Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu Hu Solliev
konferenza ġenerali April 2023


Ġesù Kristu Hu Solliev

Aħna nistgħu nkunu sħab mas-Salvatur biex nipprovdu s-solliev temporali u spiritwali lil dawk fil-bżonn—u waqt li nagħmlu dan insibu s-solliev tagħna stess.

B’fidi f’Ġesù Kristu u b’tama minħabba dak li kienu semgħu dwar il-mirakli tiegħu, dawk li kienu qed jieħdu ħsieb raġel mifluġ ħaduh fejn kien hemm Ġesù. Il-mod kif ħaduh quddiemu kien wieħed innovattiv—huma neħħew is-saqaf u niżżlu lir-raġel, li kien fuq soddtu, fil-post fejn kien hemm Ġesù jgħallem. Met Ġesù “ra l-fidi tagħhom, hu qal [lir-raġel mifluġ], dnubietek maħfura.”1 U mbagħad qalli, “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.”2 U dlonk ir-raġel mifluġ qam u qabad friexu u telaq lejn id-dar, “ifaħħar lil Alla.”3

X’nafu aktar dwar dawk il-ħbieb li pprovdew l-għajnuna lir-raġel mifluġ? Nafu li s-Salvatur għaraf il-fidi tagħhom . U huma li raw u semgħu lis-Salvatur u kienu xhieda tal-mirakli tiegħu, huma “stagħġbu” u “faħħru lil Alla.”4

Ġesù Kristu pprovda l-fejqan mixtieq— solliev fiżiku mill-uġigħ u l-konsegwenzi debilitanti tal-mard kroniku. Sinifikanti l-fatt li s-Salvatur pprovda wkoll solliev spiritwali fejn naddaf lir-raġel mid-dnub.

U l-ħbieb—fl-isforzi tagħhom biex jieħdu ħsieb ta’ xi ħadd fil-bżonn, sabu s-sors ta’ solliev; huma sabu lil Ġesù Kristu.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa solliev. Permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu ninħelsu mit-toqol u l-konsegwenzi tad-dnub u niksbu s-serħan fit-tbatia tagħna.

U għax inħobbu lil Alla, u għamilna patt li se nservuh, aħna nistgħu nkunu sħab mas-Salvatur biex nipprovdu s-solliev temporali u spiritwali lil dawk fil-bżonn—u waqt li nagħmlu dan insibu s-solliev tagħna stess ‘Ġesù Kristu.5

Il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, jistedinna biex negħlbu d-dinja u nsibu l-mistrieħ.6 It-tifsira li hu jagħi lil “mistrieħ veru” hi “solliev u paċi.” Il-President Nelson qal: “Peress li s-Salvatur, permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, feda lil kull wieħed u waħda minna mid-dgħufija, mill-iżbalji, u mid-dnub, u peress li Huwa esperjenza kull uġigħ, inkwiet, u tagħbija li intom qatt esperjenzajtu, mela, hekk kif intom verament tindmu u tfittxu l-għajnuna tiegħu, intom tkunu tistgħu tegħlbu din id-dinja prekarja ta’ żmienna.”7 Dan hu s-solliev li joffrilna Ġesù Kristu!

Kull wieħed u waħda minna qed iġorr basket wara daharna metaforikament. Dan jaf ikun basket li tibbilanċjah fuq rasek jew xi barżakka jew numru ta’ affarijiet imgeżżwrin fid-drapp li ġġorrhom fuq splejk. Iżda għall-eżempju tagħna, ejja nsejħuħ basket ta’ wara daharna.

Dan il-basket metaforiku ta’ wara daharna hu fejn aħna nġorru t-tagħbija tal-ħajja f’dinja mitlufa. It-tagħbija tagħna hija bħal ġebel fil-basket ta’ wara daharna. Ġeneralment, hemm tliet tipi:

  • Ġebel li jinsab hemm minħabba d-dnub li wettaqna.

  • Ġebel li jinsab fil-basket ta’ wara daharna minħabba deċiżjonijiet żbaljati, imġieba ħażina, u kattiverja ta’ ħaddieħor.

