Il-Mulej Ra li Jkun Għaqli li Aħna Jkollna l-Ktieb ta’ Mormon
Hija t-talba tiegħi li l-qari tal-Ktieb ta’ Mormon din is-sena jkun esperjenza ta’ ferħ u barka għal kull wieħed u waħda minna.
Għeżież ħuti, aħna mill-aktar grati għall-isforzi tagħkom li taqraw l-iskrittura flimkien ma’ Come, Follow Me. Grazzi għal dak kollu li qed tagħmlu. Il-konnessjoni tagħkom ta’ kuljum ma’ Alla u l-kelma tiegħu għandha konsegwenzi profondi. “Intom qed tħejju l-pedament ta’ ħidma kbira U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.”1
Li naqraw it-tagħlim tas-Salvatur fl-iskrittura jgħinna nittrasformaw djarna f’santwarji ta’ fidi u ċentri tat-tagħlim tal-evanġelju.2 Dan jistieden l-Ispirtu fi djarna. L-Ispirtu s-Santu jimla ruħna bl-hena3 u jikkonvertina f’dixxipli ta’ Ġesù Kristu tul ħajjitna.
F’dawn l-aħħar snin, waqt li aħna bdejna naqraw il-kotba tal-iskrittura mqaddsa, aħna osservajna l-panorama ta’ tagħlim ta’ Alla għal uliedu fid-dispensazzjonijiet ewlenin kollha tal-evanġelju.4
F’kull dispensazzjoni, nistgħu naraw mudell familjari. Alla jirrestawra jew jiżvela l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu permezz tal-profeti tiegħu. In-nies jimxu wara l-profeti u jiġu mberkin bil-kbir. Madankollu, maż-żmien, xi nies jieqfu jisimgħu minn kliem il-profeti u jitbiegħdu mill-Mulej u l-evanġelju tiegħu. Dan huwa li nirreferu għalih bħala apostasija. L-evanġelju ġie żvelat l-ewwel lil Adam, iżda xi wħud minn ulied Adam u Eva tbiegħdu mill-Mulej u spiċċaw f’apostasija.5 Nistgħu naraw mudell ta’ restawrazzjoni u apostasija jirrepeti ruħu fid-dispensazzjonijiet ta’ Ħenok, Noè, Abraham, Mosè, u oħrajn.
Issa, illum, ninsabu ngħixu fid-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.6 Din hija l-unika dispensazzjoni li mhijiex se tintemm f’apostasija.7 Hija din id-dispensazzjoni li sejjer twassal għat-Tieni Miġja tas-Salvatur Ġesù Kristu u s-saltna millennjali tiegħu.
Għalhekk, x’hemm differenti f’din id-dispensazzjoni? X’ipprovdielna llum il-Mulej, speċjalment għal żmienna, li jgħinna nersqu aktar qrib is-Salvatur u ma nitilquh qatt?
Tweġiba li tfeġġ f’moħħi hija l-iskrittura—u partikolarment il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu.
Filwaqt li Alla wiegħed li qatt aktar mhu se jkun hawn apostasija ġenerali oħra, jeħtieġ li nkunu konxji u noqogħdu attenti li nevitaw apostasija personali —u niftakru, kif għallem il-President Russell M. Nelson li “aħna lkoll responsabbli għat-tkabbir spiritwali tagħna b’mod individwali.”8 Li nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon, kif qed nagħmlu din is-sena, dejjem iġibna aktar viċin is-Salvatur—u jgħinna nibqgħu viċin tiegħu.
Dan insejħulu “studju,” u dan għaliex jimplika ċertu sforz. Iżda mhux dejjem hu meħtieġ li nitgħallmu xi fatti ġodda. Xi kultant li naqraw il-Ktieb ta’ Mormon ifisser li sempliċiment illum sejrin nagħmlu kuntatt ma’ Alla—nieħdu ħsieb ruħna, nissaħħew spiritwalment qabel noħorġu biex niffaċċjaw id-dinja, jew insibu l-fejqan wara xi jum diffiċli fid-dinja.
Aħna nistudjaw l-iskrittura biex l-Ispirtu s-Santu, l-għalliem il-kbir, ikun jista’ jsaħħaħ il-konverżjoni tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu u jgħinna nsiru aktar bħalhom.9
B’dawn il-ħsibijiet f’moħħna, aħna nistgħu nikkunsidraw, “X’għallimna din il-ġimgħa l-Ispirtu s-Santu waqt l-istudju tagħna tal-Ktieb ta’ Mormon?” u “Dan kif jista’ jressaqna aktar viċin is-Salvatur?”
