Patti u Responsabbiltajiet
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija magħrufa bħala knisja li tenfasizza li nagħmlu l-patti ma’ Alla.
“Kemm hi differenti l-Knisja tiegħek minn knejjes oħra?” It-tweġiba għal din il-mistoqsija importanti ma baqgħetx l-istess hekk kif jiena mmaturajt u hekk kif il-Knisja kibret. Meta twelidt jien f’Utah, fl-1932, is-sħubija fil-Knisja tagħna kienet biss madwar 700,000 ruħ, fil-parti l-kbira tagħhom f’Utah u fl-Istati tal-madwar. Dak iż-żmien, kellna biss 7 tempji. Illum is-sħubija tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tgħodd ’il fuq minn 17-il miljun ruħ f’madwar 170 pajjiż. Sa l-1 ta’ April li għadda għandna 189 tempju ddedikat f’bosta ġnus u 146 tempju ieħor fi stadji ta’ ppjanar u kostruzzjoni. Jien ħassejt li għandi nitkellem dwar l-għan ta’ dawn it-tempji u l-istorja u l-irwol tal-patti fil-qima tagħna. Dan jissupplimenta t-tagħlim ispirat ta’ kelliema ta’ qabli.
I.
Patt huwa mpenn li twettaq ċerti responsabbiltajiet. L-impenn personali huwa essenzjali għar-regolamentazzjoni tal-ħajja individwali tagħna u għall-funzjoni regolari tas-soċjetà. Bħalissa din l-idea qed tiġi sfidata. Minoranza b’leħen jgħajjat qed topponi l-awtorità istituzzjonali u qed tinsisti li n-nies għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe restrizzjonijiet li jillimitaw individwali il-ħelsien tagħhom. Madankollu aħna nafu minn esperjenza ta’ eluf ta’ snin li ċerti nies jissagrifikaw xi ftit mill-ħelsien individwali biex jiksbu l-vantaġġ li jgħixu f’komunitajiet organizzati. Li aħna nissagrifikaw b’dan il-mod il-ħelsien individwali huwa bbażat fuq ċertu mpenn jew fuq patti, li aħna nesprimu jew nimplikaw.
Dawn huma xi eżempji tar-responsabbiltajiet tal-patti fis-soċjetà tagħna: (1) mħallfin, (2) militar, (3) personàl mediċi, u (4) ħaddiema tat-tifi tan-nar. Dawk kollha involuti f’dawn l-impjiegi mpenjattivi juru ċertu mpenn —spiss formalizzati permezz ta’ ħalfa jew patt—li huma lesti jwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom. L-istess japplika għall-missjunarji full-time tagħna. L-ilbies distintiv jew it-teggs bl-isem juru li dak li qed jilbishom jinsab taħt patt u għalhekk għandu d-dmir li jgħallem u jaqdi u għandna ngħinuh f’dak is-servizz. Għan relatat hu li dawk li jilbsuhom jiftakru fir-responsabbiltajiet tagħhom. Ma nsibu l-beda maġija fl-ilbies jew is-simboli distintivi tagħhom, insibu biss li huma jinsabu hemm biex skont il-ħtieġa jfakkruna dwar ir-responsabbiltajiet speċjali li għandu dak li jilbishom. Dan nistgħu ngħiduh ukoll għas-simbolu taċ-ċrieket tal-għerusija jew taż-żwieġ u l-irwol li għandhom biex jgħarrfu lill-osservaturi jew ifakkru lil min jilbishom dwar ir-responsabbiltajiet tal-patt tagħhom.
II.
Dak li għidt dwar il-patti li huma pedament għar-regolamentazzjoni tal-ħajja individwali japplika partikolarment għall-patti reliġjużi. Il-pedament u l-istorja ta’ bosta affiljazzjonijiet u ħtiġijiet reliġjużi huma bbażati fuq il-patti. Per eżempju, il-patt Abrahamiku huwa fundamentali għal bosta tradizzjonijiet reliġjużi kbar. Huwa jintroduċi l-idea qaddisa tal-wegħdiet tal-patt li Alla għamel ma’ wliedu. It-Testment il-Qadim spiss jirreferi għall-patt ta’ Alla ma’ Abraham u n-nisel tiegħu.1
L-ewwel parti tal-Ktieb ta’ Mormon, li nkitbet fil-perjodu tat-Testment il-Qadim, turi b’mod ċar l-irwol tal-patti fl-istorja u l-qima ta’ Iżrael. Nefi ġie mgħarraf li l-kitbiet ta’ Iżrael ta’ dak iż-żmien kienu “kitba tal-Lhud, li fiha l-patti tal-Mulej, li huwa għamel mad-dar ta’ Iżrael.”2 Il-kotba ta’ Nefi spiss jagħmlu referenza għall-patt Abrahamiku3 u għal Iżrael bħala “l-poplu tal-patt tal-Mulej.”4 Id-drawwa li wieħed jagħmel patt ma’ Alla jew ma’ mexxejja reliġjużi tissemma wkoll fil-kitbiet tal-Ktieb ta’ Mormon dwar Nefi, Ġużeppi fl-Eġittu, is-Sultan Benjamin, Alma, u l-Kmandant Moroni.5
III.
