Il-Mulej Ġesù Kristu Jgħallimna biex Nimministraw
Bl-għajnuna tas-Salvatur tagħna, aħna nistgħu nħobbu lin-nagħaġ prezzjużi tiegħu u nimministrawlhom kif jagħmel Hu.
Il-Mulej Ġesù Kristu qal:
“Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. …
“Bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.”1
Fil-verżjoni Griega ta’ din l-iskrittura, il-kelma għal tajjeb tfisser ukoll “sabiħ, manjifiku.” Għalhekk illum, nixtieq nitkellem dwar ir-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ, ir-Ragħaj il-Manjifiku, sewwasew Ġesù Kristu.
Fit-Testment il-Ġdid, Huwa jissejjaħ “ir-ragħaj il-kbir,”2 ir-ragħaj ewlieni,”3 u “ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħna.”4
Fit-Testment il-Qadim, Isaija kiteb li “Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu, bi driegħu jiġmagħha.”5
Fil-Ktieb ta’ Mormon, Huwa jissejjaħ “ir-ragħaj it-tajjeb”6 u “l-kbir u l-veru ragħaj.”7
Fid-Duttrina u Patti, Huwa jiddikjara, “Għalhekk, jiena ninsab f’nofskom, u jiena r-ragħaj it-tajjeb.”8
Fi żmienna, il-President Russell M. Nelson iddikjara: “Ir-Ragħaj it-Tajjeb b’imħabba jieħdu ħsieb lin-nagħaġ kollha tal-merħla tiegħu, u aħna l-vera rgħajja qaddejja tiegħu. Il-privileġġ tagħna hu li nġorru mħabbtu u magħha nżidu mħabbitna għal sħabna u għal għajrna—inmantnuhom, nieħdu ħsiebhom, u nindukrawhom—kif iridna nagħmlu s-Salvatur.”9
M’ilux, il-President Nelson qal: “Karatteristika ewlenija tal-Knisja vera u ħajja tal-Mulej dejjem se tkun l-isforz organizzat u dirett tagħna li nimministraw lill-ulied individwali ta’ Alla u lill-familji tagħhom. Peress li din hija l-Knisja tiegħu, aħna bħala l-qaddejja tiegħu se nimministraw persuna persuna, kif għamel Hu. Aħna nimministraw f’ismu, bil-qawwa u l-awtorità tiegħu, u bit-tjubija kollha mħabba tiegħu.”10
Meta l-Fariżej u l-kittieba bdew igemgmu kontra l-Mulej, “jgħidu, Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom,”11 Huwa wieġeb billi ppreżentalhom tliet stejjer sbieħ li nafuhom bħala l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, il-parabbola tal-munita l-mitlufa, u l-parabbola tal-iben il-ħali.
Interessanti ninnotaw li meta Luqa, il-kittieb tal-Evanġelju jintroduċi t-tliet stejjer, huwa juża l-kelma parabbola fis-singular, mhux fil-plural.12 Jidher li l-Mulej qiegħed jgħallem lezzjoni unika permezz ta’ dawn it-tliet stejjer—stejjer li jirrappreżentaw numri differenti: 100 nagħġa, 10 muniti, u 2 ulied subien.
In-numru ewlieni f’kull waħda minn dawn l-istejjer, madankollu, huwa n-numru wieħed. U lezzjoni li nistgħu nieħdu minn dak in-numru hu li intom tafu intom rgħajja qaddejja għal 100 presbiteru u presbiteri prospettivi fil-kworum tagħkom, jew għalliem għal 2 itfal tal-Primarja, iżda intom dejjem, dejjem timministraw lilhom, tieħdu ħsiebhom, u tħobbuhom wieħed wieħed, individwalment. Intom qatt ma tgħidu, “Vera nagħġa bla sens,” jew “Wara kollox, jien m’għandix bżonn dik il-munita, “ jew “kemm hu iben ribelluż.” Jekk jien u intom għandna magħna “l-imħabba safja ta’ Kristu,”13 aħna, bħar-raġel fl-istorja tan-nagħġa l-mitlufa, “inħallu d-disgħa u disgħin … u mmorru wara l-mitlufa [… sa … ma] nsibuha.”14 Jew bħall-mara fl-istorja tal-munita l-mitlufa, “nixgħelu l-musbieħ u nikinsu d-dar, u nibqgħu nfittxu bil-għaqal [… sa … ma] nsibuha.”15 Jekk magħna jkollna “l-imħabba safja ta’ Kristu,” aħna nimxu wara l-eżempju tal-missier fl-istorja tal-iben il-ħali, li meta l-iben “kien għadu fil-bogħod, … hu lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.”16
Nistgħu nħossu l-urġenza li kien hemm f’qalb ir-raġel li tilef nagħġa waħda biss? Jew l-urġenza f’qalb il-mara li tilfet munita waħda biss? Jew l-imħabba u l-kompassjoni ineffabbli f’qalb missier l-iben il-ħali?
