Ftakru X’Inhu l-Iktar Importanti
Dak li hu l-iktar importanti huwa r-relazzjonijiet tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Maħbub, u mal-familja tagħna, u ma’ għajrna, u li nħallu lill-Ispirtu jiggwidana.
Hekk kif niftakru fi tmien din il-ġimgħa fid-dħul trijonfali tas-Salvatur f’Ġerusalemm ftit qabel is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, jien niftakar fi kliemu ta’ tama u faraġ: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”1
Jiena nħobbu. Jiena nemmen fih. Jien nagħti xhieda li Hu l-Qawmien u l-Ħajja.
Din it-testimonjanza farrġitni u qawwietni matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs minn meta marti, Barbara, ħallietna. Inħoss ħafna n-nuqqas tagħha.
Ta’ sikwit irriflettejt dwar iż-żwieġ etern tagħna u l-ħajja tagħna flimkien.
Diġà qsamt magħkom kif jien iltqajt l-ewwel darba ma’ Barbara u kif dik l-esperjenza għenitni nuża l-ħila ta’ “segwitu” li tgħallimt fil-missjoni tiegħi. Kelli nagħmel segwitu bla telf ta’ żmien fil-każ tagħha għaliex kienet sabiħa, populari, u kellha kalendarju soċjali attiv ħafna. Mill-ewwel ħadt grazzja magħha għaliex kienet avviċinabbli u mill-aħjar. Jien ammirajt it-tjubija tagħha. Ħassejt li hi u jien konna nappartjenu lil xulxin. Kienet tidher ħaġa daqstant sempliċi f’moħħi.
Barbara u jien bdejna noħorġu flimkien, u r-relazzjoni bdiet tikber, iżda hi kienet inċerta li ż-żwieġ tagħha miegħi kien tajjeb għaliha.
Ma kienx biżżejjed li nkun naf jien biss; Barbara riedet tkun taf hi wkoll. Jien kont naf li kieku kellna nqattgħu żmien insumu u nitolbu dwar din is-sitwazzjoni, Barbara setgħet tirċievi konferma mis-smewwiet.
Qattajna tmiem il-ġimgħa bla ma niltaqgħu sabiex inkunu nistgħu nsumu u nitolbu individwalment sabiex insiru nafu għalina nfusna. B’xorti tajba għalija, hija rċeviet l-istess konferma li kelli jien. Il-bqija, kif jgħidu, hija storja.
Meta Barbara ħallietna, uliedna poġġew fuq il-lapida tal-qabar bosta lezzjonijiet li Barbara ridithom jiftakru. Waħda minn dawk il-lezzjonijiet hi “dak li hu l-iktar importanti huwa dak li jdum l-iżjed.”
Illum se naqsam minn qalbi magħkom ftit sentimenti u ħsibijiet fuq dak li hu l-iktar importanti.
L-ewwel, relazzjoni ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu, hija l-iktar importanti. Din ir-relazzjoni hija l-iktar importanti issa u fl-eternità.
It-tieni, relazzjonijiet tal-familja huma fost dawk l-affarjiet li huma l-iktar importanti.
Matul il-ministeru tiegħi, jien żort ħafna individwi u familji milqutin minn diżastri kbar naturali. Ħafna kienu spostati, bil-ġuħ, u mbeżża’. Kienu jeħtieġu assistenza medika, ikel, u kenn.
Kienu jeħtieġu lill-familji tagħhom ukoll.
Nifhem li wħud jistgħu ma jkollhomx il-barkiet ta’ familja stretta, u għalhekk bħala “familja” ninkludi familji estiżi, ħbieb, u anki familji tal-qasam. Dawn ir-relazzjonijiet huma essenzjali għas-saħħa emozzjonali u fiżika.
Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu wkoll joffru mħabba, hena, kuntentizza, u sens ta’ appartenenza.
Li nrawmu dawn ir-relazzjonijiet importanti hija għażla. L-għażla li tkun parti minn familja titlob impenn, imħabba, sabar, komunikazzjoni, u maħfra.2 Jaf ikun hemm drabi meta ma naqblux ma’ xi persuna oħra, imma nistgħu nagħmlu dan bla ma nkunu antipatiċi. Fin-namur u ż-żwieġ, ma nsirux inħobbu lil dak li jkun jew ma nibqgħux inħobbu lil dak li jkun bħallikieku aħna biċċiet li qed jitmexxew fuq bord taċ-ċess. Aħna nagħżlu li nħobbu u nsostnu lil xulxin. Aħna nagħmlu l-istess f’relazzjonijiet oħrajn tal-familja jew ma’ ħbieb li nqisuhom tal-familja.
Il-proklamazzjoni tal-familja tiddikjara li “il-pjan divin tal-ferħ jippermetti li r-relazzjonijiet fil-familja jibqgħu jeżistu lil hinn mill-qabar. L-ordinanzi u l-patti sagri tat-tempji mqaddsa jagħmluha possibbli li l-individwi jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u li l-familji jibqgħu magħqudin għall-eternità.”3
Ħaġa oħra li hija tal-ikbar importanza hija li nimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu fl-iktar relazzjonijiet importanti tagħna u fl-isforzi tagħna li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna, inkluż fil-ministeri privati u pubbliċi tagħna. Jien tgħallimt din il-lezzjoni kmieni f’ħajti, meta kont qed inservi bħala isqof.