Dawn huma mistoqsijiet tajbin għall-istudju tal-iskrittura tagħna fid-dar. Huma wkoll mistoqsijiet eċċellenti biex nibdew il-klassi tal-Ħadd fil-knisja. Aħna ntjebu t-tagħlim tagħna fil-knisja nhar ta’ Ħadd billi ntejbu t-tagħlim tagħna fid-dar matul il-ġimgħa. Għalhekk, fil-klassijiet tagħna tal-Ħadd, “dak li jxandar u dak li jisma, jifhmu lil xulxin u t-tnejn jiġu edifikati u jifirħu flimkien.”10
Dawn huma xi ftit versi li l-Ispirtu enfasizza ġo moħħi mill-istudju ta’ din il-ġimgħa tal-Ktieb ta’ Mormon:
-
Nefi talab lil Ġakobb biex “iħares dawn il-pjanċi u jgħaddihom … minn nisel għal nisel. U jekk kien hemm xi tagħlim li kien sagru, jew xi rivelazzjoni … jew profezija,” Ġakobb għandu “inaqqaxhom … fuq dawn il-pjanċi … għall-ġid tal-poplu tagħhom.”11
-
Aktar tard Ġakobb xehed, “Aħna niflu sew l-iskrittura, … u għax għandna dawn ix-xhieda kollha aħna niksbu tama, u l-fidi tagħna ssir waħda soda.”12
Issa, dawn il-versi wassluni biex niftakar f’dak li Nefi kien qal qabel dwar il-pjanċi tar-ram:
“Aħna ksibna l-annali … u flejnihom sew u sibna li … kienu ta’ valur kbir għalina, hekk li aħna stajna nippreservaw il-kmandamenti tal-Mulej għal uliedna.
“Għalhekk, il-Mulej ra li jkun għaqli li aħna nġorruhom magħna, hekk kif imxejna fid-deżert lejn l-art imwiegħda.”13
Issa, jekk kien għaqli għal Leħi u l-familja tiegħu li jkollhom l-iskrittura, huwa wkoll għaqli għalina llum. Il-valur kbir u l-qawwa spiritwali tal-iskrittura għadhom japplikaw għal ħajjitna llum.
Qatt ma kien hawn nies fl-istorja b’aċċess għall-Ktieb ta’ Mormon u għal skrittura oħra aktar milli ngawdu llum.14 Iva, Leħi u l-familja tiegħu kienu mberkin li kienu huma li ġarrew il-pjanċi tar-ram magħhom, iżda huma ma kellhomx kopja għal kull tinda! L-aktar kopja importanti tal-Ktieb ta’ Mormon hija l-kopja personali tagħna. Hija l-kopja li aħna naqraw.
Fid-dehra li kellu Leħi tas-siġra tal-ħajja, Leħi għallimna dwar l-importanza tal-esperjenza personali fejn tidħol l-imħabba ta’ Alla. Wara li kiel mill-frotta, Leħi ra lil martu, Sarija, u lil uliedu Nefi u Sam ftit ’il bogħod minnu.
“Huma waqfu hemm qishom ma jafux fejn kellhom imorru.
“… Jien sejjaħtilhom,” qal Leħi, “u għidtilhom ukoll b’ leħen għoli biex huma jiġu ħdejja, u jieklu mill-frott, li kien ta’ min jixtiequ aktar minn kull frott ieħor.
“U … ġara li huma ġew ħdejja u kielu wkoll mill-frott.”15
Kemm jogħġobni l-eżempju ta’ Leħi dwar li tagħmel dmirek ta’ ġenitur b’intenzjoni. Sarija, Nefi, u Sam kienu qed jgħixu ħajja tajba u ġusta. Iżda l-Mulej kellu għalihom xi ħaġa aħjar, xi ħaġa aktar ħelwa. Huma ma kinux jafu fejn setgħu jsibuha, iżda Leħi kien jaf. Għalhekk, huwa sejħilhom, “b’leħen għoli,” biex jersqu lejn is-siġra tal-ħajja u jieklu minn frottha għall-ġid tagħhom. Id-direzzjoni tiegħu kienet waħda ċara. Ħadd ma seta’ jifhmu ħażin.
Jiena prodott ta’ tip ta’ ġenituri intenzjonali simili.16 Meta kont daqsxejn ta’ tfajjel, forsi kelli xi 11 jew 12-il sena, ommi staqsietni, “Mark, inti taf għalik innifsek, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li l-evanġelju huwa veru?”
Il-mistoqsija tagħha ssorprendietni. Jien minn dejjem ippruvajt inkun “tifel tajjeb,” u ħsibt li dan kien biżżejjed. Iżda ommi, bħal Leħi, kienet taf li kien hemm bżonn ta’ xi ħaġa oħra. Jien kelli naġixxi u nsir naf għalija nnifsi.