Meta kien wasal iż-żmien għar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, Alla sejjaħ profeta, sejjaħ lil Joseph Smith. Aħna ma nafux il-kontenut kollu tal-ewwel struzzjonijiet li l-anġlu Moroni ta lil dan il-profeta żagħżugħ li kien għadu qed jimmatura. Nafu li huwa qal lil Joseph li “Alla kellu ħidma għalih xi jwettaq” u li “l-milja tal-Evanġelju ta’ dejjem” kellha tiġi fis-seħħ, inkluż “il-wegħdiet li saru ma’ missirijietu.”6 Nafu wkoll li l-iskrittura li t-tfajjel Joseph qara bl-aktar intensità—sewwasew sa minn qabel ma ġie mmexxi biex jorganizza knisja—kienet il-ħafna tagħlim dwar il-patti li kien qed jittraduċi fil-Ktieb ta’ Mormon. Dak il-ktieb huwa s-sors ewlieni tar-Restawrazzjoni għall-milja tal-evanġelju, inkluż il-pjan ta’ Alla għal uliedu, u l-Ktieb ta’ Mormon huwa mimli b’referenzi għall-patti.
Billi kien wieħed imdorri jaqra l-Bibbja, Joseph żgur li kien jaf bir-referenza fil-ktieb tal-Lhud dwar l-intenzjoni tas-Salvatur li “jagħmel patt ġdid mad-dar ta’ Iżrael u mad-dar ta’ Ġuda.”7 Il-Ktieb tal-Lhud jirreferi wkoll għal Ġesù bħala “l-medjatur tal-patt il-ġdid.”8 B’mod sinifikanti, ir-rakkont bibliku dwar il-ministeru mortali tas-Salvatur jismu “It-Testment il-Ġdid,” sinonima virtwali għal “Il-Patt il-ġdid.”
Il-patti kienu ħaġa fundamentali fir-Restawrazzjoni tal-evanġelju. Dan jidher ċar fl-ewwel passi li l-Mulej idderieġa lill-Profeta biex jieħu ħalli jorganizza l-Knisja tiegħu. Malli ġie ppubblikat il-Ktieb ta’ Mormon, il-Mulej mexxa l-organizzazzjoni tal-Knisja rrestawrata tiegħu, li ftit wara kellha ġġib l-isem Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.9 Rivelazzjoni mogħtija f’April 1830 tgħid li l-persuni “għandhom jintlaqgħu permezz tal-magħmudija fil-knisja tiegħu” wara li huma “jixhdu” (li tfisser li jagħtu xhieda b’mod solenni) “li huma tassew nidmu minn dnubiethom kollha, u huma lesti li jieħdu fuqhom isem Ġesù Kristu, b’determinazzjoni li jaqduh sal-aħħar.”10
Din l-istess rivelazzjoni tgħid li l-membri tal-Knisja għandhom “jiltaqgħu flimkien ta’ spiss biex jieħdu l-ħobż u l-inbid bħala tifkira tal-Mulej Ġesù.” L-importanza ta’ din l-ordinanza hija evidenti fil-kliem tal-patti intenzjonat għall-presbiteru jew għall-qassis li jiffunzjona. Huwa jbierek l-emblemi tal-ħobż “għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu minnu … , ħalli huma … jagħtuk xhieda, O Alla, il-Missier Etern, li huma lesti jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jħarsu l-kmandamenti li Huwa tahom.”11
L-irwol ewlieni tal-patti fil-Knisja li kienet għadha kif ġiet irrestawrata kien rriaffermat fil-prefazju li l-Mulej ta għall-ewwel pubblikazzjoni tar-rivelazzjonijiet tiegħu. Hemmhekk il-Mulej jiddikjara li Huwa sejjaħ lil Joseph Smith għaliex l-abitanti tad-dinja “tbiegħdu mill-ordinanzi tiegħi, u kisru l-patt ta’ dejjem tiegħi.”12 Din ir-rivelazzjoni tispjega wkoll li l-kmandamenti tiegħu qed jingħataw “ħalli l-patt ta’ dejjem tiegħi jkun jista’ jiġi fis-seħħ.”13
Illum aħna nifhmu l-irwol tal-patti fil-Knisja rrestawrata u fil-qima tal-membri tagħha. Il-President Gordon B. Hinckley tana dan is-summarju dwar l-effett tal-magħmudija tagħna u li ta’ kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament: “Kull membru ta’ din il-Knisja li daħal fl-ilmijiet tal-magħmudija sar jagħmel parti minn patt sagru. Kull darba li nieħdu sehem fis-sagrament tal-ikla tal-Mulej, aħna nġeddu dak il-patt.”14
Kienu ħafna l-kelliema li fakkruna f’din il-konferenza li l-President Russell M. Nelson ta’ spiss jirreferi għall-pjan tas-salvazzjoni bħala “it-triq tal-patt” li “twassalna lura lejn Alla” u “li l-qofol tiegħu huwa r-relazzjoni tagħna ma’ Alla.”15 Huwa jgħallem dwa is-sinifikat tal-patti fiċ-ċerimonji tagħna tat-tempju u jħeġġiġna biex naraw it-tmiem mill-bidu u biex “naħsbu b’mod ċelestjali.”16
IV.
