Konferenza Ġenerali
Il-Ħsad Imperfett
konferenza ġenerali April 2023


Il-Ħsad Imperfett

Is-Salvatur jinsab lest li jaċċetta l-offerti umli tagħna u jipperfezzjonahom permezz tal-grazzja tiegħu. Ma’ Kristu, m’hemm l-ebda ħsad imperfett.

Meta kont għadni żagħżugħ, tgħallimt inħobb it-tibdil drammatiku tal-istaġuni tas-sena fil-lbiċ ta’ Montana, fejn trabbejt. L-istaġun favorit tiegħi kien il-ħarifa—żmien il-ħsad. Il-familja tagħna kienet tittama u titlob li aħna niġu ppremjati tax-xhur li nkunu qattajna naħdmu iebes permezz ta’ ħsad bil-kotra. Il-ġenituri tiegħi kienu jinkwetaw minħabba t-temp, is-saħħa tal-annimali u l-prodotti tar-raba’, u bosta ħwejjeġ oħra li ftit li xejn kellhom kontroll fuqhom.

Aktar ma bdejt nikber, aktar bdejt insir konxju tal-urġenza li dan kien jinvolvi. Ħajjitna kienet tiddependi mill-ħsad. Missieri għallimni dwar l-apparat li konna nużaw biex naħsdu l-qamħ. Kont rajtu jieħu l-makkinarju fl-għalqa, jaqta’ medda żgħira qamħ u mbagħad jiċċekkja warajha biex jiżgura li kien niżel biżżejjed qamħ fit-tank li kien hemm mal-makkinarju u li ma spiċċax mormi flimkien mal-ħaxix ħażin. Huwa rrepeta dan l-eżerċizzju għal diversi drabi, u kull darba jaġġusta l-makkinarju. Jien bdejt niġri ħdejh u qgħadt infittex qalb il-ħaxix ħażin, nippretendi li kont inkun naf x’qed nagħmel.

Wara li hu kien sodisfatt bit-tibdil li kien għamel fil-makkinarju, jiena sibt xi ftit qlub qamħ fost il-ħaxix ħażin li kien hemm mal-art u tajthomlu b’ħarsa ta’ xi ħadd li kien jaf sewwa. Ma ninsiex x’kien qalli missieri: “Dan tajjeb biżżejjed u l-aħjar li dan il-makkinarju jista’ jagħmel.” Peress li ma kontx sodisfatt bl-ispjegazzjoni tiegħu, jiena bdejt nixtarr dwar l-imperfezzjoni ta’ dan il-ħsad.

Ftit taż-żmien wara, meta fl-għaxijiet it-temp beda jiksaħ, jiena bdejt nosserva eluf ta’ ċinji, wiżż, u papri, li kienu qed jemigraw, neżlin fl-għelieqi biex ikunu jistgħu jieħdu n-nutriment tagħhom fil-vjaġġ twil tagħhom lejn in-nofsinhar. Huma kielu l-qamħ li kien għad baqa’ mill-ħsad imperfett tagħna. Alla kien ipperfezzjonah. U lanqas qalb tal-qamħ waħda ma ntilfet.

Spiss jaf ikollna t-tentazzjoni fid-dinja tagħna u anke fil-kultura tal-Knisja li nossessjonaw ruħna bil-perfezzjoni. Il-midja soċjali, ċerta stennija mhux reali, u ħafna drabi il-kritika lejna nfusna toħloq sentimenti ta’ inadegwatezza—li aħna mhux tajbin biżżejjed u qatt mhu se nkunu. Xi wħud anke jifhmu ħażin l-istedina tas-Salvatur “kunu perfetti.”1

Ftakru li l-perfezzjoniżmu mhuwiex l-istess ħaġa bħalli tkun ipperfezzjonat fi Kristu.2 Il-perfezzjoniżmu jitlob standard impost fuqna minna stess li huwa impossibbli, u li jqabbilna ma’ ħaddieħor. Dan jikkawża l-ħtija u l-anzjetà, u jaf iwassalna biex naqtgħu qalbna u ninqatgħu għalina.