  • U ġebel li nġorru għax qed ngħixu f’kundizzjoni mhux perfetta. Dan jinkludi l-ġebel tal-mard, tal-uġigħ, tal-mard kroniku, tan-niket, tad-diżappunt, tas-solitudni, u tal-effett tad-diżastri naturali.

Jiena b’ferħ niddikjara li t-tagħbija mortali tagħna, dan il-ġebel fil-basket figurattiv ta’ wara daharna, m’hemmx għalfejn inħossuh tqil.

Ġesù Kristu jista’ jħaffef it-tagħbija tagħna.

Ġesù Kristu jista’ jeħlisna mit-toqol tagħna.

Ġesù Kristu jipprovdilna mod kif neħilsu mit-toqol tad-dnub.

Ġesù Kristu huwa s-solliev tagħna.

Huwa qal:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom [jiġifieri, solliev u paċi].

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”8

Li l-madmad huwa ħelu u t-toqol hu ħafif jurina li aħna nġorru l-madmad mas-Salvatur, li aħna naqsmu t-toqol tagħna miegħu, fejn inħalluh jeħlisna mit-tagħbija tagħna. Dan ifisser li nidħlu f’relazzjoni tal-patt ma’ Alla u nżommu dak il-patt, li, kif spjega l-President Nelson “dak kollu relatat mal-ħajja isir aktar faċli.” Huwa qal, “Iżda li tintrabtu mas-Salvatur ifisser li jkollkom aċċess għall-qawwa feddejja tiegħu .”9

Għalhekk għalfejn aħna rridu nibqgħu nżommu fil-basket il-ġebel kollu li għandna? Għalfejn pitcher tal-baseball li jħossu għajjien jirrifjuta li jitlaq minn postu meta r-reliever diġà jinsab hemm biex jagħlaq il-logħba? Għalfejn nibqa’ ninsisti li nibqa’ nġorr kollox jien meta Dak li ġie biex jeħlisni mit-tagħbija lest li jeħodhieli hu?

Il-President Nelson għallem, “Ġesù Kristu … jinsab wieqaf b’dirgħajh miftuħa, fejn qed jittama u jinsab lest biex ifejjaqna, jaħfrilna, inaddafna, isaħħaħna, isaffina u jqaddisna.”10

Għalhekk għalfejn nibqgħu ninsistu li nġorru l-ġebel kollu weħidna?

Din hi intenzjonata bħala mistoqsija personali, biex ilkoll tikkunsidraw.

Ngħid għalija, huwa l-vizzju mill-aktar antik tal-kburija. “Naf x’għandi nagħmel,” jiena ngħid. “Mhux problema; issa nagħmilha.” Huwa l-qarrieq il-kbir li jridni ninħeba minn Alla, li nagħtih dahari, li nagħmel kollox waħdi.

Ħuti, ma nistax nagħmel kollox waħdi, u m’għandix għalfejn, u mhux se nagħmel dan. Għax għażilt li nintrabat mas-Salvatur, Ġesù Kristu, permezz tal-patti li għamilt ma’ Alla, jiena “għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.”11

Dawk li jżommu l-patti huma mberkin bis-solliev tas-Salvatur.

Ikkunsidraw dan l-eżempju mill-Ktieb ta’ Mormon: In-nies ta’ Alma kienu ppersegwitati billi ġew “mgħobbija bix-xogħol, u … tpoġġew fuqhom l-argużini.”12 Peress li ġew imċaħħdin li jitolbu vokalment, huma “fetħu qalbhom ma’ Alla; u hu kien jaf x’kienu l-ħsibijiet ta’ qalbhom.”13

U “semgħu leħen il-Mulej qalb is-sofferenza tagħhom, jgħid: Għollu raskom ’il fuq u ntlew bil-faraġ, għaliex jiena naf bil- patt li intom għamiltu miegħi; u jiena nagħmel patt mal-poplu tiegħi u neħilsu mill-jasar.

“U jiena nħeffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom.”14

U t-tagħbija tagħhom “saret aktar ħafifa,” u “l-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssommettew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”15

Dawk li jżommu l-patt jirċievu s-solliev li jasal forma ta’ faraġ, aktar sabar u kuntentizza, serħan mit-tagħbija tagħhom biex iħossuhom eħfef, u ultimament ħelsien.16

Issa ejjew mmorru lura għall-basket metaforiku ta’ wara daharna.

