Meta Għandek Tirċievi l-Barka Patrijarkali Tiegħek
Meta tirċievu l-barka tagħkom, intom tirrealizzaw u tħossu kemm verament iħobbukom Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, u kemm jiffokaw fuqkom individwalment.
Ilbieraħ il-ħabib għażiż tiegħi, il-Presbiteru Randall K. Bennett, tkellem dwar il-barkiet patrijarkali. Kien messaġġ mill-aktar impressjonanti u ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Għeżież ħuti, tippermettuli li jien ukoll nitkellem dwar il-barkiet patrijarkali? Intom il-patrijarki, hekk kif it-talba għall-barkiet patrijarkali tiżdied, nitlob li l-Mulej iberikkom hekk kif intom tkomplu tkabbru s-sejħa tagħkom.
Kull darba li nattendi l-konferenzi tal-wited, jien dejjem immur niltaqa’ mal-patrijarka tal-wited u l-mara tiegħu. Il-patrijarki huma mexxejja msejħin minn Alla, nies mill-aktar ġentili, ubbidjenti, u inkredibbli. Huma jirrakkontawli bosta esperjenzi spiritwali meraviljużi. Jiena nistaqsihom x’inhi l-età tal-iżgħar u l-ixjeħ persuna li lilha taw barka. Sa issa l-iżgħar kellha 11, u l-ixjeħ kellha 93.
Jiena rċevejt il-barka patrijarkali tiegħi meta kelli 19-il sena, meta kont għadni membru ġdid tal-Knisja, sentejn wara li tgħammidt. Il-patrijarka tiegħi kien xiħ għakka. Huwa ngħaqad mal-Knisja fl-1916 u kien pijunier tal-Knisja fil-Ġappun. Kien ta’ unur kbir għalija li nirċievi l-barka patrijarkali tiegħi mingħand dak id-dixxiplu meraviljuż tal-Mulej. Il-Ġappuniż tiegħu kien xi ftit diffiċli għalija biex nifhmu, iżda kien jitkellem b’ċertu qawwa.
Il-patrijarki li ltqajt magħhom jgħiduli li ħafna individwi jirċievu l-barkiet patrijarkali tagħhom ftit qabel ma jmorru jservu missjoni. Għeżież ġuvintur, tfajliet, ġenituri, u isqfijiet, il-barkiet patrijarkali mhumiex biss biex wieħed jitħejja ħalli jservi missjoni. Membri mgħammdin denji jistgħu jirċievu l-barka patrijarkali tagħhom meta ż-żmien ikun xieraq li jagħmlu dan.1
Għeżież membri adulti, xi wħud minnkom għadkom ma rċevejtux il-barka patrijarkali tagħkom. Ftakru, m’hemmx età sa meta tistgħu tirċevuha.
Omm il-mara tiegħi kienet membru mill-aktar attiva tal-Knisja, fejn serviet bħala għalliema tas-Soċjetà tal-Għajnuna sakemm hija mietet fl-età ta’ 91 sena. Verament ħassejtni mnikket meta sirt naf li ma kenitx irċeviet il-barka patrijarkali tagħha. Hija għaddiet minn għadd ta’ diffikultajiet f’ħajjitha, u peress li f’darha ma kellha lil ħadd li jħaddan is-saċerdozju, hija ma rċevietx ħafna barkiet tas-saċerdozju. Barka saċerdotali setgħet twasslilha l-faraġ meta l-aktar kienet teħtieġu.
Intom l-adulti, jekk għadkom ma rċevejtux barka patrijarkali, nitlobkom biex ma tinkwetawx! L-iskeda spiritwali tagħna lkoll hija differenti. Jekk intom għandkom 35 jew 85 sena u għandkom xewqa, tkellmu mal-isqof tagħkom dwar kif tistgħu tirċievu l-barka tagħkom.
Intom il-membri l-ġodda tal-Knisja, smajtu bil-barkiet patrijarkali? Jien ma kontx naf bl-opportunità li nirċievi waħda meta ngħaqadt mal-Knisja, iżda l-għażiż isqof tiegħi kellimni dwar il-barkiet patrijarkali u ħeġġiġni biex nitħejja ħalli nirċievi l-barka tiegħi wara li tgħammidt. Għeżież membri ġodda, intom ukoll tistgħu tirċievu barka patrijarkali. Il-Mulej jgħinkom titħejjew għal din l-opportunità sagra.
Ejjew nikkunsidraw żewġ għanijiet għal barka patrijarkali:
-
Barka patrijarkali tikkonsisti minn parir personali mingħand il-Mulej għalik.2
-
Barka patrijarkali tiddikjara n-nisel tagħkom fid-dar ta’ Iżrael.
