira”10 f’qalb l-armati ta’ esperjenza Nefiti. L-isqfijiet illum jistgħu jmexxu liż-żgħażagħ unikament kapaċi tagħhom biex ibierku l-qasam u jiġbru flimkien lil Iżrael. Il-President Russell M. Nelson għallem li din hija l-missjoni “għalfejn [huma] ntbagħtu fid-dinja.”11

Bħal dawn iż-żgħażagħ Għammonin li kienu “rġiel leali f’kull ħin f’dak kollu li kienu jiġu fdati bih,”12 Ħelaman mexa b’fedeltà wara l-mexxejja tiegħu. Irrispettivament x’kienet l-isfida jew l-ostaklu, Ħelaman baqa’ dejjem “determinat”13 li jmexxi ’l quddiem l-għan tagħhom. Meta huwa ġie mitlub biex “jerħilha flimkien ma’ wliedu ż-żgħar,”14 huwa obda.

Illum iż-żgħażagħ huma mberkin hekk kif l-isqfijiet jimxu wara l-gwida tal-mexxejja tagħna li “jikkonsultaw mal-presidenti tat-Tfajliet tal-qasam.”15 Il-presidenti tal-pal jiżguraw li l-isqfijiet u l-presidenti tat-Tfajliet jiġu mgħallma kif iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn iż-żgħażagħ.16

Ħelaman onora l-patti. Meta Għammon għallem l-evanġelju lill-ġenituri tal-ġuvintur żgħażagħ, dawn il-ġenituri laqgħuh b’qalb sinċiera. Huma wrew impenn lejn il-ħajja ġdida tagħhom ta’ dixxipulat ġust hekk li huma għamlu patt li “ jabbandunaw l-armi tar-ribelljoni tagħhom.”17 L-unika ħaġa li wasslithom biex jikkunsidraw li jiksru dan il-patt, u jmorru lura għall-passat familjari tagħhom ta’ ġlied, kienet meta raw li n-Nefiti kienu jinsabu f’periklu.

L-Għammonin riedu jgħinu lil dawn in-nies li kienu tawhom kenn. Ħelaman, flimkien ma’ oħrajn, ipperswadewhom biex iħarsu l-patt tagħhom li qatt ma jiġġieldu. Huwa kien jafda aktar fil-qawwa li kien lest jipprovdi Alla milli fil-qawwa li setgħu jipprovdu dawn l-Għammonin bix-xwabel u l-vleġeġ tagħhom.

Meta Ħelaman u l-gwerriera żgħażagħ tiegħu ħabbtu wiċċhom ma’ sfidi diffiċli, Ħelaman baqa’ sod. “Ara, ma tagħmilx differenza—aħna nafdaw li Alla sejjer jeħlisna.”18 Darba waħda, meta huma kienu għoddhom mietu bil-ġuħ, ir-rispons tagħhom kien li “jiftħu qalbhom fit-talb ma’ Alla, biex huwa jsaħħaħhom u jeħlishom; … u l-Mulej … mar iżurhom bil-wegħda li huwa kien se jeħlishom”19 “minħabba l-fidi mill-aktar kbira tagħhom f’dak li kienu ġew mgħallma li għandhom jemmnu.”20

Minn Ħelaman nistgħu nitgħallmu li dawn il-ġuvintur kellhom l-appoġġ tal-ġenituri tagħhom. Dawn il-ġenituri fidili kienu jafu li l-akbar responsabbiltà tagħhom kienet li jgħallmu lil uliedhom. Huma għallmu lil uliedhom biex iħarsu l-kmandamenti u “jimxu fis-sewwa”21 quddiem Alla. Ommijiethom għallmuhom “li jekk ma jiddubitawx, Alla kien se jeħlishom.”22 Missirijiethom tawhom eżempju qawwi ta’ kif tagħmel il-patti.23 Dawn li darba kienu gwerriera kienu jafu xi jfisser it-terrur tal-battalja. Huma fdaw lil uliedhom bla esperjenza f’idejn Ħelaman u tawhom l-appoġġ tagħhom billi bagħatulhom “bosta provvisti.”24

Ħelaman ma kienx waħdu hekk kif serva l-armata żagħżugħa tiegħu. Kellu nies madwaru li kien idur fuqhom għas-sapport u l-gwida. Huwa talab lill-Kmandant Moroni għall-għajnuna, u huwa rċeviha.