L-indiema, permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, hija dik li teħlisna mit-toqol tal-ġebel tad-dnub. U permezz ta’ dan ir-rigal skwiżit, il-ħniena ta’ Alla teħlisna mit-talbiet tal-ġustizzja diffiċli li jafu jkunu tqal wisq għalina.17

L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tagħmilha possibbli wkoll li aħna nirċievu l-qawwa li naħfru, fejn tagħtina ċ-ċans li neħilsu mit-tagħbija li nkunu qed inġorru minħabba t-trattament ħażin ta’ ħaddieħor.18

Għalhekk is-Salvatur kif jeħilsna mit-tagħbija tal-ħajja f’dinja mitlufa bl-iġsma mortali suġġett għan-niket u l-uġigħ?

Ħafna drabi, Huwa jwettaq dak it-tip ta’ solliev permezz tagħna! Bħala membri tal-patt tal-Knisja tiegħu, aħna nwiegħdu li sejrin “nibku ma’ dawk li jibku” u “nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.”19 Peress li aħna “nsiru parti mill-merħla ta’ Alla” u “nissejħu l-poplu tiegħu,” aħna “lesti li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, biex tkun ħafifa.”20

Il-barka pattwali tagħna hi li nkunu sħab ma’ Ġesù Kristu f’li nipprovdu s-solliev, kemm temporali kif ukoll spiritwali, lill-ulied kollha ta’ Alla. Aħna kondjuwit li permezz tiegħu Huwa jipprovdi s-solliev.21

U għalhekk, bħall-ħbieb tar-raġel mifluġ, aħna “ngħinu lil min hu dgħajjef, inqawwu l-idejn mitruħa u nsaħħu l-irkupptejn imriegħda.”22 Aħna “nerfgħu … t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk inkunu qegħdin inħarsu l-liġi ta’ Kristu.”23 Hekk kif nagħmlu dan, insiru nafuh, insiru nixbhuh, u nsibu s-solliev tiegħu.24

X’inhu s-solliev?

Huwa t-tneħħija jew in-nuqqas ta’ xi ħaġa li qed tikkawżalna l-uġigħ, tinkwetana, jew ittaqqalna, jew li jkollna s-saħħa li nġorruha. Jirreferi għal xi ħadd li jieħu post persuna oħra. Huwa r-rimedju legali ta’ xi ħaġa ħażina.25 Il-kelma Anglo-Franċiża ġejja mill-Franċiż antik, il-kelma relever, jew “li tqajjem,” u mil-Latin relevare, jew “tqajjem mill-ġdid.”26

Ħuti, Ġesù Kristu huwa solliev. Nixhed li Hu reġa’ qam fit-tielet jum u, wara li ġab fis-seħħ l-Espjazzjoni infinita u kollha mħabba, jinsab wieqaf b’dirgħajh miftuħa, fejn qed joffrilna l-opportunità li nerġgħu nqumu, niksbu s-salvazzjoni, u niġu eżaltati u nsiru bħalu. Is-solliev li Hu joffrilna huwa għal dejjem.

Bħall-mara li deherilha l-anġlu f’dik l-ewwel għodwa tal-Għid, nixtieq li “mmur malajr” u “kollni hena” biex inwassal l-aħbar li Huwa qam.27 F’isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Luqa 5:20.

  2. Mark 2:11.

  3. Luqa 5:25.

  4. Luqa 5:26.

  5. Ara D. Todd Christofferson, “The First Commandment First” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 22 ta’ Mar. 2022), 2, speeches.byu.edu: “Imħabbitna lejn Alla televa l-abbiltà tagħna li nħobbu lil ħaddieħor b’aktar mod sħiħ u perfett għax aħna fil-verità sħab ma’ Alla fil-ħarsien ta’ wliedu” (enfażi miżjuda).

  6. See Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 95–98.

  7. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” 96.

  8. Mattew 11:28–30.

  9. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” 97.

  10. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67.