Jien weġibtha li kien għad ma kellix dik l-esperjenza. U hija ma dehret sorpiża xejn bit-tweġiba tiegħi.
Imbagħad qalet xi ħaġa li baqgħet f’moħħi. Għadni niftakar kliemha sal-ġurnata tal-lum: “Missierna fis-Smewwiet iridek tkun taf għalik innifsek. Iżda jeħtieġ li tagħmel ftit sforz. Jeħtieġ li taqra l-Ktieb ta’ Mormon u titlob biex issir taf permezz tal-Ispirtu s-Santu. Missierna fis-Smewwiet jisma’ talbek.”
Mela, jiena qatt ma kont qrajt il-Ktieb ta’ Mormon qabel. Ħsibt li kont għadni żgħirr wisq biex nagħmel dan. Iżda ommi kienet taf aktar minn hekk.
Il-mistoqsija tagħha xegħlet fija xewqa li nsir naf għalija nnifsi.
Għalhekk, kull filgħaxija, fil-kamra tas-sodda li kont naqsam flimkien ma’ tnejn minn ħuti s-subien, jiena bdejt nixgħel id-dawl li kelli fuq soddti u naqra kapitlu mill-Ktieb ta’ Mormon. Imbagħad, kont nitfi d-dawl, noħroġ minn taħt il-friex u ninżel għarkupptejja u nibda nitlob. Jien bdejt nitlob b’aktar sinċerità u b’xewqa akbar milli qatt kelli qabel. Jien tlabt lil Missierna fis-Smewwiet biex jekk irid jurini l-verità tal-Ktieb ta’ Mormon.
Mill-mument li bdejt naqra l-Ktieb ta’ Mormon, ħassejt li Missierna fis-Smewwiet kien konxju mill-isforzi tiegħi. U ħassejt li jien kont importanti għalih. Hekk kif jien qrajt u tlabt, ħassejtni nimtela b’sentimenti ta’ faraġ u paċi. Kapitlu wara kapitlu, id-dawl tal-fidi beda jiddi aktar ġewwa ruħi. Maż-żmien, intbaħt li dawk is-sentimenti kienu l-konferma tal-verità mill-Ispirtu s-Santu.17 Jiena sirt naf għalija nnifsi li l-Ktieb ta’ Mormon kien veru, u li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja. Kemm jiena grat għall-istedina spirata ta’ ommi.
Din l-esperjenza li naqra l-Ktieb ta’ Mormon meta kont tifel bdiet fija drawwa ta’ studju tal-iskrittura li għadha tberikni sal-lum. Jien għadni naqra l-Ktieb ta’ Mormon u ninżel għarkupptejja nitlob. U l-Ispirtu s-Santu għadu jikkonferma u jerġa jikkonferma miegħi il-veritajiet tiegħu.
Nefi ddeskriva dan b’mod tajjeb. Il-Mulej ra li kien għaqli li aħna nġorru l-iskrittura magħna tul ħajjitna. Il-Ktieb ta’ Mormon hu l-“ġebla ewlenija” li tagħmel din id-dispensazzjoni differenti minn kull dispensazzjoni oħra ta’ qabilha. Hekk kif nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon u nimxu wara l-profeta ħaj, aħna ma nesperjenzaw l-ebda apostasija personali f’ħajjitna.18
L-istedina li nersqu lejn is-siġra tal-ħajja billi nżommu sod mal-kelma ta’ Alla mhijiex biss stedina minn Leħi lill-familja tiegħu, u mhijiex biss stedina minn ommi għalija biex naqra u nitlob dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Hija wkoll stedina mingħand il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, lil kull wieħed u waħda minna.
“Inwegħidkom,” huwa qal, “li hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom tibdew tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum. Jien inwegħidkom li hekk kif intom tixtarru dak li tistudjaw dwaru, jinfetħu għalikom bwieb is-sema, u intom tirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħkom kif ukoll direzzjoni għal ħajjitkom.”19
Hija t-talba tiegħi li l-qari tal-Ktieb ta’ Mormon din is-sena jkun esperjenza ta’ ferħ u barka għal kull wieħed u waħda minna u jressaqna dejjem aktar viċin is-Salvatur.
Missierna tas-Smewwiet jgħix. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Fil-Ktieb ta’ Mormon fih kliemu u jwasslilna mħabbtu. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj tal-Mulej fid-dinja llum. Jiena naf li dawn il-ħwejjeġ huma vera minħabba x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu li tikkonfermali dan, liema xhieda jien ksibt għall-ewwel darba meta bdejt naqra l-Ktieb ta’ Mormon meta kont għadni tifel. F’isem Ġesù Kristu, ammen.