Mhawn ħadd li jservi fis-saltna tal-Mulej li jservi waħdu. Il-Mulej berikna b’oqsma u pali. Permezz tal-organizzazzjoni rrestawrata tiegħu, aħna għandna r-riżorsi, l-għerf, u l-ispirazzjoni biex nilħqu kwalunkwe sfida.

Isqof jipprovdi l-gwida għall-qasam permezz tal-kunsilli.25 Huwa jippromwovi l-intervisti tal-ministeru ta’ kull tliet xhur u mbagħad iħeġġeġ lill-kworum tal-presbiteri u lis-Soċjetà tas-Solliev biex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jimministraw lill-familji. Dawn il-presidenzi jkunu minn ta’ quddiem biex jassistu fil-ħtiġijiet u jsibu soluzzjonijiet ispirati. Il-presidenti tal-pal joffru s-sapport billi jgħallmu dawn ir-responsabbiltajiet lill-kworum tal-presbiteri u lill-presidenzi tas-Soċjetà tas-Solliev.

Il-gwida meħtieġa għall-mexxejja u l-ġenituri nsibuha fil-Librerija tal-Evanġelju u fl-apps ta’ Gospel Living. F’dawn ir-riżorsi spirati, nistgħu nsibu l-iskrittura, it-tagħlim tal-profeti ta’ żmienna, u l- General Handbook. It-tebb taż-Żgħażagħ fil-Librerija tal-Evanġelju fiha ħafna riżorsi għall-presidenzi tal-kworum u tal-klassi26 u fiha wkoll For the Strength of Youth: A Guide for Making Choices. Hekk kif il-membri kollha tal-qasam jistudjaw dawn is-sorsi spirati u jfittxu l-gwida mill-Ispirtu, kulħadd jiġi mmexxi mill-Mulej għat-tisħiħ taż-żgħażagħ.

Il-qasam kollu jiġi mbierek u jissaħħaħ hekk kif il-membri jiffokaw fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa. Minkejja l-imperfezzjoni u n-nuqqasijiet tagħna, Missierna fis-Smewwiet jistieden lil kull wieħed u waħda minna, permezz tas-sħubija tal-Ispirtu tiegħu, biex nilħqu lil ħaddieħor. Huwa jaf li aħna nikbru u nitqaddsu hekk kif nimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu.27 Ma jimpurtax jekk l-isforzi tagħna mhumiex perfetti. Meta aħna nkunu bi sħab mal-Mulej, nistgħu nkunu ċerti li l-isforzi tagħna se jkunu f’armonija ma’ dak li kieku jagħmel Hu għaż-żgħażagħ.

Meta nimxu wara d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu biex nilħqu liż-żgħażagħ, aħna nkunu xhieda tal-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet f’ħajjithom. Meta naġixxu skont is-suġġerimenti tal-Mulej aħna nibnu relazzjonijiet ta’ mħabba u fiduċja. Huma r-relazzjonijiet fil-ħajja taż-żgħażagħ li jħallu l-akbar influwenza fuq l-għażliet tagħhom.

Iż-żgħażagħ jitgħallmu l-mudell tar-rivelazzjoni hekk kif jieħdu sehem magħna fil-proċess li jfittxu u jaġixxu skont is-suġġerimenti biex iservu lil ħaddieħor. Hekk kif iż-żgħażagħ iduru lejn il-Mulej għal din il-gwida spirata, ir-relazzjonijiet tagħhom miegħu u l-fiduċja tagħhom fih jissaħħu.

Aħna nesprimu l-fiduċja tagħna fiż-żgħażagħ billi noffrulhom is-sapport u d-direzzjoni mingħajr ma niddominawhom.28 Hekk kif noqogħdu pass lura u nħallu liż-żgħażagħ jitgħallmu billi jiddiskutu flimkien, jagħżlu l-mod ispirat, u jaraw il-pjan tagħhom jaħdem, huma jesperjenzaw hena u progress ta’ vera.

Il-President Henry B. Eyring għallem li: “l-aktar ħaġa importanti hi x’jitgħallem ħaddieħor minnek dwar min huma verament u x’jistgħu jsiru. Jien naħseb li din ma jitgħallmuhiex daqstant minn xi lekċer. Jitgħallmu dan mis- sentimenti tagħhom ta’ min intom, min taħsbu li huma, u x’taħsbu li jistgħu jsiru.”29

Iż-żgħażagħ tagħna jimmeraviljawna bil-kuraġġ tagħhom u bil-fidi u l-abbiltajiet tagħhom. Hekk kif jagħżlu li jkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu ddedikati, l-evanġelju tiegħu jasal biex jitnaqqax f’qalbhom. Li jimxu warajh isir parti min dak li huma, mhux biss min dak li jagħmlu.

