Naċċessaw il-Qawwa ta’ Alla permezz tal-Patti
Hekk kif intom timxu t-triq tal-patt, mill-magħmudija sat-tempju u tul ħajjitkom, inwegħidkom l-qawwa li tmorru kontra l-kurrent naturali tad-dinja.
Novembru li għadda, jien kelli l-privileġġ li niddedika t-Tempju ta’ Belém, fil-Brażil. Kien ta’ pjaċir għalija li nkun mal-membri kkonsagrati tal-Knisja fit-tramuntana tal-Brażil. Dak iż-żmien, tgħallimt li Belém hija d-daħla għar-reġjun li jinkludi fih l-aktar xmara setgħana fid-dinja, ix-Xmara Amażonja.
Minkejja l-qawwa tax-xmara, darbtejn fis-sena, isseħħ xi ħaġa li xejn ma tidher naturali. Meta x-xemx, il-qamar, u d-dinja jkunu allinjati flimkien, mewġa tal-marea mill-aktar qawwija tgħaddi max-xmara, kontra l-kurrent naturali tal-ilma. Ġie rreġistrat mewġ għoli 6 metri1 li jibqa’ sejjer sa 50 kilometru2 ’l bogħod. Dan il-fenomenu, magħruf ġeneralment bħala tromba tal-marea, in-nies tal-lokal jirreferu għalih bħala pororoca, jew “l-għajta l-kbira,” minħabba l-ħoss kbir li jagħmel. Aħna nistgħu b’mod xieraq nikkonkludu li anke l-Amażonja mill-aktar setgħana jeħtieġ li toqgħod għall-qawwiet tas-smewwiet.
Bħall-Amażonja, aħna nimxu ma’ ċertu kurrent naturali f’ħajjitna; inklinati li nagħmlu dak li jiġi naturali għalina. Bħall-Amażonja, bl-għajnuna divina, nistgħu bħallikieku nagħmlu ħwejjeġ li mhumiex naturali għalina. Wara kollox, mhijiex xi ħaġa naturali għalina li nkunu umli, qalbna ħelwa, jew nissottomettu lilna nfusna għar-rieda ta’ Alla. Madankollu hu biss billi nagħmlu dan li nistgħu nittrasformaw ruħna, nerġgħu lura biex ngħixu fil-preżenza ta’ Alla, u niksbu d-destin etern tagħna.
B’differenza għall-Amażonja, aħna nistgħu nagħżlu jekk nissottomettux ruħna għall-qawwiet divini jew “immorrux mal-kurrent.”3 Jaf ikun diffiċli li mmorru kontra l-kurrent. Iżda meta aħna nissottomettu ruħna “għall-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu” u ninżgħu minn fuqna t-tendenzi egoisti tal-bniedem naturali,4 aħna nistgħu nirċievu f’ħajjitna l-qawwa li tittrasformana tas-Salvatur, il-qawwa li nwettqu ħwejjeġ diffiċli.
Il-President Russell M. Nelson għallimna kif nistgħu nagħmlu dan. Huwa wiegħed, “Kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandha aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu … li tgħollina ’l fuq mill-ġibda ta’ din id-dinja mitlufa.”5 Fi kliem ieħor, aħna nistgħu naċċessaw il-qawwa ta’ Alla, iżda nistgħu nagħmlu dan biss meta nikkonnetjaw ruħna miegħu permezz tal-patti sagri.
Qabel ma nħolqot id-dinja, Alla stabbilixxa ċerti patti bħala mekkaniżmu li bih aħna, wliedu, nistgħu ngħaqqdu lilna nfusna miegħu. Ibbażati fuq liġi eterna li ma tinbidilx, Huwa speċifika l-kundizzjonijiet li mhumiex negozjabbli li permezz tagħhom nistgħu nittrasformaw, insalvaw, u neżaltaw irwieħna. F’din il-ħajja, aħna nagħmlu patti billi nipparteċipaw f’ordinanzi tas-saċerdozju u nwiegħdu li nagħmlu dak li jitlobna Alla, u min-naħa tiegħu, Alla jwegħidna ċerti barkiet.6
Patt huwa wegħda li aħna jeħtiġilna nitħejjew għaliha, nifhmu b’mod ċar, u nonoraw b’mod assolut.7 Li nagħmlu patt ma’ Alla hu differenti minn li nagħmlu xi wegħda b’mod każwali. L-ewwel, neħtieġu l-awtorità tas-saċerdozju. It-tieni, wegħda każwali m’għandhiex il-qawwa ta’ konnessjoni li televana ’l fuq mill-ġibda tal-kurrent naturali. Aħna nagħmlu patt biss meta l-intenzjoni tagħna hi li nikkommettu ruħna b’mod eċċezzjonali li nonorawh.8 Aħna nsiru wlied tal-patt ta’ Alla u werrieta tas-saltna tiegħu, speċjalment meta nidentifikaw lilna nfusna kompletament mal-patt.