Issa se nitkellem aktar dwar il-patti tat-tempju. Fi twettiq tar-responsabbiltà tiegħu li jirrestawra l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-Profeta Joseph Smith qatta’ parti kbira mill-aħħar snin ta’ ħajtu jidderieġi l-bini ta’ tempju ġewwa Nauvoo, Illinois. Permezz tiegħu l-Mulej żvela tagħlim, duttrina, u patti sagri għas-suċċessuri tiegħu biex ikunu jistgħu jamministraw fit-tempji. Hemmhekk nies li ġew iddotati kellhom jiġu mgħallmin il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla u jiġu mistiedna jagħmlu patti sagri. Dawk li għexu fidili lejn dawk il-patti kienu mwiegħda l-ħajja ta’ dejjem, li fiha “kollox isir tagħhom” u huma “jgħammru fil-preżenza ta’ Alla u ta’ Kristu tiegħu għal dejjem ta’ dejjem.”17
Iċ-ċerimonji tad-dota fit-Tempju ta’ Nauvoo kienu amministrati ftit qabel mal-ewwel pijunieri tagħna ġew imkeċċija minn hemm u bdew il-mixja storika tagħhom lejn il-muntanji fil-Punent. Aħna għandna t-testimonjanzi ta’ bosta pijunieri dwar kemm il-qawwa li ġew mogħtija meta ntrabtu ma’ Kristu fid-doti tagħhom fit-Tempju ta’ Nauvoo tathom il-qawwa biex jagħmlu l-vjaġġ epiku tagħhom u jistabbilixxu rwieħhom fil-Punent.18
Persuni li ġew iddotati f’tempju huma responsabbli li jilbsu garment tat-tempju, li huwa lbies li ma jidhirx għaliex jintlibes taħt l-ilbies ta’ fuq. Huwa jfakkar lill-membri ddotati dwar il-patti sagri li huma għamlu u l-barkiet li ġew imwiegħda fit-tempju mqaddes. Biex niksbu dawk l-għanijiet qaddisa, aħna mitlubin nilbsu l-garment tat-tempju kontinwament, bl-unika eċċezzjoni tkun dawk il-bżonnijiet ovvji. Peress li l-patti m’għandhomx vaganzi, li wieħed ineħħi l-garment nifhmu biha bħala ċaħda tar-responsabbiltajiet u l-barkiet tal-patt li hemm marbutin miegħu. B’kuntrast għal dan, persuni li jilbsu l-garment b’mod fidil u kontinwament iħarsu l-patti tat-tempju jkunu qed jaffermaw l-irwol tagħhom bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qed tibni t-tempji madwar id-dinja kollha. L-għan tagħhom hu li jbierku l-ulied tal-patt ta’ Alla permezz tal-qima tat-tempju u permezz ta’ responsabbiltajiet u qawwiet sagri u barkiet uniċi, li jorbtuhom ma’ Kristu, li huma jirċievu permezz tal-patt.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija magħrufa bħala knisja li tenfasizza li nagħmlu l-patti ma’ Alla. Il-patti huma inerenti f’kull ordinanza tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li din il-Knisja rrestawrata tamministra. L-ordinanza tal-magħmudija u l-patti marbuta magħha huma meħtieġa biex nidħlu fis-saltna ċelestjali. L-ordinanzi u l-patti marbuta magħhom tat-tempju huma meħtieġa għall-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali, li hija l-ħajja ta’ dejjem, l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”19 Dan huwa qofol tal-attenzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, li huwa l-kap ta’ dik il-Knisja, u nsejjaħ sabiex jinżlu l-barkiet tiegħu fuq dawk kollha li jaraw li jħarsu l-patt sagri tagħhom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.