Il-barka patrijarkali tagħkom hija messaġġ mingħand Missierkom fis-Smewwiet u probabbilment tinkludi ċerti wegħdiet u parir ispirat biex jiggwidawkom tul ħajjitkom. Barka patrijarkali mhijiex sejra tispjegalkom kif se tkun ħajjitkom u lanqas mhi se twieġeb kull mistoqsijiet li jkollkom. Jekk xi avveniment importanti relatat ma ħajjitkom ma jissemmiex, toħduhiex li dan ifisser li mhux se jkollkom dik l-opportunità. Bl-istess mod, m’hemmx garanzija li kull ħaġa fil-barka tagħkom se sseħħ f’din il-ħajja. Barka patrijarkali hija eterna, u jekk tgħixu denji, il-wegħdiet li mhumiex se jitwettqu f’din il-ħajja se jingħataw fil-ħajja li jmiss.3
Hekk kif tirċievu dikjarazzjoni tan-nisel, intom issiru tafu li intom parti mid-dar ta’ Iżrael u nisel Abraham.4 Biex tifhmu s-sinifikat ta’ dan, iffokaw fuq il-wegħdiet li l-Mulej għamel lid-dar ta’ Iżrael permezz ta’ Abraham.
Dawk il-wegħdiet jinkludu:
-
“Nislu se jkun wieħed numeruż (ara Ġenesi 17:5–6; Abraham 2:9; 3:14).
-
“In-nisel u d-dixxendenti tiegħu se jirċievu l-evanġelju u se jkollhom is-saċerdozju (ara Abraham 2:9).
-
“Permezz tal-ministeru ta’ nislu, ‘il-familji kollha tad-dinja se jkunu mberkin, sewwasew bil-barkiet tal-Evanġelju, li huma l-barkiet tas-salvazzjoni, sewwasew tal-ħajja ta’ dejjem’ (Abraham 2:11).”5
Bħala membri tal-Knisja, aħna wlied il-patt.6 Aħna nirċievu l-barkiet tal-patt Abrahamiku hekk kif aħna nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju.
It-tħejjija għall-barka patrijarkali tagħkom tgħinkom tkabbru l-fidi tagħkom f’Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. U meta tirċievu l-barka patrijarkali tagħkom u taqrawha u tixtarru dwarha, intom tkunu tistgħu tiffokaw fuqhom aktar ta’ spiss.
Il-President Thomas S. Monson spjega, “L-istess Mulej li pprovda Liahona għal Leħi jipprovdi għalikom u għalija llum rigal rari u prezzjuż li jagħtina direzzjoni f’ħajjitna, li jurina l-perikli li jkun hemm quddiemna, u jfasslilna t-triq, sewwasew ir-rotta mingħajr periklu—mhux lejn l-art imwiegħda, iżda lejn darna fis-smewwiet.”7
Għeżież isqfijiet, ġenituri, presidenti tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna, mexxej tal-missjoni tal-qasam, aħwa tal-ministeru, jekk jogħġobkom ħeġġu lil dawk il-ġuvintur u t-tfajliet, lill-membri adulti, u lill-membri ġodda li għadhom ma rċevewx il-barka patrijarkali tagħhom biex ifittxu d-direzzjoni tal-Mulej u għinuhom fit-tħejjija tagħhom biex jagħmlu dan.
Jiena spiss naqra bl-għajnuna tat-talb il-barka patrijarkali tiegħi; dejjem timlieni bil-kuraġġ. Jiena nagħraf dak li jistenna minni l-Mulej, u għenitni nindem u nibqa’ umli. Meta jiena naqraha u nixtarr dwarha, jiena jkolli x-xewqa li ngħix denn li nikseb il-barkiet imwiegħda.
L-istess kif skrittura li nkunu qrajnieha bosta drabi jkollha tifsira ġdida għalina aktar tard, il-barka patrijarkali tagħna jkollha tifsira differenti għalina f’mumenti differenti. Il-barka tiegħi llum għandha tifsira differenti milli kellha meta kelli 30 u meta kelli 50. Mhux għax il-kliem inbidel, iżda għax aħna nibdew inħarsu lejhom b’mod differenti.
Il-President Dallin H. Oaks iddikjara li barka patrijarkali “tingħata taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu u għandha tinqara u tiġi interpretata taħt l-influwenza ta’ dak l-istess Spirtu. Maż-żmien it-tifsira u s-sinifikat tal-barka patrijarkali jiġu mgħallmin lilna linja wara linja bil-qawwa ta’ dak l-istess Spirtu li ispiraha.”8
Ħuti, jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li Missierna fis-Smewwiet u l-Iben il-Maħbub u Waħdieni tiegħu, il-Mulej Ġesù Kristu, jgħixu. Huma jħobbuna. Il-barkiet patrijarkali huma rigali sagri mingħandhom. Meta tirċievu l-barka tagħkom, intom tirrealizzaw u tħossu kemm Huma verament iħobbukom u kemm jiffokaw fuqkom individwalment.
Il-Ktieb ta’ Mormon huwa testment ieħor ta’ Ġesù Kristu. U jiena grat li ninsabu mmexxijin minn profeta ħaj, il-President Russell M. Nelson.
Jiena verament grat għas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Dan Ħadd il-Għid jiena se niffoka fuqu u fuq il-Qawmien tiegħu, u se nqimu u nagħtih ġieħ għas-sagrifiċċju tiegħu. Jiena naf li Huwa bata tant għaliex Huwa jħobbna tant. Jiena naf li Huwa qam mill-imwiet minħabba l-imħabba tiegħu lejna. Huwa reali. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, ammen.