Li niġu pperfezzjonati fi Kristu xi ħaġa oħra. Huwa l-proċess—iggwidat b’tant imħabba mill-Ispirtu s-Santu—li nsiru aktar bħas-Salvatur. L-istandards huma mfassla minn Missierna fis-Smewwiet ħanin u li jaf kollox u li huma mfissra b’mod ċar fil-patti li aħna mistednin inħaddnu. Dan jeħlisna mit-toqol tal-ħtija u l-inadegwatezza, u jenfasizza dejjem aħna min aħna f’għajnejn Alla. Filwaqt li dan il-proċess jelevana u jimbuttana biex insiru aħjar, aħna niġu ġġudikati skont id-devozzjoni personali tagħna lejn Alla li nuruha fl-isforzi tagħna li nimxu warajh b’fidi. Hekk kif naċċettaw l-istedina tas-Salvatur li mmoru għandu, aħna ma ndumux ma nintebħu li l-aqwa tagħna huwa tajjeb biżżejjed u li l-grazzja tas-Salvatur kollu mħabba tagħmel tajjeb għad-differenza b’modi li diffiċli nimmaġinaw.

Aħna nistgħu naraw dan il-prinċipju jaħdem meta s-Salvatur tema lill-ħamest elef ruħ.

“Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu, Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu? …

“Filippu wieġbu Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.

“Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:

“Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”3

Qatt ħsibtu kif seta’ ħassu s-Salvatur dwar dan it-tfajjel, li b’fidi ta’ tifel offra ammont li żgur kien jaf li ma kienx biżżejjed għas-sitwazzjoni li kien hemm quddiemu?

“Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried.

“Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.”4

Is-Salvatur ipperfezzjona l-offerta mill-aktar umli.

Ftit wara din l-esperjenza, Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu qablu fuq dgħajsa. Huma ma damux ma spiċċaw maqbudin fuq baħar imqalleb f’nofs ta’ lejl. Huma bdew jibżgħu meta raw bniedem qisu fantasma riesaq lejhom miexi fuq l-ilma.

“Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom, Agħmlu l-qalb, jiena hu; tibżgħu xejn.

“Wieġeb Pietru u qallu, Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

“Ejja, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.

“Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: Salvani, Mulej.

“Malajr Ġesù medd idu u qabdu, Bniedem ta’ fidi żgħira, qallu, għaliex iddubitajt?”5

Ħuti, dan jaf ma kienx tmiem il-konverżazzjoni. Nemmen li kif Pietru u s-Salvatur mxew lura lejn id-dgħajsa id f’id, b’Pietru mxarrab għasra u probabbilment iħossu mbarazzat mhux ħażin, is-Salvatur jaf qallu xi ħaġa hekk: “Ara Pietru, tibżax u tinkwetax. Jekk inti tara lilek innifsek kif narak jiena, id-dubju tiegħek jgħib u l-fidi tiegħek tikber. Inħobbok, għażiż Pietru; inti ħriġt minn ġod-dgħajsa. L-offerta tiegħek ġiet aċċettata, u minkejja li inti ċedejt, jien se nkun dejjem hemm biex nerfgħek ’il fuq mill-qiegħ fond, u l-offerta tiegħek issir waħda perfetta.”

Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf għallem:

“Nemmen li s-Salvatur Ġesù Kristu jridkom taraw, tħossu, u tagħrfu li Huwa l-qawwa tagħkom. Li bl-għajnuna tiegħu, m’hemmx limitu sa fejn tistgħu taslu. Li l-potenzjal tagħkom hu bla limitu. Hu jridkom tħarsu lejkom infuskom kif jarakom Hu. U dan hu differenti ħafna minn kif tħares lejkom id-dinja. …

“Huwa jagħti l-qawwa lil min hu għajjien; u lil dawk li jħossuhom bla qawwa, lilhom isaħħaħ.”6

Jeħtieġ li niftakru li hi x’inhi l-aqwa offerta tagħna minkejja li mhux perfetta, is-Salvatur jista’ jagħmilha perfetta. Irrispettivament kemm jidhru insinifikanti l-isforzi tagħna, m’għandna qatt nissottovalutaw il-qawwa tas-Salvatur. Kelma sempliċi ta’ tjubija, żjara qasira iżda sinċiera tal-ministeru, jew lezzjoni tal-Primarja mgħallma b’imħabba jistgħu, bl-għajnuna tas-Salvatur, jipprovdulna l-faraġ, irattbu l-qlub, u jibdlu l-ħajja ta’ dejjem. L-isforzi xejn raffinati tagħna jistgħu jwasslu għall-mirakli, u fil-proċess, aħna nistgħu nipparteċipaw fi ħsad perfett.