Darba tard filgħaxija, f’lejla xitwija u kiesħa u bil-borra nieżla, jien u ħiereġ mill-uffiċju tiegħi bħala isqof ħassejt impressjoni qawwija li kelli nżur armla anzjana fil-qasam. Ħarist lejn l-arloġġ—kienu l-10 ta’ billejl. Ħassejt li kien tard wisq biex nagħmel dik iż-żjara. U kienet anki nieżla l-borra. Iddeċidejt li nżur lil din l-oħt għażiża l-ewwel ħaġa l-għada filgħodu minflok immur niddisturbaha daqshekk tard. Soqt lejn id-dar u mort norqod, imma f’lejl sħiħ ma għalaqtx għajn m’għajn għax l-Ispirtu ma ħallinix kwiet.
L-għada filgħodu kmieni, soqt dritt lejn id-dar tal-armla. Bintha fetħitli l-bieb u bid-dmugħ f’għajnejha qaltli, “Jaħasra, Isqof, grazzi li ġejt. Ommi mietet sagħtejn ilu.”—ħassejtni nitkisser. Qatt ma nista’ ninsa x’ħassejt f’qalbi. Bkejt. Jekk kien hemm persuna li kien jistħoqqilha l-isqof tagħha jżommilha idha, ifarraġha, u forsi jagħtiha l-aħħar barka kienet din l-armla għażiża. Kont tlift dik l-opportunità għaliex irraġunajt kontra s-suġġeriment qawwi mill-Ispirtu.4
Ħuti, żgħażagħ, u tfal tal-Primarja, jiena nixhed li, li mimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu, hija waħda mill-iktar affarjiet importanti fir-relazzjonijiet kollha tagħna.
Fl-aħħarnett, f’dan il-weekend ta’ Ħadd il-Palm, jien nixhed li, li nkunu kkonvertiti lejn il-Mulej, li nagħtu xhieda tiegħu, u li nservuh huma fost l-aktar affarjiet importanti.
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija s-sisien tat-testimonjanzi tagħna. Testimonjanza hija xhieda jew konferma tal-verità eterna magħġuna fil-qlub u rwieħ individwali permezz tal-Ispirtu s-Santu. Testimonjanza ta’ Ġesù Kristu, imwielda u mqawwija permezz tal-Ispirtu, tbiddel il-ħajja—tbiddel il-mod ta’ kif naħsbu u kif ngħixu. Testimonjanza ddawwarna lejn Missierna fis-Smewwiet u l-Iben divin tiegħu.
Alma għallem:
“Araw, jiena nixhed magħkom li jien naf li dawn il-ħwejjeġ li tkellimt dwarhom huma vera. U kif taħsbu li jiena naf dan b’ċertezza?
“Araw, ngħidilkom li ġew żvelati lili permezz tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Araw, jiena somt u tlabt bosta jiem sabiex inkun naf dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi. U issa jiena naf għalija nnifsi li huma vera; għaliex il-Mulej Alla wrieni dan permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu.”5
Li jkollok testimonjanza biss mhux biżżejjed. Hekk kif il-konverżjoni tagħna lejn Ġesù Kristu tikber, aħna b’mod naturali rridu li nagħtu xhieda tiegħu—tat-tjubija, l-imħabba, u l-ġentilezza tiegħu.
Ta’ spiss fil-laqgħat ta’ testimonjanzi tagħna nhar Ħadd is-sawm, aħna nisimgħu l-frażijiet “Ninsab grat” u “Inħobb” iktar milli nisimgħu l-frażijiet “Jiena naf” u “Jiena nemmen.”
Nistedinkom biex tfittxu opportunitajiet biex taqsmu t-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu iktar ta’ spiss. Agħtu xhieda ta’ dak li tafu u temmnu u dak li tħossu, u mhux biss dak li intom grati għalih. Agħtu xhieda tal-esperjenza tagħkom ta’ kif sirtu tafu lis-Salvatur u sirtu tħobbuh, ta’ kif tgħixu t-tagħlim tiegħu, u tal-qawwa feddejja u abilitanti tiegħu f’ħajjitna. Hekk kif tagħtu xhieda ta’ dak li tafu, temmnu, u tħossu, l-Ispirtu s-Santu jikkonferma l-verità lil dawk li jisimgħu b’ħerqa t-testimonjanza tagħkom. Huma ħa jagħmlu hekk għaliex rawkom issiru dixxipli ta’ Ġesù Kristu li taħdmu għall-paċi. Huma ħa jaraw xi tfisser li tkun dixxiplu tiegħu. Huma se jħossu wkoll xi ħaġa li forsi qatt ma ħassew qabel. Testimonjanza pura tiġi minn qalb mibdula u tista’ titwassal bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-qalb ta’ oħrajn li lesti biex jirċevuha.
Dawk li jħossu xi ħaġa bħala riżultat tat-testimonjanza tagħkom jistgħu mbagħad jistaqsu lill-Mulej fit-talb biex jikkonfermaw il-verità tat-testimonjanza tagħkom. Imbagħad jistgħu jsiru jafu għalihom infushom.
Ħuti, jiena nagħti xhieda u jiena xhud li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja. Huwa jgħix. Huwa l-Iben ta’ Alla mqajjem mill-mewt, u din hija l-Knisja tiegħu, immexxija mill-profeta u l-appostli tiegħu. Jien nitlob li meta xi darba ngħaddi għad-dinja li jmiss, jien nkun nista’ nagħmel dan bix-xhieda tiegħi tiddi b’qawwa.
Fil-ministeru tiegħi, jien tgħallimt li dak li hu l-iktar importanti huwa r-relazzjonijiet tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Maħbub, u mal-familja tagħna, u ma’ għajrna, u li nħallu lill-Ispirtu tal-Mulej jiggwidana f’dawk ir-relazzjonijiet sabiex aħna nkunu nistgħu nagħtu xhieda tal-affarjiet li l-iktar huma importanti u dejjiema. F’isem Ġesù Kristu, ammen.