Wara r-Raba’ Jum
Hekk kif nimxu ’l quddiem b’fidi f’Ġesù Kristu, ir-raba’ jum dejjem se jasal. Huwa dejjem ikun hemm biex jgħinna.
Kif ġejna mfakkrin dalgħodu, illum hu Ħadd il-Palm, fejn infakkru d-daħla trijonfali tas-Salvatur f’Ġerusalemm u l-bidu ta’ dik il-ġimgħa mqaddsa ta’ qabel l-Espjazzjoni kbia tiegħu, li tinkludi fiha t-tbatija, il-Kruċifissjoni, u l-Qawmien tiegħu.
Ftit żmien biss qabel id-daħla tiegħu fil-belt, imħabbra minn qabel, Ġesù Kristu kien għaddej b’ħidmietu meta l-għeżież ħbieb tiegħu Marija u Marta marru jgħidulu li ħuhom Lazzru kien marid.1
Minkejja li l-marda ta’ Lazzru kienet waħda serja, il-Mulej “baqa’ jumejn oħra fejn kien. “U mbagħad qal lid-dixxipli: Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.”2 Qabel irħielha lejn id-dar ta’ sħabu f’Betanja, “Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu ċar u tond, Lazzru miet.”3
Meta Ġesù wasal Betanja u ltaqa’ l-ewwel ma’ Marta u mbagħad ma’ Marija, forsi minħabba l-frustrazzjoni tagħhom li kien wasal tard, huma laqgħuh it-tnejn billi qalulu, “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.”4 Marta kompliet biex qaltlu, “Issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.”5
Dawn l-erbat ijiem kienu mill-aktar sinifikanti għal Marija u Marta. Skont ċerti skejjel ta’ ħsieb rabbiniċi, kienu jemmnu li l-ispirti ta’ xi ħadd li jmut kien jibqa’ fil-ġisem għal tlett ijiem, fejn kienu jibqgħu bit-tama li kien hemm possibbiltà li jkun għadu ħaj. Madankollu, mar-raba’ jum dik it-tama kienet tgħib, forsi għaliex il-ġisem jibda jitmermer u “jrejjaħ.”6
Marija u Marta kienu fi stat ta’ disprament. “Kif Ġesù ra lil Marija tibki, … ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna,
“U staqsiehom, Fejn qegħedtuh? Huma weġbuh: Mulej, ejja u ara.”7
Hu f’dan il-mument li naraw wieħed mill-akbar mirakli fil-ministeru mortali tas-Salvatur. L-ewwel il-Mulej qal, “Neħħu l-blata.”8 Imbagħad, wara li ta ġieħ lil Missieru, “għajjat b’leħen għoli, Lazzru, oħroġ.
“U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom, Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”9
Bħal Marija u Marta, aħna għandna l-opportunità li nesperjenzaw kollox fil-mortalità, saħansitra in-niket10 u d-dgħufija.11 Ilkoll kemm aħna sejrin nesperjenzaw l-uġigħ il-qalb li jakkumpanja t-telfien ta’ xi ħadd li nħobbu. Il-vjaġġ mortali tagħna jaf jinkludi fih mard personali jew xi marda debilitanti ta’ xi ħadd mill-maħbubin tagħna; id-dipressjoni, l-anzjetà, jew sfidi oħra tas-saħħa mentali; diffikultajiet finanzjarji; tradiment; dnub. U xi kultant ma’ dawn ikun hemm ukoll sentimenti ta’ disperanza. Jien mhux differenti minnkom. Bħalkom, jiena esperjenzajt għadd ta’ sfidi li huma mistennija f’din il-ħajja. Jolqotni ħafna dan ir-rakkont dwar is-Salvatur u dak li jgħallimni dwar ir-relazzjoni tagħna miegħu.
Waqt l-akbar tħassib tagħna, aħna, bħal Marija u Marta, infittxu lis-Salvatur jew nitolbu lill-Missier għall-intervent divin tiegħu. L-istorja ta’ Lazzru tgħallimna prinċipji li jistgħu japplikaw għal ħajjitna hekk kif niffaċċjaw l-isfidi individwali tagħna.