Ħafna drabi, aħna nispiċċaw f’sitwazzjonijiet li jwassluna biex nittestjaw il-limitu tagħna. Aħna nafu nħossu li m’aħniex kapaċi biżżejjed. Nafu nħarsu lejn dawk li magħhom inservu u nħossu li qatt ma nistgħu nkunu tajbin daqshom. Ħuti, jekk tħossukom hekk, ħarsu lejn l-irġiel u n-nisa straordinarji ta’ warajja li magħhom jiena nservi.

Jiena nħoss l-uġigħ li qed tħossu.

Jien tgħallimt, madankollu, li l-istess kif il-perfezzjoniżmu mhuwiex l-istess ħaġa bħal li wieħed jiġi pperfezzjonat fi Kristu, li nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor mhux l-istess bħalli nimitaw lil ħaddieħor. Meta aħna nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor, jista’ jkun hemm biss żewġ riżultati. Jew se nħarsu lejna nfusna li aħna aħjar minn ħaddieħor u nibdew niġġudikawhom u nikkritikawhom, jew nibdew naraw lilna nfusna li aħna anqas minn ħaddieħor u nsiru anzjużi, kritiċi tagħna nfusna, u naqtgħu qalbna. Li nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor rari tkun xi ħaġa produttiva, żgur mhux se nħossuna edifikati u xi kultant nafu naqgħu f’dipressjoni. Fil-fatt, meta noqogħdu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor jaf iwassal għall-qerda spiritwali tagħna, u jżommna milli nirċievu l-għajnuna spiritwali li neħtieġu. Mill-banda l-oħra, li nimitaw lil dawk li nirrispettaw li juru kwalitajiet Kristjani taf tkun xi ħaġa li tgħallimna u televana, u taf tgħinna nsiru dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu.

Is-Salvatur tana mudell biex nimxu fuqu kif Huwa imita lill-Missier. Huwa qal lid-dixxipli tiegħu Filippu: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, Urina l-Missier?”7

Imbagħad Huwa għallem, “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien.”8

Irrispettivament kemm jidhru insinifikanti l-isforzi tagħna, jekk aħna nkunu sinċiera, is-Salvatur jużana biex inwettqu l-ħidma tiegħu. Jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna u nafdawh li huwa se jagħmel tajjeb għad-differenza, aħna nistgħu nsiru parti mill-mirakli li jinsab madwarna.

Il-Presbiteru Dale G. Renlund qal, “M’hemmx għalfejn tkun perfett, iżda aħna għandna bżonnok, għaliex kull min għandu r-rieda jista’ jagħmel xi ħaġa.”9

U l-President Nelson jgħallimna, “Il-Mulej iħobb jara l-isforzi li nagħmlu.”10

Is-Salvatur jinsab lest li jaċċetta l-offerti umli tagħna u jipperfezzjonahom permezz tal-grazzja tiegħu. Ma’ Kristu, m’hemm l-ebda ħsad imperfett. Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ li nemmnu li l-grazzja tiegħu tinsab hemm għalina—li Hu lest li jgħinna, isalvana mill-qiegħ meta naqgħu, u jipperfezzjona l-isforzi mhux daqstant perfetti tagħna.

Fil-parabbola tal-bidwi li jiżra’, is-Salvatur jiddeskrivi ż-żerriegħa li ġie miżrugħa fuq art tajba. Xi wħud ipproduċew mija, xi wħud sittin, u oħrajn tletin. Ilkoll huma parti minn ħsad perfett.11

Il-profeta Moroni jistedinna lkoll, “Iva, ersqu lejn Kristu, u pperfezzjonaw ruħkom fih, … u jekk tiċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen, u tħobbu lil Alla bil-qawwa tagħkom kollha, b’moħħkom kollu u b’saħħitkom kollha, imbagħad il-grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom, ħalli permezz tal-grazzja tiegħu tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.”12

Ħuti, jiena nixhed dwar Kristu, li għandu l-qawwa li jipperfezzjona anke l-aktar offerta umli tagħna. Ejjew nagħmlu l-almu tagħna, inġibu dak li nistgħu, u b’fidi, inpoġġu l-offerta imperfetta tagħna f’riġlejh. F’isem Dak li huwa l-Imgħallem tal-ħsad perfett, l-istess Ġesù Kristu, ammen.