It-terminu it-triq tal-patt jirreferi għal serje ta’ patti li permezz tagħhom nistgħu nersqu lejn Kristu u nikkonnetjaw ruħna miegħu. Permezz ta’ din ir-rabta tal-patt, aħna għandna aċċess għall-qawwa eterna tiegħu. It-triq tibda bil-fidi f’Ġesù Kristu u l-indiema, segwita mill-magħmudija u l-għotja tal-Ispirtu s-Santu.9 Ġesù Kristu wriena kif nistgħu nidħlu fit-triq meta Huwa tgħammed.10 Skont ir-rakkonti mit-Testment il-Ġdid fl-Evanġelju ta’ Mark u Luqa, Missierna fis-Smewwiet tkellem direttament ma’ Ġesù fil-magħmudija tiegħu, u qal, “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.” Meta nidħlu fit-triq tal-patt permezz tal-magħmudija, nista’ nimmaġina lil Missierna fis-Smewwiet jgħid xi ħaġa simili lil kull wieħed u waħda minna: “Inti ibni l-maħbub li fik insib l-għaxqa tiegħi. Ibqa’ sejjer hekk.”11
Fil-magħmudija u meta nieħdu sehem fis-sagrament,12 aħna nagħtu xhieda li aħna lesti nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu.13 F’dan il-kuntest, ejjew niftakru fil-kmandament mit-Testment il-Qadim, “Issejjaħx l-isem tal-Mulej Alla tiegħek fil-batal.”14 Fil-widnejn tagħna tal-lum, din taf tinstama’ bħala projbizzjoni kontra l-użu irriverenti ta’ isem il-Mulej. Il-kmandament jinkludi sewwasew dan, iżda l-inġunzjoni tiegħu hija fil-verità aktar profonda. Il-kelma Ebrajka tradotta bħala “tieħu” tfisser “televa” jew “iġġorr”, kif wieħed jagħmel b’xi bandiera biex b’hekk tidentifikah ma’ xi individwu jew grupp.15 Il-kelma tradotta bħala “batal” tfisser “vojt” jew “b’qerq.”16 Il-kmandament li ma nsejħux l-isem tal-Mulej fil-batal għalhekk ifisser, “M’għandekx tidentifika lilek innifsek bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu jekk l-intenzjoni tiegħek mhijiex li tirrappreżentah b’mod tajjeb.”
Aħna nsiru dixxipli tiegħu u nirrappreżentawh b’mod tajjeb meta intenzjonalment u inkrementalment nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu permezz tal-patti. Il-patti tagħna jagħtuna l-qawwa li nibqgħu fit-triq tal-patt minħabba li r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu u Missierna fis-Smewwiet inbidlet. Aħna nsiru kkonnettjati magħhom permezz ta’ rabta pattwali.
It-triq tal-patt twassalna għall-ordinanzi tat-tempju, bħad-dota tat-tempju.17 Id-dota hija rigal ta’ patti sagri li jikkonnetjawna b’mod sħiħ miegħu. Fid-dota, aħna nagħmlu patt li l-ewwel sejrin nagħmlu li nistgħu biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla; it-tieni, biex nindmu b’qalb maqsuma u spirtu niedem; it-tielet, biex ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna nagħmlu dan billi neżerċitaw il-fidi fih, nagħmlu patti ma’ Alla hekk kif nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni, inżommu dawk il-patti tul ħajjitna, u nagħmlu li nistgħu biex ngħixu ż-żewġ kmandamenti l-kbar li nħobbu lil Alla u lil għajrna. Ir-raba’, aħna nagħmlu patt li sejrin inħarsu l-liġi tal-kastità, u, il-ħames, sejrin niddedikaw lilna nfusna u dak kollu li l-Mulej iberikna bih biex nibnu l-Knisja tiegħu.18
Bit-twettiq u l-ħarsien tal-patti tat-tempju, aħna nitgħallmu aktar dwar l-għanijiet tal-Mulej u niksbu l-milja tal-Ispirtu s-Santu.19 Aħna nirċievu direzzjoni għal ħajjitna. Aħna nsiru aktar maturi fid-dixxipulat tagħna ħalli ma nibqgħux ulied perpetwali mingħajr għarfien.20 Minflok, aħna ngħixu b’perspettiva eterna u nkunu aktar motivati li naqdu lil Alla u lil oħrajn. Aħna nirċievu kapaċità akbar li nwettqu l-għanijiet tagħna fil-mortalità. Aħna nkunu protetti mill-ħażen,21 u niksbu qawwa akbar biex nirreżistu t-tentazzjoni u nindmu meta naqgħu.22 Meta niżbaljaw, il-memorja tal-patti tagħna ma’ Alla tgħinna nerġgħu lura fi-triq. Billi nikkonnettjaw ruħna mal-qawwa ta’ Alla, aħna stess insiru pororoca, kapaċi li mmorru kontra l-kurrent tad-dinja, tul ħajjitna u fl-eternitajiet. Ultimament, id-destini tagħna jinbidlu peress li t-triq tal-patt twassalna għall-eżaltazzjoni u l-ħajja ta’ dejjem.23
Li nħarsu l-patti li nagħmlu fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji jipprovdulna wkoll il-qawwa li nirreżistu l-isfidi u l-uġigħ il-qalb tal-mortalità.24 Id-duttrina marbuta ma’ dawn il-patti tagħmel it-triq tagħna aktar faċli u tipprovdilna t-tama, il-faraġ, u l-paċi.