Meta s-Salvatur wasal f’Betanja, kulħadd kien tilef it-tama li Lazzru seta’ jiġi salvat—kienu għaddew erbat ijiem, u hu kien miet. Xi kultant waqt l-isfidi tagħna, nafu nħossu li Kristu ħa jdum ħafna ma jiġi, u t-tama u l-fidi tagħna jafu jiddgħajfu xi ftit. Ix-xhieda u testimonjanza tiegħi huma li hekk kif aħna nimxu ’l quddiem b’fidi f’Ġesù Kristu, ir-raba’ jum dejjem se jasal. Hu dejjem se jiġi biex jgħinna jew biex jerġa’ jimliena bit-tama għall-ħajja. Huwa wiegħed:
“Tħallux qalbkom titħawwad.”12
“Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom.”13
Xi kultant inħossuna bħallikieku Huwa se jdum sar-raba’ jum figurattiv biex jiġi jżurna, wara li kważi nkunu tlifna kull tama. Iżda għalfejn daqshekk tard? Il-President Thomas S. Monson għallem, “Missierna fis-Smewwiet, li jagħtina tant ħwejjeġ sbieħ li jferrħuna, jaf ukoll li aħna nitgħallmu u nikbru u nissaħħu hekk kif inħabbtu wiċċna mal-isfidi tal-ħajja, u negħlbuhom, liema sfidi jeħtiġilna ngħaddu minnhom.”14
Anke l-Profeta Joseph Smith ħabbat wiċċu ma’ esperjenza enormi tar-raba’ jum. Tiftakru x’talab bil-ħerqa? “O Alla, fejn int? U fejn hu l-għarix li qed tinħeba fih?”15 Hekk kif nafdaw fih, aħna nistennew tweġiba bħal din: “Ibni [jew binti], sliem għalik; l-avversità tiegħek u t-tbatija tiegħek se jkunu biss għal żmien qasir.”16
Messaġġ ieħor li nistgħu nitgħallmu mill-istorja ta’ Lazzru huwa x’jista’ jkun l-irwol tagħna fl-intervent divin li nkunu qed nistennew. Meta Ġesù resaq lejn il-qabar, Huwa l-ewwel qal lil dawk li kienu hemm, “Neħħu l-blata.”17 Bil-qawwa li kellu s-Salvatur, ma setax Hu neħħa l-blata b’mod mirakoluż mingħajr ħafna sforz? Din kienet tkun xi ħaġa impressjonanti li wieħed jara kif ukoll esperjenza indimentikabbli, madankollu Huwa qal lil-oħrajn, “Neħħu l-blata.”
It-tieni, il-Mulej “għajjat b’leħen għoli, Lazzru, oħroġ.”18 Ma kenitx tkun ħaġa aktar impressjonanti li kieku l-Mulej innifsu b’mod mirakoluż qiegħed lil Lazzru fid-daħla ħalli jkun jista’ jidher mill-ewwel mill-folla meta huma neħħew il-blata?
It-tielet, meta Lazzru ħareġ, huwa kien “b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom, Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”19 Jien ċert li l-Mulej kien kapaċi jpoġġi lil Lazzru quddiem id-daħla, diġà nadif u lest għal quddiem in-nies, bil-faxex diġà mitwijin.
Għalfejn qiegħed nenfasizza dawn il-punti? Kull waħda minn dawn it-tliet affarijiet kellhom xi ħaġa komuni—l-ebda waħda ma kienet teħtieġ l-użu tal-qawwa divina ta’ Kristu. Dak li d-dixxipli tiegħu setgħu jagħmlu, Hu talabhom biex jagħmlu. Id-dixxipli kienu bla dubju kapaċi jmexxu l-blata; Lazzru, wara li ġie mqajjem, kien kapaċi jieqaf u jippreżenta lilu nnifsu fid-daħla tal-qabar; u dawk li kienu jħobbu lil Lazzru setgħu bla dubju jgħinuh ineħħi l-faxex.