Ħelaman għen liż-żgħażagħ Għammonin jaraw kif jgħixu d-dixxipli qalbiena ta’ Ġesù Kristu. Aħna nistgħu nkunu eżempji effettivi għaż-żgħażagħ dwar kif jgħixu d-dixxipli ta’ Kristu llum. Bosta ġenituri fidili qed jitolbu biex uliedhom ikollhom dawn l-eżempji f’ħajjithom. L-ebda programm ma jista’ jieħu post l-influwenza ta’ nies adulti kollhom mħabba, li jħarsu l-patti tagħhom.

Bħala l-president tal-kworum tal-qassisin, l-isqof jista’ jagħti eżempju liż-żgħażagħ ta’ kif wieħed ikun raġel miżżewweġ leali u missier li jħobb30 billi jipproteġi, jipprovdi, u jippresedi31 b’mod ġust. L-isqfijiet, b’“attenzjoni kbira fuq iż-żgħażagħ,”32 iħallu influwenza li tibqa’ għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Iż-żgħażagħ tal-lum huma fost l-aktar spirti33 nobbli ta’ Missierna fis-Smewwiet. Huma kienu fost l-akbar difensuri tal-verità u l-volontà fid-dinja primortali.34 Huwa twieldu f’dawn iż-żminijiet biex jiġbru lil Iżrael permezz tax-xhieda qawwija tagħhom tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa jaf lil kull wieħed u waħda minnhom u jaf il-potenzjal kbir tagħhom. Huwa juri s-sabar tiegħu waqt li jikbru. Hu jifdihom u jipproteġihom. Huwa jfejjaqhom u jiggwidahom. Huwa jispirahom. Aħna, il-ġenituri u l-mexxejja tagħhom, ġejna mħejjija biex nappoġġjawhom. Aħna għandna l-Knisja tas-Salvatur biex tgħinna hekk kif inrabbu l-ġenerazzjoni li jmiss.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li l-Knisja ta’ Kristu, irrestawrata permezz tal-Profeta Joseph Smith u mmexxijja llum mill-President Russell M. Nelson, hi organizzata biex tgħin liż-żgħażagħ iwettqu l-għan kbir tagħhom f’dawn l-aħħar żminijiet. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Alma 53:19.

  2. “Jekk hi l-għażla tagħkom, jekk intom tridu … intom tistgħu tkunu parti importanti minn xi ħaġa kbira, xi ħaġa grandjuża, xi ħaġa maestuża! … Intom fost l-aqwa li l-Mulej qatt bagħat f’din id-dinja.” Intom għandkom il-kapaċità li tkunu aktar intelliġenti u għaqlin u għandkom impatt akbar fuq id-dinja mill-ġenerazzjoni ta’ qabilkom!” Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Librerija tal-Evanġelju).

  3. Dale G. Renlund, “Through God’s Eyes,” Liahona, Nov. 2015, 94.

  4. Alma 56:55.

  5. Alma 56:43–44.

  6. Alma 56:46.

  7. “L-għan ta’ Missierna fis-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu dak li hu tajjeb; hu li jwassal lil uliedu biex jagħżlu li jagħmlu dak li hu tajjeb u ultimament isiru bħalu” (Dale G. Renlund, “Agħżlu Illum,” Liahona, Nov. 2018, 104).

  8. “Hekk kif aħna nsaħħu liż-żgħażagħ billi nistednuhom u nagħtuhom iċ-ċans li jaġixxu, il-Knisja timxi ’l quddiem b’mod mirakoluż” (minn laqgħa mal-Presbiteru David A. Bednar; ara wkoll 2020 Temple and Family History Leadership Instruction, 27 ta’ Frar., 2020, Gospel Library).