Jien u marti Isabel servejna fl-Amerika Ċentrali, fejn konna stazzjonati fil-Belt tal-Gwatemala. Hemmhekk kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ Julia, membru fidila tal-Knisja. Jien ħassejt li kelli nistaqsiha dwar il-familja tagħha. Ommha mietet bil-kanċer fl-2011. Missierha kien mexxej mill-aktar fidil fil-qasam tiegħu, fejn serva bħala isqof u kunsillier għall-president tal-wited għal diversi snin. Hu kien ragħaj qaddej leali lejn il-Mulej. Julia qaltli dwar l-isforzi kontinwi tiegħu biex iżur, jimministra, u jservi. Huwa verament kien jithenna fil-manteniment u l-ħarsien tan-nagħaġ prezzjużi tal-Mulej. Huwa reġa’ żżewweġ u baqa’ attiv fil-Knisja.
Ftit tas-snin wara, huwa għadda minn divorzju u issa kellu għal darb’oħra jattendi l-knisja waħdu. Huwa ħassu qisu ħuta barra mill-ilma u ħass ukoll li xi nies bdew jeħduha kontrih minħabba d-divorzju. Huwa ma kompliex jattendi l-knisja hekk kif qalbu nħakmet minn spirtu negattiv.
Julia kellha verament kliem ta’ tifħir xi tgħid dwar dan ir-ragħaj qaddej mill-aktar meraviljuż, li kien bniedem qalbieni, kollu mħabba u kompassjoni. Niftakar li ħassejt fija sentiment ta’ urġenza waqt li bdiet tiddeskrivih. Ridt nagħmel xi ħaġa għal dak ir-raġel, raġel li kien għamel tant għal daqstant nies tul is-snin.
Hija tagħtni n-numru tal-mowbajl tiegħu u jiena bdejt nipprova nċempillu, bit-tama li jkolli ċ-ċans li niltaqa’ miegħu personalment. Wara diversi ġimgħat u wara għadd kbir ta’ telefonati mingħajr suċċess, darba waħda wieġeb il-mowbajl.
Jien għidtlu li kont iltqajt ma’ bintu Julia, u li kont inħossni mmeraviljat bil-mod kif huwa serva, imministra, u ħabb lin-nagħaġ prezzjużi tal-Mulej għal dawk is-snin kollha. Huwa ma kienx qed jistenna kumment bħal dak. Jien għidtlu li verament ridt niltaqa’ miegħu wiċċ imb wiċċ. Hu ried ikun jaf ir-raġuni għalfejn xtaqt niltaqa’ miegħu. Jien weġibt, “Jien verament nixtieq niltaqa’ ma’ missier mara daqshekk meraviljuża.” Imbagħad għal ftit sekondi kien hemm silenzju perfett fuq it-telefon—ftit sekondi li għalija dehru qishom l-eternità. Huwa qalli biss, “Meta u fejn?”
Il-jum li fih iltqajt miegħu, jiena stedintu biex jaqsam miegħi xi wħud mill-esperjenzi li hu kellu jżur, jimministra, u jservi lin-nagħaġ prezzjuż tal-Mulej. Hekk kif beda jitkellem dwar xi stejjer mill-aktar kommoventi, innotajt li t-ton ta’ leħnu nbidel u l-istess spirtu li huwa ħass tant drabi qabel bħala ragħaj qaddej reġa’ lura. Issa għajnejh imtlew bid-dmugħ. Jien kont naf li dan kien il-mument opportun għalija, iżda sibt li ma kontx naf x’se naqbad ngħid. Jiena għidt talba ġo moħħi, “Missier, għinni.”
F’daqqa waħda, jiena għidt, “Brother Florian, bħala qaddej tal-Mulej niskuża ruħi li ma konniex hemm għalik. Jekk jogħġbok, aħfrilna. Agħtina ċans ieħor biex nuruk li nħobbuk. Li għandna bżonnok. Li int importanti għalina.”
Il-Ħadd ta’ wara huwa reġa’ lura. Huwa kellu konverżazzjoni twila mal-isqof tiegħu u baqa’ attiv. Huwa miet ftit xhur wara—iżda kien reġa’ lura. Huwa kien ġie lura. Jiena nixhed li bl-għajnuna tas-Salvatur tagħna, aħna nistgħu nħobbu lin-nagħaġ prezzjużi tiegħu u nimministrawlhom kif jagħmel Hu. U għalhekk, hemmhekk fil-Belt tal-Gwatemala l-Mulej Ġesù Kristu ġab lura fil-merħla tiegħu nagħġa oħra prezzjuża. U Hu għallimni lezzjoni dwar il-ministeru li ma nistax ninsa. F’isem ir-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ, ir-Ragħaj il-Manjifiku, sewwasew il-Mulej Ġesù Kristu, ammen.