Madankollu, kien Kristu biss li kellu l-qawwa u l-awtorità li jqajjem lil Lazzru mill-mewt. L-impressjoni tiegħi hi li s-Salvatur jistenniena nagħmlu dak kollu li nistgħu, u Hu jagħmel dak li Hu biss jista jagħmel.20
Aħna nafu li “l-fidi [fil-Mulej Ġesù Kristu] hija prinċipju ta’ għemil”21 u “l-mirakli ma jipproduċux il-fidi, iżda l-fidi qawwija niżviluppawha permezz tal-ubbidjenza lejn l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Fi kliem ieħor, il-fidi tasal permezz tat-tjieba.”22 Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex naġixxu b’mod tajjeb u nħarsu l-patti sagri u napplikaw id-duttrina ta’ Kristu f’ħajjitna, il-fidi tagħna mhux biss tkun suffiċjenti biex inwasslu sar-raba’ jum, iżda bl-għajnuna tal-Mulej aħna nkunu kapaċi wkoll inneħħu l-blat li jinsab fit-triq tagħna, negħlbu d-disprament, u ninħallu minn dak kollu li jkun qed jorbotna. Filwaqt li l-Mulej jistenna li aħna “nagħmlu dak kollu li għandna l-qawwa nagħmlu,”23 għandna niftakru li Huwa jipprovdi l-għajnuna meħtieġa f’dan kollu hekk kif aħna nafdaw fih.
Kif nistgħu nneħħu l-blat u nibnu fuq il-blata tiegħu?24 Aħna nistgħu nisimgħu mill- parir tal-profeti.
Per eżempju, Ottubru li għadda, il-President Russell M. Nelson talabna biex nieħdu f’idejna t-testimonjanzi tagħna tas-Salvatur u l-evanġelju tiegħu, naħdmu għalihom u nieħdu ħsiebhom, inmantnuhom permezz tal-verità, u nevitaw li nniġġsuhom permezz tal-filosofiji foloz ta’ dawk li ma jemmnux. Huwa wiegħed lil kull wieħed u waħda minna, “Hekk kif l-ogħla prijorità tagħkom issir li intom ssaħħu kontinwament it-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu, araw il-mirakli jseħħu f’ħajjitkom.”25
Żgur li nistgħu nagħmlu dan!
Kif nistgħu b’mod figurattiv inqumu u noħorġu? B’ferħ nistgħu nindmu u nagħżlu li nobdu l-kmandamenti. Il-Mulej qal, “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”26 Aħna nistgħu nagħmlu li tistgħu biex nindmu kuljum u b’ferħ nibqgħu mexjin ’il quddiem b’qalb disposta mimlija mħabba għall-Mulej.
Żgur li nistgħu nagħmlu dan!
Kif nistgħu, bl-għajnuna tal-Mulej, ninħallu minn dak kollu li qed jorbotna? Aħna nistgħu intenzjonalment norbtu lilna nfusna l-ewwel u fuq kollox ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, permezz tal- patti. Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem: “X’inhu s-sors tal-qawwa morali u spiritwali tagħna, u kif nistgħu niksbuha? Is-sors hu Alla. L-aċċess tagħna għal dik il-qawwa huwa permezz tal-patti tagħna miegħu. … F’dan il-ftehim divin, Alla jorbot lilu nnifsu li jsostnina, iqaddisna, u jeżaltana jekk aħna nuru l-impenn tagħna li nservuh u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.”27 Aħna nistgħu nagħmlu u nħarsu patti sagri.
Żgur li nistgħu nagħmlu dan!
“Neħħu l-blata.” “Oħroġ.” “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur,”
Pariri, kmandamenti, u patti. Żgur li nistgħu nagħmlu dan!
Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland wiegħed, “Xi barkiet niksbuhom fi żmien qasir, oħrajn jaslu aktar tard, u xi oħrajn irridu nistennew sakemm inkunu fis-smewwiet; iżda għal dawk li jħaddnu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jaslu żgur.”28
U finalment, “Għalhekk, kunu ferħanin, u tibżgħux, għax jiena l-Mulej ninsab magħkom u nieqaf magħkom.”29
Din hija x-xhieda u t-testimonjanza tiegħi, fl-isem sagru ta’ Dak li dejjem sejjer jiġi, l-istess Ġesù Kristu, ammen.