  9. Alma 53:22.

  10. Alma 56:17.

  11. Russell M. Nelson, “Hope of Israel,” Gospel Library.

  12. Alma 53:20.

  13. Alma 58:12.

  14. Alma 56:30.

  15. General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 7.1.2, Gospel Library.

  16. Ara General Handbook, 6.7.2.

  17. Alma 23:7.

  18. Alma 58:37.

  19. Alma 58:10–11.

  20. Alma 57:26.

  21. Alma 53:21.

  22. Alma 56:47.

  23. Ara Alma 23:7; 24:17–19.

  24. Alma 56:27.

  25. Ara General Handbook, 7.1.1.

  26. “Hekk kif infittxu l-verità eterna, iż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin jistgħu jgħinuna nagħrfu jekk xi kunċett ġej minn Alla jew minn xi sors ieħor: Il-kunċett li qed jiġi mgħallem huwa konsistenti mal-iskrittura u mal-profeti ħajjin? Qed ikolli konferma mingħand l-Ispirtu s-Santu dwar dan il-kunċett? Alla jiżvela l-veritajiet duttrinali permezz tal-profeti, u l-Ispirtu s-Santu jikkonferma dawk il-veritajiet u jgħinna napplikawhom” (John C. Pingree Jr., “Verità Eterna,” Liahona, Nov. 2023, 100).

  27. Ara Doctrine and Covenants 4:2–4.

  28. “Jekk iż-żgħażagħ tagħna qed iħossu li ma jistgħux ikampaw mal-ħidma ta’ Alla, probabbilment li huma mhux qed ikampaw mad-dinja. … Kemm-il presidenza tal-kworum tad-djaknu u l-għalliema tinsab hemm biex sempliċiment issejjaħ lil xi ħadd biex joffri talba jew iqassam is-sagrament? L-Aħwa, dawn verament huma spirti speċjali, u jistgħu jagħmlu ħwejjeġ mill-aktar sinifikanti jekk nagħtuhom ċans!” (Neal A. Maxwell, “Unto the Rising Generation,” Ensign, Apr. 1985, 11).

  29. Henry B. Eyring, “Teaching Is a Moral Act” (diskors mogħti fl-Università ta’ Brigham Young, 27 ta’ Aww., 1991), 3, speeches.byu.edu.

  30. Ara “Tema tal-Kworum tas-Saċerdozju ta’ Aron,” Librerija tal-Evanġelju.

  31. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Librerija tal-Evanġelju.

  32. “Hija t-tama tagħna li l-veskovati jagħmlu enfażi kbira u jiffokaw bi sħiħ fuq ir-responsabbiltajiet tas-saċerdozju tal-ġuvintur u jgħinuhom fid-dmirijiet tagħhom tal-kworum. Konsulenti kapaċi adulti tal-Ġuvintur se jissejħu biex jassistu lill-presidenzi tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aron u l-veskovat fid-dmirijiet tagħhom. Aħna ċerti li aktar żgħażagħ se jilqgħu din l-isfida u jibqgħu fit-triq tal-patt minħabba din l-attenzjoni kbira li se tkun qed tingħata liż-żgħażagħ tagħna” (Quentin L. Cook, “Aġġustament biex Insaħħu liż-Żgħażagħ,” Liahona, Nov. 2019, 41).

  33. “Missierna fis-Smewwiet baqa’ jżomm ħdejh ħafna mill-ispirti l-aktar nobbli tiegħu—ippermettuli ngħid, l-ifjen tìm tiegħu—għal din il-fażi finali. Dawk l-ispirti nobbli—dawk l-ifjen plejers, dawk l-eroj—huma intom!” (Russell M. Nelson, “Hope of Israel,” Gospel Library).

  34. “Iż-żgħażagħ li tħobbu hemm ċans li kienu fost l-aktar gwerriera qalbiena fuq in-naħa tal-volontà u l-verità. … Aħna nistgħu ngħinu bil-mod li nirreaġixxu għad-determinazzjon tagħhom li jagħżlu għalihom infushom. Huma jagħrfu jekk aħna aħniex qed inħarsu lejhom daqslikieku kienu fost il-gwerriera fidili fl-eżistenza primortali, li għadhom jiddefendu l-volontà morali u konxji mill-valur kbir tagħha biex iġibilhom il-kuntentizza. Jekk inħarsu lejhom bħala gwerriera fidili mill-eżistenza primortali, nafu nirrealizzaw ukoll id-dritt tagħhom tal-indipendenza bħala sinjal tal-potenzjal tagħhom, sinjal li huma qegħdin jittestjaw il-qawwa tal-volontà li ġġibilhom il-kuntentizza” (Henry B. Eyring, “A Life Founded in Light and Truth” [devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 15 ta’ Aww. 15, 2000], 3, 4, speeches.byu.edu).