  11. Filippin 4:13.

  12. Mosija 24:9.

  13. Mosija 24:12.

  14. Mosija 24:13–14; enfażi miżjuda.

  15. Mosija 24:15.

  16. Ara Mosija 24:13–14.

  17. Ara Alma 34:14–16; ara wkoll Mosija 15:8–9.

  18. Ara Russell M. Nelson, “Four Gifts That Jesus Christ Offers to You” (First Presidency Christmas devotional, 2 ta’ Diċ., 2018), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org: “It-tieni don li joffrilna s-Salvatur hu l-abbiltà li naħfru. Permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, intom tistgħu taħfru lil dawk li weġġgħukom u li jafu qatt ma huma se jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-mod krudili kif jittrattawkom.

    “Normalment mhux diffiċli taħfer lil xi ħadd li b’mod sinċier u li b’umiltà jfittex il-maħfra. Iżda s-Salvatur jagħtikom l-abbiltà li taħfru lil kull persuna li b’xi mod imxiet magħkom ħażin. Imbagħad l-għemejjel tagħhom li weġġgħukom ma jibqgħux aktar jittormentaw ruħkom.”

  19. Mosija 18:9.

  20. Mosija 18:8.

  21. Is-Soċjetà tas-Solliev, l-organizzazzjoni tan-nisa tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, ġiet organizzata mill-Profeta Joseph Smith fis-17 ta’ Marzu, 1842, fejn “twaqqfet b’mod divin biex tikkumplimenta s-saċerdozju” (Dallin H. Oaks, “L-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju,” Liahona, Mejju 2014, 51). Fl-għażla ta’ isem għall-organizzazzjoni l-ġdida, kienet ikkunsidrata l-kelma benevolent, iżda nisa ppreferixxew solliev . Emma Smith, l-ewwel president tal-organizzazzjoni, u Eliza R. Snow, is-segretarj tagħha li aktar tard serviet bħala t-tieni president tas-Soċjetà tas-Solliev, spjegat li benevolent kienet kelma popolari—popolari mal-istituzzjonijiet ta’ dak iż-żmien—iżda l-popolarita “m’għandhiex tkun il-gwida tagħna.” Emma qalet li l-kelma solliev kienet tiddeskrivi aħjar il-missjoni tagħhom. “Aħna se nwettqu xi ħaġa straordinarja … nistennew okkażjonijiet straordinarji u sejħiet diffiċli” (Emma Smith, f’Nauvoo Relief Society Minute Book, 17 ta’ Mar., 1842, 12, josephsmithpapers.org). Tabilħaqq, il-mandat tas-Soċjetà tas-Solliev dejjem kien li tipprovdi s-solliev temporali u spiritwali. Joseph Smith għallem, “Is-Soċjetà mhijiex biss biex tgħin lill-foqra, iżda biex issalva l-erwieħ” (f’Nauvoo Relief Society Minute Book, 9 ta’ Ġunju, 1842, 63, josephsmithpapers.org). U għalhekk is-Soċjetà tas-Solliev tkompli tipprovdi s-solliev: “Solliev mill-faqar, solliev mill-mard; solliev mid-dubju, solliev mill-injoranza—solliev minn dak kollu li jżomm lura l-hena u l-progress tal-mara” (John A. Widtsoe, Evidences and Reconciliations, arr. G. Homer Durham, 3 vols. in 1 [1960], 308).

  22. Doctrine and Covenants 81:5; ara wkoll Lhud 12:12.

  23. Galatin 6:2.

  24. F’waħda mill-ewwel laqgħat tas-Soċjetà tas-Solliev li kienet għadha kif ġiet organizzata, Lucy Mack Smith, omm il-Profeta Joseph Smith, qalet: “jeħtieġ ngħinu lil xulxin, inħarsu lil xulxin, infarrġu lil xulxin, u niksbu l-għarfien, sabiex inkunu nistgħu npoġġu bilqiegħda lkoll flimkien fis-smewwiet.” L-istoriku Jennifer Reeder dwar dan kitbet, “F’kawża unita biex jipprovdu s-solliev,in-nisa jidħlu sħab ma’ Kristu, u meta jagħmlu dan, huma jsibu s-solliev tiegħu” (First: The Life and Faith of Emma Smith [2021], 130).

  25. Ara Merriam-Webster.com Dictionary, “relief.”

  26. Ara Dictionary.com, “relief.”

  27. Ara Mattew 28:1–8.