In-nanniet tiegħi Lena Sofia u Matts Leander Renlund irċevew il-qawwa ta’ Alla permezz tal-patt tal-magħmudija tagħhom meta huma ngħaqdu mal-Knisja fl-1912 ġewwa l-Finlandja. Huma kienu ferħanin li saru jagħmlu parti mill-ewwel fergħa tal-Knisja fil-Finlandja.
Leander miet bit-tuberkulożi ħames snin wara meta Lena kienet tqila bl-għaxar tarbija tagħhom. Dik it-tarbija, missieri, twieldet xahrejn wara l-mewt ta’ Leander. Lena eventwalment spiċċat difnet mhux biss lil żewġha iżda wkoll lil sebgħa mill-għaxar uliedha. Bħala armla fqajra, hija bdiet issibha diffiċli. Għal 20 sena, hija sabitha diffiċli biex tistrieħ sewwa billejl. Hija kienet taħdem iebes biex tipprovdi l-ikel għall-familja tagħha matul il-jum. Matul il-lejl kienet tieħu ħsieb il-membri tal-familja tagħha li kienu qed imutu. Diffiċli nimmaġina kif kienet tkampa.
Lena baqgħet tippersevera għax kienet taf li r-raġel u t-tfal mejtin tagħha setgħu ikunu tagħha fl-eternitajiet. Id-duttrina tal-barkiet tat-tempju, tinkludi dik relatata ma’ familji eterni, ġabitilha l-paċi għax hija fdat fil-qawwa tas-siġill. Fil-ħajja mortali tagħha hi la rċeviet id-dota tagħha u lanqas ma’ ġiet issiġillata ma’ Leander, iżda Leander baqa’ influwenza kbira f’ħajjitha u parti mit-tama kbira tagħha għall-ġejjieni.
Fl-1938, Lena ssottomettiet r-reġistri ħalli l-ordinanzi tat-tempju jkunu jistgħu jitwettqu għall-membri tal-familja mejtin tagħha, xi wħud mill-ewwel li ntbagħtu mill-Finlandja. Wara li mietet, nies oħra wettqu l-ordinanzi tat-tempju għaliha, għal Leander u għall-uliedha l-mejtin. BI prokura, hija ġiet iddotata, Lena u Leander ġew issiġillati flimkien, u ma’ wliedhom mejtin u missieri ġie ssiġillat magħhom. Bħal oħrajn, Lena “mietet fil-fidi, u għalkemm ma kenitx irċeviet il-wegħdi, iżda kienet rathom mill-bogħod, … [fejn] hi bdiet tistenniehom, u tħaddanhom.”25
Lena għexet bħallikieku hi diġà kienet għamlet dawn il-patti f’ħajjitha. Hi kienet taf li l-patti tagħha tal-magħmudija u tas-sagrament kienu jorbtuha mas-Salvatur. Hi “ħalliet ix-xewqa tagħha li tkun fil-post qaddis [tal-Feddej] twasslilha t-tama fil-qalb deżolata [tagħha].”26 Lena kienet tikkunsidra bħala waħda mill-akbar atti ta’ ħniena ta’ Alla li hi tgħallmet dwar il-familji eterni qabel hija esperjenzat it-traġedji f’ħajjitha. Permezz ta’ patt hi kisbet il-qawwa ta’ Alla li tibqa’ għaddejja u televa ruħha ’l fuq mill-ġibda dipressiva tal-isfidi u d-diffikultajiet tagħha.
Hekk kif intom timxu t-triq tal-patt, mill-magħmudija sat-tempju u tul ħajjitkom, inwegħidkom l-qawwa li tmorru kontra l-kurrent naturali tad-dinja—il-qawwa li titgħallmu, il-qawwa li tindmu u titqaddsu, u l-qawwa li ssibu t-tama, il-faraġ, u saħansitra l-hena hekk kif tiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. Inwiegħed lilkom u lill-familja tagħkom l-protezzjoni kontra l-influwenza tal-avversarju, speċjalment meta t-tempju jsr l-attenzjoni ewlenija f’ħajjitkom.
Hekk kif intom tersqu lejn Kristu u tikkonnettjaw ruħkom miegħu u ma’ Missierna fis-Smewwiet permezz tal-patti, isseħħ xi ħaġa li ma tkunx tidher naturali. Intom tittrasformaw ruħkom u ssiru pperfezzjonati f’Ġesù Kristu.27 Intom issiru l-ulied tal-patt ta’ Alla u werrieta fis-saltna tiegħu.28 Nista’ nimmaġinah jgħidilkom, “Inti l-iben għażiż tiegħi li fik sibt l-għaxqa tiegħi. Nilqgħek id-dar.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.